Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1066820
17 17 Il-Ħadd 30 ta' Diċembru 2018 | illum Opinjoni W aslet l-aħħar ta' sena oħra u hu normali li wieħed jagħmel naqra rendikonti. Ħaġa hija ċara fi tmiem din is-sena: kull fejn tħares, il-populiżmu illi kiber u nxtered fid-demokraziji tal-Punent wara s-snin ta' awsterità qiegħed fi kriżi. Huwa dejjem aktar ċar kemm il-populiżmu m'għandhux ir-risposti li s-soċjetà għandha bżonn. Il-populiżmu jinfirex billi jisfrutta sentimenti populari u jwiegħed soluzzjonijiet sempliċi u faċli għall- problemi tas-soċjetà mentri jattakka l-klassi politika u intelletwali. Imma qiegħed jidher ċar kemm verament tali soluzzjonijiet huma fażulli u illi mhux daqshekk faċli terġa' tivvinta r-rota mill-ġdid. Tħares kull fejn tħares ix-xenarju tad-dinja populista hu desolanti: fl-Ungerija, fl-Italja, fir- Renju Unit u fl-Istati Uniti tal-Amerika, il-populiżmu qed juri l-limitazzjonijiet tiegħu. Żgur li xi ħadd ser joġġezzjona għal din l-analiżi billi jiġbed l-attenzjoni għal dak li ġara fi Franza bi protesti kbar kontra l-politika ekonomika tal-president Macron li llum assuma l-mant tal- protettur tal-liberaliżmu demokratiku. Li wieħed irid jiftakar hu illi Macron qed jipprova jwettaq b'pass tassew mgħaġġel riformi li huma ferm meħtieġa għall- ekonomija Franċiża, riformi intiżi sabiex jirrestawra l-kompetitività illi tilfet matul is-snin. Huwa inevitabbli illi tali riformi ser joħolqu l-iskuntentezza, speċjalment fost dawk li ekonomikament huma dgħajfa. U għaldaqstant Macron kellu jirripożizzjona u jikkonċedi li ċertu miżuri għandhom jiġu rtirati. Imma wieħed irid iżomm f 'moħħu illi l-Franċiżi ilhom snin twal jaħdmu ġimgħa ta' 35 siegħa u ċertament għandhom fost l-aħjar kundizzjonijiet ta' xogħol u stati soċjali fid-dinja. Ir- riformi ta' Macron attiraw l-oppożizzjoni ta' nies kemm fuq il-lemin estrem kif ukoll fuq ix-xellug estrem li ħafna drabi ħarġu b'talbiet kontradittorji. Kif ukoll ta' elementi vjolenti illi nqdew b'dawn il-protesti leġittimi sabiex iwettqu vjolenza bla rażan u jagħmlu ħsara ekonomika kbira. Imma wieħed ma jistax ma jqabbilx dak li ġara fi Franza mal-avvenimenti fl-Ungerija fejn it-tmexxija tal-ħadid tal-Prim Ministru Viktor Orban ġiet sfidata minn eluf ta' dimostranti. Ir-raġuni għala l-Ungeriżi ħarġu fit-toroq hi diametrikament opposta għal dik tal-Franċiżi. Orban hu bniedem ferm makak u kkonsolida l-poter tiegħu billi qajjem ferment kbir fil- pajjiż kontra l-immigranti llegali, speċjalment dawk Iżlamiċi. Dan anke meta verament l-immigrazzjoni fl-Ungerija mhix problema. Fl-istess ħin, il-partit tiegħu, il-FIDESZ hu membru tal-Partit Populari Ewropew u waqt li Orban jaħleb kemm jiflaħ il-fondi Ewropej, dejjem jopponi bil-kbir l-adozzjoni ta' politika Ewropea dwar l-immigrazzjoni. Imma Orban jaf x'inhuma l-limiti tiegħu u minkejja xi ħsejjes li jagħmel minn żmien għal żmien, fuq il-Brexit dejjem żamm mal-linja komuni Ewropea u fil-kwistjoni li kellha l-Italja dan l-aħħar mal-Kummissjoni Ewropea dwar il-baġit tal-2019, ma ta l-ebda appoġġ lit- Taljani minkejja l-viċinanza ideoloġika li għandu ma' Salvini. L-Ungeriżi ħarġu jipprotestaw għaliex il- Parlament iddominat minn FIDESZ li