Illum previous editions

ILLUM 30 December 2018

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1066820

Contents of this Issue

Navigation

Page 15 of 31

illum | Il-Ħadd 30 ta' Diċembru 2018 16 Opinjoni Kulħadd hu konxju li f 'partijiet differenti tad-dinja t-temp għaddej minn estrem għall-ieħor. In-National Geographic, riċentement, taħt it-titlu "It-tibdil fil-klima tisforza Gwatemali biex jemigraw" irrappurtat ukoll li "n-nixfa u t-tibdil fil-klima qed jagħmilha diffiċli għall- bdiewa ta' mezzi żgħar biex jgħajxu lill-familji tagħhom. Dan qed iwassal għal kriżi umanitarja.". L-Organizzazzjoni Dinjija tal-Ikel (FAO) u l-Programm Dinji tal-Ikel tal-Ġnus Magħquda huma kkonċernati li n-nixfa qed ikollha impatt sostanzjali fuq dawk l-iktar vulnerabbli fl-Amerika Ċentrali. Din diġà wasslet biex intilfu 280,000 ettaru ta' raba' fil-Gwatemala, l-El Salvador u l-Honduras, u bħala riżultat ta' dan effettwat is-sigurtà tal-ikel ta' żewġ miljun ruħ. Nafu anke minn esperjenza tagħna stess f 'Malta kif in-nixfa u l-għargħar huma kawża ta' ħsara kbira lill- uċuħ tar-raba': ħsara li qed tkun iktar spissa. Xi pajjiżi qed isofru minn nuqqas ta' xita. Oħrajn għaddejjin minn esperjenza differenti: fi ftit ġranet ikollhom ix-xita kollha li normalment tagħmel f 'sena u dan bil-konsegwenza ta' għargħar kbar. Dan it-tibdil fil-klima qed iseħħ ħtija tal-ħidma u l-imġiba tal- bniedem, ħidma mifruxa fuq ħafna snin li wasslet għal żidiet sostanzjali ta' emissjonijiet ta' karbonju (carbon emissions). Hu ċar li t-tibdil fil-klima hu theddida għar-riżorsi bażiċi tal-ikel u l-ilma li fuqhom jiddependu l-komunitajiet tal-ġnus: dan kollu hu ostaklu kbir għad-dritt għal ħajja li għandu kull wieħed u waħda minna. Il-politika dwar il-bidla fil-klima, fuq inizjattiva u l-insistenza ta' stati gżejjer, ewlenin fosthom il-gżejjer fil-Paċifiku, preżentement qed tiffoka fuq il-ħtieġa li ż-żieda fit-temperatura tad- dinja ma taqbiżx 1.5 grad Celsius fuq it-temperatura pre-industrijali. Hemm kunsens fost il-komunità xjentifika globali li jekk iż-żieda taqbeż din iċ-ċifra hemm possibilità kbira ta' apokalissi klimatika. Dan ma jikkawżax biss estremitajiet ta' nixfa u għargħar imma wkoll jogħla l-livell tal-baħar b'mod li jinqerdu ż-żoni kostali kif ukoll diversi gżejjer jispiċċaw taħt wiċċ l-ilma. Ir-rapport speċjali tal- lnter-Governmental Panel on Climate Change (IPCC) ippubblikat f 'Ottubru li għadda jispjega fid-dettall il- veduti tal-komunità xjentifika globali dwar x'inhu jiġri: jispjega x-xjenza tal-bidla fil-klima u l-effett ta' dan fuq id-dinja. 224 xjenzat ewlieni minn 40 pajjiż differenti eżaminaw 30,000 studju xjentifku: il-konklużjonijiet tagħhom ma jistgħux ikunu injorati. Ir-rapport tal-IPPC iwissina li t-temperatura tad-dinja diġà għoliet bi grad Celsius fuq it- temperatura pre-industrijali. Jekk nibqgħu għaddejjin bl- istess livell ta' attività, sa mhux iktar tard mis-sena 2050 din it-temperatura ser tiżdied b'nofs grad Celsius ieħor, ikompli jwissina r-rapport. Għal din ir-raġuni l-komunità xjentifika hi tal-fehma li l-emissjonijiet tal-karbonju għandhom jonqsu tant li sa mhux iktar tard mis-sena 2050 l-emissjonijiet netti jkunu żero. Hemm reżistenza għal dan l-oġġettiv f 'numru ta' pajjiżi. Erbgħa minnhom (ir-Russia, l-Istati Uniti, il-Kuwajt u l-Arabja Sawdita) ippruvaw ixellfu l-kunsens globali dwar il-konklużjonijiet tar-rapport tal-IPPC waqt il-laqgħa f 'Katowice dwar il-klima iktar kmieni dan ix-xahar. Kull pajjiż għandu sehem x'jagħti biex it-tnaqqis fl- emissjonijiet