Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/972189
I d-dibattitu li għaddej dwar il-liġi tal-IVF huwa dibattitu li l-pajjiż għandu bżonnu. Kull min jaħdem fost in- nies, bħalna l-politiċi imma mhux aħna biss, żgur li ltaqa' ma' mijiet ta' familji li jixtiequ li jkollhom it-tfal imma ma jistgħux. Lil dawn il-familji ma nistgħux nagħtuhom daharna imma rridu nagħtuhom spalla. Kieku x-xjenza mhijiex f 'pożizzjoni li toffri soluzzjoni kieku nifhem lil min jgħid li jibqa' kollox kif inhu. Ix-xjenza tagħtihom soluzzjoni. Pajjiżi oħra barra minn Malta – inkluż l-iktar avvanzati – jagħtu opportunità lill-familji li jgawdu mis-soluzzjoni li tagħtihom ix-xjenza. Aħna nagħtu biss farka ta' dik is-soluzzjoni. Ma noffrux is-soluzzjoni kollha, imma biċċa minnha biss. Din għandha tinbidel. Għaliex ħaddieħor iva u aħna le? Xi ħadd irid jikkonvincini għaliex il-Kanadiżi u l-Awstraljani li għandhom diffikultà biex ikollhom it-tfal għandhom dritt għal aċċess sħiħ għas-soluzzjonijiet li tagħtihom ix-xjenza u l-Maltin għandhom dritt biss għal farka ta' soluzzjoni u mhux aċċess sħiħ. X'għandhom il-Maltin inqas mill-Kanadiżi u l-Awstraljani pereżempju? Għaliex għandna nibqgħu bir-realtà li mara fil-Kanada tista' ssir omm u l-istess mara ma tistax issir omm f 'Malta? L-istess mara tista' ssir omm post imma jekk inzertat titwieled f 'post ieħor ma tistax. L-istess kunċett japplika naturalment għall-persuni tal-istess sess li għandhom ikollhom id-drittijiet kollha ta' żwieġ u ugwaljanza. Għaliex għandna nkunu aħna li nċaħħdu lill-persuni jekk ix-xjenza tagħti s-soluzzjonijiet li pajjiżi oħra ilhom jagħmlu użu minnhom? Għaliex barra iva u Malta le? Konvinzjoni morali Jiena bħala deputat elett tal- poplu rrid inżomm f 'moħħi li bid-deċiżjoni li nieħu nagħti iktar ċans għall-ħajja, iktar drittijiet lill-minoranzi u iktar opportunità li jibnew familji. Id-dibattitu hu importanti u allaħares ma hemmx dibattitu fuq xi ħaġa kruċjali bħal din. Imma assolutament ma nistax nifhem lil min jgħid li jekk jien bħala deputat niddeċiedi favur il-ħajja, favur il-prokreazzjoni, favur il-possibbilità li xi ħadd isir omm jew missier jien inkun qiegħed nagħmel xi ħaġa ħażina, jew immorali jew li tneħħi d-dinjità. Nerġa' ngħid – kieku aħna qegħdin nesperimentaw u nkunu l-ewwel pajjiż fid-dinja f 'din il-ħaġa kont nifhem bla ma naqbel ma' min jgħid li għandna nimxu bil-mod. Imma ladarba pajjiżi oħrajn għandhom sistemi li ħadmu, li kienu ta' suċċess u għamlu d-differenza allura nkun qed nagħmel xi ħaġa ħażina jekk ma nissapportjax l-emendi li qed jiġu prosposti. Għalhekk il-Grupp Parlamentari huwa kollu magħqud b'konvinzjoni wara l-emendi u l-bidliet li qed inwettqu. Wara kollox aħna konna wegħedna fil-manifest elettorali tagħna li se ntejbu l-liġi tal-IVF u aħna dak li nwegħdu, inżommu kelmitna dwaru. Anzjani Din il-ġimgħa kellna ħidma tajba ħafna bejn it-Teatru Manoel u San Vinċenz de Paul. Tgħiduli - x'għandhom x'jaqsmu waħda mal-oħra. Vera, dak li jkun ma jifhimx millewwel ir-rabta bejn ir- residenza tal-Gvern għall- anzjani u l-isbaħ teatru li għandna f 'pajjiżna. Biss meta taraw x'għandna f 'moħħna se taqblu magħna li l-ideat tagħna huma ta' ġid. L-ewwel idea hi li noħolqu produzzjonijiet immirati għall-anzjani residenti ta' San Vinċenz de Paul fit-Teatru Manoel. Waqt żjara li għamilt din il-ġimgħa f 'San Vinċenz mal-ħabib kbir tiegħi Tony Agius de Celis mill-ewwel irrealizzajt li ħafna anzjani qatt ma marru t-Teatru Manoel jew jekk marru darba waħda biss snin kbar qabel. Dan mhux sewwa. It-Teatru Manoel huwa tal-anzjani ta' San Vinċenz daqs kemm hu tal-aqwa conoisseur tal-arti. B'dan il-proġett, se nġibu viċin it-Teatru Manoel mal-anzjani tagħna ta' San Vinċenz. It-tieni proġett hu li nużaw l-arti u l-kultura bħala terapija. L-esperti jgħidulek li produzzjonijiet artistiċi maħduma b'sengħa u b'attenzjoni (eż użu ta' kanzunetti antiki eċċ) jistgħu jservu ta' terapija u għajnuna medika lill-anzjani. Għalhekk aħna ħdimna flimkien biex nagħtu dawn is-servizzi ġodda lill-anzjani tagħna u narawhom iktar kuntenti u ferħana bis-saħħa tal-arti. Grazzi minn qalbi lid- diriġenti kollha ta' San Vinċenz de Paul u tat-Teatru Manoel talli ħadmu flimkien u welldu dawn il-proġetti. Elizabeth Ebejer Grazzi b'mod partikolari lil Elizabeth Ebejer, il-Kap Eżekuttiv ta' Teatru Manoel, li fetħet il-bibien beraħ ta' dan it-teatru u tagħtu ħajja u missjoni ġdida. Meta dan il-Gvern għażel lil Elizabeth ma riedx sempliċiment bidla fil-persuna għaliex kieku ma kien jinbidel xejn u nibqgħu kif konna. Ridna bidla fl-attitudni u l-mentalità sabiex inkabbru l-udjenzi u t-Teatru jsir iktar relevanti għall-ħajja tan-nies. Joseph Calleja Irrid ngħid li ma ħadt gost xejn għall-mod ta' kif it-tenur Joseph Calleja ġie kkritikat bl-iktar mod qawwi talli kanta f 'avveniment f 'Londra organizzat mid-ditta Henley & Partners. Naturalment kulħadd għandu dritt jiprotesta u jikkritika. Li wieħed jikkritika lill-politiċi, pereżempju, hu leġittimu u san f 'demokrazija. Imma li l-kritika ta' natura purament politika ddur fuq Joseph Calleja għaliex kanta f 'serata organizzata minn H&P (li magħhom tgħidx kemm ħadmu mill- qrib esponenti ewlenin tal-Oppożizzjoni fil-vesti ta' aġenti) m'għandhiex mis- sewwa. Lanqas mhu sewwa li dak kollu li kitbet Daphne u speċjalment l-istil li kienet kitbet bih f 'daqqa waħda trasforma ruħu f 'xi domma tal-fidi li ma tistax tgħid li ma taqbilx magħha għax tiġi impenġi li qed tgħid xi ereżija. L-omiċidju ta' Daphne Caruana Galizi kien wieħed barbaru, kodard u kundannabbli għall-aħħar. Fatt. Huwa fatt ukoll li wieħed għandu dritt jgħid li ma jaqbilx ma' dak li kienet tikteb Daphne jew l-istil li kienet tuża. Il-libertà tal-espressjoni mhijiex one way. Jekk veru rridu nirrispettaw xi tfisser il-memorja ta' ġurnalisti li jinqatlu b'mod mill-iktar viljakk u inuman irridu niċċelebraw u nipprattikaw bis-serjetà l-valuri tal-libertà tal- espressjoni u tat-tolleranza. Inkella nkunu qed nagħmlu travestija tal-valuri Ewropej li tant huma għal qalbna. U jien m'iniex lest li nagħmel hekk. illum | Il-Ħadd 22 ta' April 2018 18 Opinjoni Ħajjiet ġodda OWEN BONNICI