rebaħ 67% tas-siġġijiet bi ftit anqas minn 50% tal-voti għadu kemm għadda żewġ liġijiet kontroversjali. Waħda minnhom hi sabiex jitwaqqfu tribunali amministrattivi sabiex jisimgħu każijiet kontra l-Gvern, liema tribunali ser ikollhom l-imħallfin magħżulin mill-Ministru tal-Ġustizzja. L-oppożizzjoni qiegħda tgħid illi din il-liġi ser tillimita l-independenza tal-ġudikatura mentri l-Gvern qed jgħid illi dan hu kif isir f 'pajjiżi oħra Ewropej. B'Orban jiftaħar illi jrid iwaqqaf demokrazija illiberali, ma tagħti tort lil ħadd li kull ilma jaħsbu misħun. Imma l-aktar li qed idejjaq lill-Ungeriżi u qed jolqothom fil-laħam il-ħaj hi l-liġi li permezz tagħha jistgħu jiġu mġiegħla jaħdmu sa 400 siegħa sara fis-sena u jdumu sa tliet snin sabiex jitħallsu. X'differenza mill-kundizzjonijiet ta' xogħol f 'bosta pajjiżi Ewropej oħra! Jidher illi din il-liġi għaddiet għaliex min iħaddem qed jilmenta bil-kbir bin-nuqqas ta' ħaddiema fl-Ungerija. Dak li jġib il-populiżmu. Meta kemm il-Ġermanja u l-Ġappun qed jirrikonoxxu l-problema enormi li għandhom bin-nuqqas ta' ħaddiema billi jillaxkaw id-dħul ta' immigranti f 'pajjiżhom, l-Ungerija webbset rasha u qed tipprova tpatti billi tgħaddi liġi illi ċ-ċittadini tagħha laqmuha bir-raġun bħala "tal-iskjavi". Fir-Renju Unit ukoll qed naraw mhux biss il- limitazzjonijiet, imma anke l-periklu, tal-populiżmu. Pajjiż illi mexa ferm 'il quddiem u stagħna fi ħdan l-UE ddeċieda illi joħroġ minnha għaliex kien hemm min bella' lill-poplu li ser ikun aħjar u ser ikollu aktar opportunitajiet ta' kummerċ barra minnha. U illi ser ikun possibbli tikkontrolla l-influss ta' barranin fil-pajjiż. Issa illi ntlaħaq ftehim bejn l-UE u l-Gvern tar-Renju Unit dwar kif ser joħroġ ir- Renju Unit mill-UE, huma bosta dawk li bdew jaħsbu illi r-Renju Unit ser ikun agħar milli hu llum. U ma nagħtihomx tort għaliex ir-Renju Unit prattikament ser ikollu jsegwi r-regoli komunitarji f 'bosta oqsma mingħajr mhu ser jibqagħlu l-ebda kontroll fuq it-tfassil tagħhom. Jekk dan il-ftehim jiġi approvat mill-Parlament tar-Renju Unit, ir-Renju Unit ser jispiċċa kważi- kolonja tal-UE. U ma tantx jidhru li hemm alternattivi aħjar għalih ħlief illi r-Renju Unit jibqa' membru sħiħ. Il-Gvern il-ġdid Taljan beda b'ħafna retorika anti- UE imma s-swieq finanzjarji ma damux ma ġabuh f 'sensih. Meta l-kabinett Taljan approva l-abbozz ta' baġit għall-2019, il-grillini ħarġu jiċċelebraw fil- gallerija ta' Palazzo Chigi. Meta dan il-baġit ma ġiex aċċettat mill-Kummissjoni Ewropea, ir-rettorika anti-Ewropea ma naqsitx. Imma meta ħadd mill- pajjiżi l-oħra taż-żona ewro ma appoġġja lill-Italja, bil-pressjoni tas-swieq finanzjarji dejjem tikber u bit-Taljani aktar ma jgħaddi ż-żmien jesportaw flushom fl-Isvizzera u postijiet oħra, il-Gvern Taljan kellu bilfors idoqq l-irtirata. Il-Gvern Taljan spiċċa jkollu jaċċetta baġit aċċettabbli għall- Kummissjoni Ewropea bla ma l-Parlament Taljan jkollu ħin biżżejjed biex jiddiskutih. Intant ir- rettorika ta' Salvini u DiMaio swiet lill-Istat Taljan u lit-Taljani biljuni ta' ewro f 'imgħaxijiet ogħla. Il-populiżmu hu fuq kollox irresponsabbli. Kif qed naraw fuq in- naħa l-oħra tal-Atlantiku. Trump spiċċa jiġġieled ma' prattikament