Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/920429
Aħbarijiet 8 illum | Il-Ħadd 31 ta' Diċembru 2017 Marlene Farrugia Marlene, waħda minn dawk li jew tħobbhom jew le. L-2017 kienet sena tajba għall-eks Deputata Laburista u eks Kap tal-Partit Demokratiku Marlene Farrugia. Minkejja l-ħafna argumenti dwar kif il-koalizzjoni kienet se 'tgħattan' u 'tgħaffeġ' li dan il-partit żgħir fi stadji embrijoniċi, fil-fatt kien il- PD li spiċċa minn fuq minn tali koalizzjoni. Marlene Farrugia kienet eletta fl-10 Distrett. Il-fatt li ġiet eletta kienet xi ftit ta' sorpriża, li kienet eletta fuq id-Distrett ta' Tas-Sliema/ San Ġiljan għas-skapitù ta' Deputati Nazzjonalisti stabbiliti bħal George Pullicino kienet sorpriża ferm ikbar. Godfrey Farrugia, li abbanduna lill-Partit Laburista u ngħaqad mal- PD jiem qabel ma tħabbret l-elezzjoni wkoll reġa' kien elett, fid-distrett fejn huwa tabib (is-seba' distrett). Huwa kiseb 1,080 vot. Il-kampanja elettorali tat lil Marlene u lil Godfrey pjattaforma qawwija u effettiva minn fejn setgħu jsemmgħu leħinhom u juru l-għadab tagħhom għall- Gvern Laburista, xi ħaġa li naturalment niżlet u għadha tinżel tajjeb ħafna ma' dawk li jopponu lil Joseph Muscat. Il-fatt li 52.7% tat- tesserati Nazzjonalisti għażlu lil Delia, fetaħ bieb ta' opportunità oħra lil Marlene li biex tibqa' tissopravivi, issa 'l barra mill-PN (wara li t-tmexxija ta' Delia annulla l-arraġament pre-elettorali mal-PD), jeħtieġ tkun l-aktar vuċi b'saħħitha li tirrappreżenta l-għajtiet pre-elettorali tal-PN. Dan ifisser li tkompli l-għajta favur il- governanza tajba, it- trasparenza u favur il-kitbiet u l-kruċjati li għamlet DCG, filwaqt li tibqa' kritika ħarxa ħafna ta' Muscat, affarijiet li s'issa Delia qed isibha diffiċli li jagħmel. Id-diżillużjoni li kien hemm fl-2017 fost bosta Nazzjonalisti li ma jridux jafu b'Delia jaf taħdem favur Marlene u Godfrey Farrugia fl-2018 u forsi, saħansitra, fl-2019 (Elezzjoni tal-Parlament Ewropew). George Pullicino Dan id-Deputat Nazzjonalista u eks membru tal-kabinett tal-PM Lawrence Gonzi jista' jgħodd l-2017 bħala sena politika ħażina ħafna għalih. Huwa naqqas il-voti li kien ġab fl-2013 b'3,561. Jiġifieri minn 5,068 vot fl-2013 għal 1,507 voti fl- 2017. Pullicino, apparti li tilef eluf ta' voti, ma kienx elett fil-Parlament hekk kif minfloku kienet eletta Marlene Farrugia. B'hekk, għallinqas għalissa, Pullicino sparixxa mix- xena politika. Edward Zammit Lewis L-2017 kienet sena ħażina wkoll għal Edward Zammit Lewis, l-avukat Karkariż li fl-aħħar leġiżlatura kien il-Ministru għat-Turiżmu u responsabbli mill-Air Malta. Fit-tmien distrett fejn huwa b'saħħtu kienu eletti Chris Cardona u Edward Scicluna, b'Zammit Lewis elett biss wara l-elezzjoni każwali. L-eks Ministru għalhekk mar fuq il-'back bench'. Fil-verità, Zammit Lewis ma tilifx voti mill-2013 hekk kif fil-fatt fl-2017 kien kiseb 123 vot iktar. Minkejja dan, jidher li l-voti tal-eks Deputat Laburista Joe Debono Grech tqassmu aktar fuq Cardona u Scicluna. Il-Kummissarju tal- Pulizija Għall-Kummissarju tal- Pulizija din kienet sena illi fiha kellu jiffaċċja ħafna kritika. Ma kinitx fenkata li mar għaliha, proprju f 'dak il-lejl illi fih kienet żvelata l-allegazzjoni dwar Egrant (ara aktar dwarha fuq il- paġni l-oħrajn tal-analiżi). Huwa kien ikkritikat illi ma kienx effettiv u veloċi biżżejjed f 'xogħlu dakinhar u akkużat ukoll li baqa' jistenna