Illum previous editions

illum 31 December 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/920429

Contents of this Issue

Navigation

Page 20 of 35

21 Il-Ħadd 31 ta' Diċembru 2017 | illum Editorjal Editorjal ILLUM, MEDIATODAY LTD, VJAL IRRIĦAN, SAN ĠWANN SĠN 9016 Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075 Ittri u Kummenti, Imejl: illum@mediatoday.com.mt L-2017 għallmitna ħafna... I s-sena 2017 issa tinsab -aħħar mumenti tagħha u għada lgħodu titniżżel bħala parti mill-istorja. Għalhekk ikun tajjeb li f 'dan l-aħħar editorjal ta' din is-sena nagħtu ħarsa lejn l-akbar tagħlimiet politiċi li tat din is-sena lil dawk li jmexxuna, lil dawk li suppost qed jibnu oppożizzjoni b'saħħitha u lilna lkoll, ċittadini, kemm dawk li jaħdmu fil-midja u anke dawk li le. L-ewwel u qabel kollox, din is-sena wrietna kemm id-demokrazija hija xi ħaġa ħajja, imma fraġli wkoll u kemm il-kalma fil-pajjiż u l-libertà tal-espressjoni mhux dejjem huma awtomatiċi. Il-mumenti illi fihom kienet ġiet żvelata allegazzjoni sejra fil-konfront ta' mart il-Prim Ministru, Michelle Muscat u s-sigħat ta' wara kienu mumenti li fihom l-arja politika qraset u tqalet ħafna. Id-diskorsi u l-immaġini ta' Prim Ministru u martu fil- ħabs u l-inkoraġġiment biex il-Pulizija u s-servizzi sigirieti u l-President 'jagħmlu dak li għandu bżonn isir' biex jitneħħa Prim Ministru leġittimu, qanqlu biża' fil-pajjiż li s-sitwazzjoni taf tintilef mill-kontroll. Għal mument ħafna, anke wħud fil-midja, bdew jistaqsu jekk id-diskors ta' Simon Busuttil dakinhar kienx kważi għajta biex isir kolp u jitneħħa PM leġittimu, fuq allegazzjoni serja imma sa issa mhux pruvata. Minn dak il-ħin lil hemm il-poplu kellu jassisti għal waħda mill-aktar kampanji elettorali illi fihom iddominat il-qrusa, l-antipatija u f 'xi minn daqqiet il-mibgħeda. Il-fatt li bejn iż-żewġ mexxejja politiċi (Muscat u Busuttil) kienet tinħass, kważi kontinwament din l-animożità, ħafna drabi donnha personali m'għenet assolutament xejn. Biex tgħaxxaq, lejn l-aħħar tas-sena assistejna għall- qtil makabru ta' ġurnalista, f 'attakk bla preċedent fuq persuna li kienet qed tikteb stejjer differenti. Uħud ibbażati fuq id-diċeriji, il- preġudizzju u l-klassiżmu soċjali, imma oħrajn ibbażati fuq informazzjoni li kienet qed tasal għand DCG u li kienet qed theżżeż mill-pedament lill-Gvern Laburista, lil dak li llum imexxi lill-PN u n-nies ta' madwaru, lill-kriminali mdaħħlin fi ċrieki differenti mafjużi u lil min qed iħaxxen butu sew. Għalhekk l-attakk fuq Caruana Galizia kien attakk fuq il-libertà tal- espressjoni. Il-fatt sfortunat li tant u tant nies fittxew li jiġġustifikaw dak li ġara ('ħaqqha', 'min jilgħab man- nar jinħaraq'...) jikkonferma kemm fil-fatt, id-demokrazija hija fraġli. Għax il-mument li niskużaw il-ħażen huwa l-mument li nibdew l-aħħar żelqa 'l isfel. Għandna biżżejjed stejjer traġiċi madwarna li għandhom iżommuna dejjem viġilanti. Fuq in- naħa l-oħra tal-Mediterran għandna eżempju klassiku ta' kif taħt il-mantell tad- demokrazija jista' xorta jiżżerżaq dittatorjat bl-abbuż sfaċċat fuq l-istituzzjonijiet u l-attakki feroċi fuq il-midja. Qed nirreferu għall-fatt li eluf u eluf ta' ċittadini Torok skużaw u għadhom jiskużaw l-oxxenitajiet ta' Recep Tayyip Erdogan, mingħajr ma qed jindunaw li pajjiżhom qed jiżloq dejjem aktar lejn id- dittatorjat. Għalhekk il-bżonn ta' viġilanza. Ma niħdux id-demokrazija, il-libertà tal-espressjoni u speċjalment lill-midja 'foregranted'. Huwa vera li xi kultant niżbaljaw. Huwa vera li xi kultant niżgarraw. Imma ftakkru li l-irwol tal-midja hija ta' għassiesa għal dawk li suppost qed jgħassu. U l-uniċi persuni li ma jridux ġurnalisti ma' saqajhom huma dawk li għandhom il- faħam miblul. Din is-sena wkoll, permezz ta' rebħa storika b'distakk enormi ta' madwar 36,000 vot, uriet illi l-ekonomija, il-but u l-benesseri tal- individwu, tal-familja u tan-negozju għadhom l-aktar fattur importanti fuq moħħ il-poplu meta jivvota. Is- sena 2017, fil-fatt kompliet tpoġġi lil pajjiżna fil-quċċati Ewropej f 'termini ekonomiċi, bix-xogħol, l-ottimiżmu fost ħafna fin-negozju, turiżmu rekord, kif ukoll attività qawwija fil-kostruzzjoni u s-settur tal-proprjetà jkunu fost l-akbar kontributuri għal dan it-tkabbir. Il-fatt li taħt Muscat, anke jekk mhux għal kulħadd, ir-rota qiegħda ddur u qiegħda ddur tajjeb, kienet raġuni biżżejjed biex il-Partit Laburista jerġa' jkun elett. Imma, u hawnhekk se niftħu parentesi u nfakkru; il-kobor tar-rebħa ma jneħħi xejn u m'għandu qatt ineħħi xejn mill-bżonn ta' rettezza fil-ħajja politika, trasparenza meta l-politiku jitratta flus u assi tal-poplu, l-umiltà meta l-politiku jitratta man-nies, l-etika f 'dak kollu li jitratta l-ħajja pubblika u privata u d-diċenza li titlob kariga pubblika. Nawguraw li fl-2018, bla ebda elezzjonijiet, tkun sena illi matulha nirriflettu fuq il-bżonn li ntejbu l-klima politika f 'dan il-pajjiż filwaqt li bħala poplu nitgħallmu nitolbu aktar; nitolbu standards ogħla. Nesiġu aktar; nesiġu li nkunu nafu kif qed ikunu mmaniġġjati l-assi ta' pajjiżna. Ma naqtgħux qalbna li l-bidliet li xtaqna jseħħu. Inkunu viġilanti; għax meta nkunu attenti ma jkun jista' jgħaddina minn għajn il-labra ħadd u aktar ħassieba; għax meta naħsbu b'moħħna mhux b'dak tal-partit inkunu verament bdejna ngħixu l-milja tad-demokrazija lil hinn mill-partitokrazija li fgatna fl-2017. Editur: Albert Gauci Cunningham

Articles in this issue

Links on this page

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 31 December 2017