Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1066820
illum | Il-Ħadd 30 ta' Diċembru 2018 18 Opinjoni N insabu fl-aħħar sigħat tal-2018, hekk kif kulħadd qed jipprepara biex nilqgħu s-sena 2019. Huwa perjodu li fih inħarsu lura lejn it-12-il xahar li għaddew u li nippjanaw x'se nagħmlu fix-xhur li ġejjin. Fix-xhur li ġejjin se tkompli l-kampanja għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, li jinsabu biss ħames xhur 'il bogħod. Għalija l-ħidma bdiet mill-mument li ġejt eletta, ridt inkun ċerta li naħdem kuljum biex verament nirrappreżenta lill-elettorat li emmen fija. Nistqarr li t-tfal tiegħi, li għadhom żgħar u wieħed minnhom ankè twieled matul il-mandat elettorali tiegħi fil-Parlament Ewropew, huma l-magna li tagħtini l-grinta biex inkompli naħdem b'aktar saħħa. Meta litteralment niġġieled biex il-Parlament jgħaddi xi liġi għall-ħarsien aħjar tal-ambjent, liġijiet li jaffetwaw is-saħħa pubblika, jew meta ħdimt fuq kwistjonijiet relatati mal-abbuż tat-tfal jew użu aktar sigur tal-internet, dejjem inżomm quddiem għajnejja li dak li qed nagħmel illum se jgawdu minnu t-tfal tiegħi u t-tfal l-oħra tal-età tagħhom. Meta kont qed naħdem fuq il-liġi biex innaqsu t-tniġġiż mill- karozzi mhux darba jew tnejn li t-tifel tiegħi qalli għaliex se nitlaq kmieni, jew għaliex se mmur naħdem 'il bogħod. Dejjem għidtlu – għax hekk nemmen – li qed nagħmel hekk għax qed naħdem biex hu u sħabu tal- klassi jkollhom post aktar nadif fejn jgħixu. Dan hu verament dak li nħoss meta nħares lura lejn is-sena li għaddiet. Kien mument memorabbli għall-aħħar meta fil-plenarja tal-Parlament Ewropew rajt il-maġġoranza tal-Membri Parlamentari Ewropej jivvutaw favur proposti leġislattivi li nnegozjajt bejn il-gruppi politiċi differenti biex ikollna liġi li tnaqqas it-tniġġiż mill-karozzi. Appoġġ li nkiseb minkejja l-oppożizzjoni kollha li kien hemm minn industriji b'saħħithom bħal dik tal-karozzi u tal-fuels, tant li kien hemm min ma stenniex dan ir-riżultat. Din l-oppożizzjoni komplejna narawha anke waqt in-negozjati mal-Kunsill Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea li ħadu s-sigħat - ankè aktar minn disa' sigħat f 'sessjoni waħda biss - biex naslu għal ftehim politiku. Però emmint sa mill-ewwel ġurnata li ridt nagħmel differenza u din kienet l-opportunità tiegħi. Kont konvinta li stajt inġib flimkien nies li mhux dejjem emmnu li stajna naslu. Kburija li jien Maltija u din inżommha f 'moħħi kuljum li nkun involuta f 'laqgħat, attivitajiet, konferenzi u kumitati differenti. Grata lejn l-elettorat li għandi l-opportunità li naħdem għal pajjiżi. Mhux l-ewwel darba li rċevejt kummenti - li ċerta li jirċivuhom Ewroparlamentari oħra - li jgħidu "u dawn mhux għall-paga qegħdin hemm fuq". Nittama li dak li ħdimt għalih f 'dawn l-aħħar snin, dak li wassalt għalih, u dak li n-nies fdawni li nagħmel, se jgħin biex ibiddel din il-perċezzjoni negattiva. Tul din is-sena u nofs, parti kbira minn ħidmieti kien ifisser li kelli niddiskuti u nirrispondi għal dak li kien għaddej f 'Malta u għall-mod ta' kif dan kien qed jiġi mpinġi. Taħsbux li kienet xi ħaġa faċli. Li tara lil pajjiżek kontinwament jiġi attakkat waqt li pajjiżi oħra u każijiet oħra ta' gravità kbira jintefgħu taħt