Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/984656
illum | Il-Ħadd 20 ta' Mejju 2018 Aħbarijiet Mijiet joħonqu Triq ir-Repubblika biex juru solidarjetà mal-Pulizija Minn Yendrick Cioffi MIJIET ta' persuni laqgħu s-sejħa tal-Pulizija ta' Malta u ngħaqdu f 'mixja tul Triq ir-Repubblika biex juru solidarjetà mal-membri tal-korp u mal-Kuntistabbli Simon Schembri, li għadu qed jissielet għal ħajtu fit-taqsima tal-kura intensiva tal-isptar Mater Dei. Il-President ta' Malta, Marie- Louise Coleiro Preca, il-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia u l-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar kienu fost dawk li attendew għall-mixja. Dan apparti l-ispeaker tal- Kamra tad-Deputati, Anglu Farrugia, Ministri u membri tal-Kabinett u anke Deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra. Schembri ttajjar u tkaxkar tul it-triq f 'Ħal Luqa minn żagħżugħ ta' 17-il sena meta għamillu sinjal biex jieqaf sabiex jitolbu d-dokumenti tas- sewqan. Iż-żagħżugħ tressaq il-Qorti akkużat b'attentat ta' qtil u 22 akkuża oħra. Huwa wieġeb mhux ħati iżda ma ngħatax il- ħelsien mill-arrest. F'kummenti lill-midja, il- Kummissarju tal-Pulizija, Lawrence Cutajar saħaq li kibret l-arja fil-konfront tal-Pulizija, iżda minkejja li dan jiffaċjawh kuljum, insista li l-ħidma qatt ma waqfet. "Is-sitwazzjoni saret aktar diffiċli milli kienet 25 sena ilu," qal il-Kummissarju. Tkellem ukoll saħaq fuq il-kundizzjonijiet aħjar li għandhom illum il-Pulizija bis-saħħa tal-ħidma konġunta bejn il-korp u ż-żewġ unjins li jirrappreżentaw lill-pulizija, fosthom fil-ħinijiet tax-xogħol. Insista li jekk pulizija se jkun kuntent fuq il-post tax-xogħol tiegħu, il-ħidma tiegħu se tkun aħjar. "Aħna se nagħmlu minn kollox biex Simon Schembri jsibna miegħu l-ħin kollu," kompla l-Kummissarju waqt li saħaq li se jagħtuh l-għajnuna finanzjarja u psikoloġika li se jkollu bżonn. Min-naħa tiegħu, il-President tal-Police Officers Union, l-ispettur Sandro Camilleri, qal li aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qed isir perikoluż ix- xogħol tal-Pulizija waqt li saħaq li bħalissa l-moral tal-pulizija huwa baxx u hemm rabja fost il-membri tal-korp. "L-istatistika turi li qed innaqsu l-livell ta' kriminalità, iżda għandha bżonn aktar tagħmir, għajnuna u appoġġ," saħaq Camilleri. "Ilna jkollna inċidenti fejn il-Pulizija qed tiġi aggredita kontinwament, mhux biss fiżikament iżda anke moralment u verbalment." Diversi uffiċjali tal-pulizija li attendew għal din il-mixja wkoll esprimew it-tħassib tagħhom għal dak li ġara u appellaw lis-soċjetà biex tirrispetta x-xogħol tagħhom, għax ħadd ma għandu joħroġ għax-xogħol biex ma jirritornax lura. Il-Kummissarju tal-Pulizija jgħid li minkejja 'l-arja li kibbret' fi l-konfront tal-Pulizija, il-ħidma baqgħet għaddejja u saħaq il-korp se jkun dejjem wara l-Kuntistabbli Simon Schembri 'Hemm bżonn l-impenn ta' kulħadd biex neliminaw il-vjolenza fuq