kulħadd u wara li keċċa lill-kap tal-FBI, James Comey, is-segretarju tal-istat, Rex Tillerson u lill-avukat-ġenerali, Jeff Sessions li kien wieħed mill- ewwel politiċi Repubblikani li appoġġawh, fl-aħħar ta' din is-sena ser jispiċċaw żewġ eks ġenerali tal- morini mill-karigi tagħhom. It-tieni chief of staff ta' Trump, John Kelly li kellu jimponi ftit tad-dixxiplina fil-White House ser jispiċċa wara li lanqas biss baqa' jitkellem ma' Trump. Trump kellu problemi jsib chief of staff ġdid u s'issa kellu jikkuntenta b'wieħed temporanju. Intant, is-segretarju tad-difiża, Jim Mattis ukoll irriżenja wara li ma qabilx mad-deċiżjoni għal għarrieda ta' Trump illi jirtira t-truppi amerikani mis-Sirja, deċiżjoni li ġiet ikkritikata minn prattikament kulħadd. Mattis ippropona illi jitlaq fl-aħħar ta' Frar imma Trump iddejjaq bl-ittra ta' riżenja tiegħu u ddeċieda illi jantiċipa r-riżenja tiegħu fl-aħħar ta' din is-sena. Ir-riżultat hu illi fil-bidu tas-sena, l-amministrazzjoni Amerikana għandha aġent chief of staff, aġent avukat- ġenerali u aġent segretarju tad-difiża. Trump gawda mill- ekonomija solida li ħallielu Obama. Imma qed jagħmel minn kollox biex jirvinaha. Qed il-ħin kollu jattakka l-kap tal-bank ċentrali Amerikan, Jerome Powell li ħatar hu stess ftit xhur ilu għaliex il-Federal Reserve qiegħed bil- mod il-mod jgħolli r-rati tal-imgħax ħalli jberred l-ekonomija Amerikana. Min hu prużuntuż bħal Trump u Erdogan jaħseb li jifhem aktar mill- bankiera professjonali u l-ekonomisti u jidrilhu illi għandu jkun hu li jiddetta l-politika monetarja. Ir- riżultat kien illi s-swieq finanzjarji ma ħadu xejn gost u tilfu ħafna mill- gwadanji li kienu għamlu u li tant ftaħar bihom Trump. Irpiljaw biss wara li ngħataw assigurazzjoni illi Powell mhux ser jitkeċċa. Intant, il-Kungress Amerikan ma approvax il-baġit u kwart tal- amministrazzjoni Amerikana spiċċat mingħajr fondi u kellha tagħlaq. Eluf ta' ħaddiema qattgħu l-vaganzi tal-Milied mingħajr xogħol u paga u eluf oħra qed jkollhom jaħdmu bla ma jitħallsu. Fl-istess ħin, l-inkjesta ta' Robert Mueller dwar l-indħil Russu fl-elezzjoni ta' Trump qiegħda ssir dejjem aktar u aktar insidjuża u ma tagħtix tort lil Trump illi jħossu taħt assedju. Hemm min issuġġerixxa illi l-aħjar ħaġa li jista' jagħmel f 'dan l-istadju hu illi jinnegozja immunità lilu u lil familtu u jirriżenja mill-kariga. Prospett illi diffiċli li wieħed jaħseb illi xi ħadd rasu kbira bħal Trump ser jikkontempla. Fi tmiem l-2018 jidher ċar illi ma hemmx alternattiva għall-politika serja u onestà: il-populisti jista' jkollhom riżultati elettorali tajbin imma xħin jiġu biex imexxu, iż-żejt ser jitlalhom f 'wiċċ l-ilma. Ser ikun ċar għal kulħadd kemm hu suf li dak li wegħdu. Forsi għadu kmieni wisq biex wieħed jitkellem dwar it-tramont tal-populiżmu għax ċertament, għad hemm periklu serju illi l-populiżmu jwettaq il- ħsara tremenda li għamel fit-tletinijiet. Imma kull min għandu għajnejh f 'wiċċu qed jinduna l-limitazzjonijiet u d-diżonestà tal-populiżmu. Is-sena t-tajba mimlija risq u hena lil kulħadd. It-tramont tal-populiżmu JOE ELLIS Il-populiżmu illi kiber u nxtered fid- demokraziji tal-Punent wara s-snin ta' awsterità qiegħed fi kriżi.