it-tapit, hija xi ħaġa li lili tatni ġewwa wisq u għalhekk ħdimt b'aktar grinta. Meta ntgħażilt fost it-28 persunaġġ li Politico tqis bħalha 'doer', ħassejt sens ta' kburija. Ħassejt sens ta' kburija għall-fatt li isem Malta kien fost dik il-lista. Malta, li rat u ħadmet sabiex is- suċċess li qed niksbu bħala pajjiż mill-aspett ekonomiku ma jibqax biss numri u persentaġġi sbieħ għal fuq il-karti u l-istatistika iżda jinżel għand dawk li aktar għandhom bżonn fis-soċjetà tagħna. Matul din is-sena, kellna t-tielet surplus, ir-raba' żieda fil-pensjonijiet, reġa' żdied l-istipendju, reġa' ngħata l-in- work benefit, trasport b'xejn għall-istudenti u investiment fl-infrastruttura. Issoktat il-ħidma sabiex isiru riformi importanti f 'pajjiżna. Ġiet emendata l-liġi tal-media sabiex tissaħħaħ il-libertà tal- espressjoni u jkun hemm aktar għajnuna lill-ġurnalisti sabiex iwettqu dmirijiethom b'aktar sigurtà. Saret riforma f 'dak li għandu x'jaqsam mal-użu tal-kannabis għall-skopijiet mediċinali fejn apparti li issa huwa possibli li pazjenti li jkollhom bżonn din il-mediċina jkunu jistgħu jġibuha, se jkunu qed jinfetħu niċeċ ġodda ekonomiċi hekk kif huma bosta l-kumpaniji f 'dan il-qasam li se jagħmlu minn Malta ċ-ċentru ta' ħidmiethom. Fost oħrajn, daħlu liġijiet importanti biex tiżdied il-ġlieda kontra l-vjolenza domestika u l-iskrutinju ta' nies li jkollhom kariga eżekuttiva quddiem Kumitat Parlamentari u saru riformi oħra bħal dik ta' Vot 16. Liġi importanti oħra hija dak tal-IVF. Il-ħidma li qed inwettqu u se nkomplu nwettqu tirrifletti tibdil politiku u soċjali kontinwu - frott tal-viżjoni tal- Prim Ministru Joseph Muscat li biddel lil Malta minn pajjiż tad-defiċit u d-dejn għal pajjiż tal-ġid u l-ottimiżmu. Minn pajjiż fejn li mqar titkellem fuq id-divorzju kien tabù għal pajjiż progressiv b'libertajiet ċivili li pajjiżi oħra lanqas biss bdew jikkunsidraw. Fil-ġimgħat li ġejjin, il- kampanja għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tkun telqet ġmielha. Nemmen, li din il-kampanja se tkun ta' tim magħqud. Inħarsu madwarna u nafu li l-għaqda ta' bejnietna bħala partit, bħala moviment, hija l-akbar għodda li għandna. Nemmen li din l-għaqda se twassalna biex ikollna kampanja iffukata fuq pajjiżna: il-ħaddiema u l-protezzjoni tagħhom fuq il-post tax- xogħol; is-saħħa u s-sigurtà; opportunitajiet indaqs għal kulħadd; li l-istudenti jkomplu jistudjaw u jkollhom l-opportunità jimxu 'l quddiem; li min għandu diżabilità jkun apprezzat. Fuq kollox, li l-familji tagħna jibqgħu jgawdu mill-miżuri li bihom jgħixu aħjar u li jkollhom aktar ħin biex igawdu lil xulxin. Bħalma kienet fl-erba' snin li għaddew, il-prijorità tiegħi se tibqa' Malta. F'dak kollu li nagħmel u kull fejn immur, irrid naċċerta ruħi li ċ-ċittadini Maltin u Għawdxin qed jieħdu l-aqwa u l-aħjar. L-għaqda li tmexxina Kien mument memorabbli għall- aħħar meta fil-plenarja tal-Parlament Ewropew rajt il-maġġoranza tal-Membri Parlamentari Ewropej jivvutaw favur proposti leġislattivi li nnegozjajt Il-ħidma li qed inwettqu u se nkomplu nwettqu tirrifletti tibdil politiku u soċjali kontinwu - frott tal-viżjoni tal- Prim Ministru Joseph Muscat, li biddel lil Malta minn pajjiż tad-defiċit u d-dejn għal pajjiż tal-ġid MIRIAM DALLI