it-tfal' Minn Yendrick Cioffi ILPRESIDENT ta' Malta Marie-Louise Coleiro Preca saħqet li llum qabel għada, Malta għandha bżonn politika komprensiva biex telimina kull tip ta' vjolenza fuq it-tfal. Hija qalet dan waqt laqgħa li saret din il-ġimgħa, fil-Palazz ta' San Anton b'antiċipazzjoni għall-konferenza globali bit-tema: 'The Universal Prohibition of Corporal Punishment,' liema laqgħa ser issir f 'Malta bejn it-30 ta' Mejju u l-1 ta' Ġunju. Waqt il-messaġġ tagħha, il- President qalet kif fi żmienha, li ssawwat it-tfal kienet forma ta' dixxiplina aċċetta iżda insistiet li dak huwa żmien li għadda u wasal iż-żmien li din il-prassi tieqaf. "Is-swat tal-ġisem huwa marbut partikolarment mat- tradizzjonijiet u l-kultura tagħna, għalhekk hemm bżonn l-impenn ta' kulħadd biex inkunu nistgħu nassiguraw li l-vjolenza fuq it-tfal tiġi eliminata darba għal dejjem," saħqet Coleiro Preca. Filwaqt li qalet li l-leġiżlazzjoni hija importanti, insistiet li dan mhux biżżejjed u kien hawn li appellat li hemm bżonn jiġu mfassla policies fit-tul li jinkludu b'mod ħolistiku kull strata tas-soċjetà biex tinbidel din l-attitudni b'mod definittiv. "Hemm ukoll, bżonn urġenti li jiġu introdotti għodod biex inkunu nistgħu nevalwaw l-effettività tas-servizzi li jiġu pprovduti f 'dan il-qasam," kompliet tgħid il-President. Temmet tgħid li l-preżenza tal- komunità internazzjonli f 'Malta għandha tgħin biex jittieħdu l-miżuri deċiżivi biex ikun hawn politika komprensiva li tipproteġi u tiggarantixxi ambjent sigur għat-tfal. Is-suġġetti li ġew diskussi waqt il-laqgħa ta' din il-ġimgħa se jkunu qed jiġu diskussi waqt il- konferenza globali li għaliha se jattendu aktar minn 100 delegat minn madwar id-dinja. Il-konferenza li qed tkun organizzata mill-Uffiċċju tal- President, il-Ministeru għad- Drittijiet tat-Tfal u l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, se tinfetaħ minn Marta Santos Pais, ir-rappreżentanta speċjali tal-Ġnus Magħquda kontra l-vjolenza fuq it-tfal. Il-laqgħa se tkun maqsuma f 'erba' gruppi fejn se jiġu diskussi suġġetti varji. Dawn jinkludu l-iżviluppar u t-titjib ta' ħiliet u gwidi għall-professjonisti li jaħdmu mat-tfal jew għat-tfal; kampanji ta' tagħrif u informazzjoni immirati biex jimmobilizzaw is-soċjetà; prijorità fuq prevenzjoni; u li tiġi mfassla leġislazzjoni komprensiva. Skont il-Kumitat tad-Drittijiet tat-Tfal tal-Ġnus Magħquda s-swat tal-ġisem huwa: "Kull tip ta' piena fejn il-forza fiżika hija użata, u tkun intenzjonata biex tipprovoka xi tip ta' wgigħ jew skumdità, żgħar kemm huma żgħar, li ġeneralment jinvolvu, daqqiet, daqqiet ta' ħarta u swat lit-tfal bl-idejn jew bl-għajnuna ta' xi oġġett." Iżda, apparti minn hekk, jeżistu forom oħra ta' penitenzi li mhumiex fiżiċi, iżda li huma ugwalment krudili, u inkompatibbli mal-Konvenzjoni għad-Drittijiet tat-Tfal tal-Ġnus Magħquda, bħall-penitenzi li jiddisprezzaw, jumiljaw, jheddu, jbeżżgħu jew jirridikolaw lit-tfal.