lill-PM isejjaħ inkjesta biex ħa azzjoni. Il-qtil ta' DCG u l-fatt li dam ma tkellem mal-midja u (biex tgħaxxaq) il-fatt li meta tkellem mal-midja ppreżenta konferenza stampa konfuża u inutli, għenu biex l-immaġġini ta' Cutajar tkompli tieħu majnata 'l isfel. Il-PN akkużah ukoll li ma ħax azzjoni fuq rapport tal- FIAU dwar ħasil ta' flus. Minkejja l-kritika qawwija u xi kultant ukoll iż-żufjett li kellu jiffaċċja Cutajar fl-2017, il-Korp tal-Pulizija għamel ukoll kisbiet konsiderevoli. Fost dawn hemm qabdiet rekord ta' droga, tkissir ta' ċrieki ta' kriminalità relatata ma' serq ('pickpocketing' u minn ATMs) u naturalment il-fatt li l-Pulizija rnexxielha taqbad tliet irġiel li qed ikunu akkużati bil-qtil ta' DCG. Iżda d-daqqiet li qala' l-Korp fl-immaġini tiegħu kienu kbar wisq. Cutajar se jkollu ħafna x'jagħmel biex ireġġa' lura l-ħsara u l-isfiduċja wiesgħa li hemm fih. Chris Fearne Għal Chris Fearne l-2017 kienet is-sena li tatu spinta politika tajba u ġabitu eqreb lejn l-ogħla kariga fil-Gvern. Fil-fatt Fearne kiseb 10,098 vot fl- elezzjoni ġenerali ta' Ġunju, li jfisser illi huwa l-aktar Deputat Parlamentari li ġab voti wara Joseph Muscat u Simon Busuttil. Huwa kiseb 5,405 voti fir-Raba' Distrett u 4,693 vot fuq it- Tielet Distrett. Huwa kiseb l-akbar ammont ta' voti miż-żewġ Distretti. Intant, wara s-suċċess elettorali u distrettwali, Fearne kkontesta għall- kariga ta' Deputat Mexxej tal-Partit Laburista. Miegħu kkontestaw, il- Ministru Edward Scicluna u l-Ministru Helena Dalli. Fearne rebaħ din l-elezzjoni, b'maġġoranza sempliċi ta' 51.3%. B'hekk huwa nħatar Deputat Prim Ministru. Kristy Debono Kristy Debono reġgħet kienet eletta fil-Parlament għat-tieni darba, imma din id-darba b'aktar minn 4,000 vot. Fil-fatt fid-Disa' Distrett hija rnexxielha tgħaddi lil-lista twila ta' kandidati Nazzjonalisti, uħud minnhom li kienu ilhom jikkontestaw ħafna elezzjonijiet. Wara li appoġġjat il- kandidatura ta' Adrian Delia, Debono li tiġi mart Jean Pierre Debono li ċeda s-siġġu parlamentari tiegħu lil Delia, ikkontestat u rebħet elezzjoni għal kariga fil-PN. Fil-fatt f 'Novembru hija kienet eletta l-President il-ġdid tal-Kunsill Ġenerali tal-PN. Anton Refalo L-2017 kienet is-sena illi matulha l-eks Ministru t'Għawdex Anton Refalo kellu jippakkja minn Pjazza San Franġisk wara li kien ċar (anke kif kienet irrapportat din il-gazzetta stess) li l-PM Muscat ma tantx kien xtaqu jibqa' fil- Kabinett. It-tneħħija ta' Refalo minn Ministru u lura fuq il-'back bench', tiġi wara sensiela ta' stejjer li ħammrulu wiċċu ftit mhux ħażin. Fosthom dwar allegat indħil f 'allegat każ ta' 'care order' u allegat indħil ukoll biex Daniel Bogdanovich jinħeles mill- kustodja tal-Pulizija ħalli jkun jista' jilgħab logħba 'kruċjali'. Kien ukoll issemma f 'allegat indħil biex xi nies jinħelsu minn akkużi ta' drogi, xi ħaġa li inkjesta ma sabet l-ebda prova dwarha. Intant, minkejja li Refalo spiċċa barra l-kabinett huwa xorta kien kiseb ammont kbir ta' voti fl- aħħar elezzjoni ġenerali, fil-fatt b'4,853 vot huwa kien l-aktar Deputat Għawdxi li ġab voti u l-unika Deputat li ġab daqstant voti u ma ngħata ebda rwol fil-Gvern. Ħaditlu postu Justyne Caruana. Min ġab aktar voti, min baqa' l-art u min qala' baraxx kritika Marlene ħadet li riedet, Kristy telgħet 'il fuq, Fearne laħaq, Pullicino baqa' l-art u Refalo tħalla barra agcunningham@mediatoday.com.mt Albert Gauci Cunningham