jintlaħaq, u dan soġġett għall-prinċipju ambjentali li jistabbilixxi li r-responsabbiltà għalkemm hi waħda komuni tintrefa' b'mod differenti (principle of common but differentiated responsibility). Anke Malta teħtieġ li terfa' s-sehem tagħha ta' din ir-responsabbiltà b'mod li tikkontribwixxi biex jonqsu l-emissjonijiet tal-karbonju ħalli jkun assigurat li ż-żieda ta' 1.5 gradi fit-temperatura tad-dinja ma tinqabiżx. Meta l-ġenerazzjoni tal- enerġija f 'Malta ma baqgħetx issir bl-użu tal-HFO (heavy fuel oil), żejt maħmuġ, u minflok qlibna għall-gass sar pass importanti 'l quddiem. Imma meta nħarsu fit-tul dan mhux biżżejjed għax il-gass hu fuel ta' transizzjoni: transizzjoni fit-triq lejn enerġija li tkun iġġenerata kompletament minn sorsi renovabbli. Neħtieġu iktar enerġija ġġenerata mix-xemx u mir-riħ kif ukoll għandna bżonn nagħrfu nagħmlu użu tajjeb mill-enerġija ġġenerata mill-mewġ li hi abbundanti fl-ibħra madwarna. L-applikazzjoni tat- teknoloġija f 'dawn l-oqsma toħloq xogħol sostenibbli u fl-istess ħin ittejjeb il-kwalità tal-ħajja ta' kulħadd. F'dan is-sens il-qasam tat- trasport f 'Malta għadu ta' wġigħ ta' ras u dan minħabba l-emissjonijiet tal-karbonju li jirriżultaw miż-żieda astronomika ta' karozzi fit- toroq tagħna. Sfortunatament, flok ma jinvesti f 'trasport sostenibbli, il-Gvern għaddej bi programm intensiv ta' żvilupp tal-infrastruttura tat-toroq li inevitabbilment ser iwassal biex jinkoraġixxi użu ikbar tal-karozzi fit-toroq tagħna. Dan iwassal biex jikkanċella l-progress li sar biż-żieda rreġistrata fl-użu tat-trasport pubbliku. Biex tkompli tagħmel l-affarijiet agħar, il-mina bejn Malta u Għawdex hi essenzjalment mina għall- karozzi, mhux mina għan- nies. Hu stmat li bħala riżultat ta' din il-mina proposta ċ-ċaqlieq ta' karozzi bejn iż-żewġ gżejjer jiżdied minn medja ta' 3,000 għal medja ta' 9,000 kuljum, u dan fi żmien 15-il sena. Hu possibbli li jkun provdut servizz alternattiv u sostenibbli, indirizzat biss lejn in-nies, permezz ta' dak li nirreferu għalih bħala fast ferry. Dan jista' jwassal lin- nies dritt minn Għawdex saċ- ċentri kummerċjali tal-pajjiż. Il-karozzi, imma, huma fattur ċentrali għall-mina proġettati u dan għax il-ħlas li jsir għall- użu tal-mina huwa dipendenti fuq in-numru ta' karozzi li jagħmlu użu minnha! Dan kollu jmur kontra l-ispirtu tal-Pjan Nazzjonali għat-Trasport-2025 li jistabbilixxi l-oġġettiv ta' tnaqqis ta' karozzi mit-toroq tagħna bħala mira li tista' tintlaħaq. It-tnaqqis tal- karozzi mit-toroq tagħna mhux biss itejjeb il-kwalità tal-arja li permezz tagħha nieħdu n-nifs: hu wkoll il- kontribut żgħir tagħna bħala pajjiż kontra l-inġustizzji maħluqa minn tibdil fil-klima għax inkun qed innaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju bil-konsegwenza ta' tnaqqis fiż-żieda tat-temperatura tad- dinja. Għax il-ġlieda kontra l-inġustizzja li qed jinħolqu bit-tibdil fil-klima hi responsabbiltà tagħna wkoll. It-tibdil fil-klima hi kawża ta' inġustizzji CARMEL CACOPARDO carmel.cacopardo@alternattiva.org.mt • http://carmelcacopardo.wordpress.com Meta l-ġenerazzjoni tal-enerġija f 'Malta ma baqgħetx issir bl-użu tal-HFO (heavy fuel oil), żejt maħmuġ, u minflok qlibna għall-gass sar pass importanti 'l quddiem Hu stmat li bħala riżultat ta' din il-mina proposta ċ-ċaqlieq ta' karozzi bejn iż- żewġ gżejjer jiżdied minn medja ta' 3,000 għal medja ta' 9,000 kuljum, u dan fi żmien 15-il sena

Articles in this issue

Links on this page

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 30 December 2018