Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1093351
12 Aħbarijiet illum | Il-Ħadd 17 ta' Marzu 2019 Minn Yendrick Cioffi LGĦEJJA u d-dispjaċir jistgħu jinqraw f 'għajnejn iż-żagħżugħ Redeemer Casha, is-sid ta' RRG Carnival Company, li nhar it-Tlieta li għadda ra dak kollu li hu u sħabu ħadmu għalih għal ammont ta' snin jisfaxxa fix-xejn f 'ħuġġieġa nar. Nhar il-Ġimgħa li għadda, il-gazzetta ILLUM niżlet il-Marsa u ltaqgħet ma' Redeemer. Malli fetħilna l-bieb tal-maħżen, ir- riħa tan-nugrufun kienet għadha tinxtamm, kull fejn tħares iswed tuta u ħerba sħiħa. "Tista' tgħid li hawn kienet id-dar tagħna. Aktar inqattgħu ħin hawn milli d-dar. Bħalissa qisna spiċċajna barra fit-triq," qalilna Redeemer huwa u jħares iċċassat lejn il- maħżen għadu ma jistax jemmen dak li qiegħed jara f 'għajnejh. Fil-fatt, dan ma kienx sempliċiment maħżen fejn jinħadem il-karru. Redeemer u sħabu kellhom kollox, inkluż kċina li kienu għadhom kemm għamlu, uffiċċji, kamra fejn iħitu l-kostumi u anke studjow fejn jirrekordjaw. Minn dan kollu ma fadal xejn. Redeemer spjegalna li apparti l-binja, qiegħed jistma li ġarrbu madwar €10,000 fi ħsara, kemm f 'għodda, f 'apparat elettroniku u anke oġġetti oħra marbuta ma' dan id- delizzju tagħhom. "Biex konna wasalna fejn wasalna għamilna ħafna sagrifiċċji u organizzajna diversi attivitajiet biex ġbarna l-flus u xtrajna l-apparat," kompla jgħidilna. Ir-riħ beda jħabbathom mill-Grigalata ta' Frar Mistoqsi jekk jistgħux isalvaw xi ħaġa mill- maħżen, Redeemer insista li ħafna mill-affarijiet spiċċaw għax ir-riħ qawwi ta' nhar it-Tlieta għen biex in-nirien jinferxu malajr. "Kieku ma kienx daqshekk riħ il-pumpiera ma kinux jitħabtu daqshekk u konna nkunu nistgħu nsalvaw xi oġġetti," kompla jgħidilna Redeemer waqt li spjega kif sa nhar il-Ġimgħa filgħodu n-nar kien għadu qed jerġa' jaqbad. Fil-fatt, ir-riħ ħabbat lil Redeemer u sħabu mhux ftit hekk kif il-karru tagħhom kien ukoll wieħed minn dawk li ġarrab ħsarat fil-Grigalata tax-xahar li għadda, meta t-tinda li kellha tipprovdi kenn, ċediet u niżlet fuq il- karrijiet. Interessanti li apparti l-annimali, fost il-ftit affarijiet li rnexxielhom isalvaw mill-maħżen, kien hemm ritratt ta' statwa tal-Irxoxt li ftit tas-snin ilu Redeemer ħadem għall- Isptar Monte Carmeli. "Kollox inħaraq, inkluż il-frame tar-ritratt, imma r-ritratt baqa' sħiħ," kompla jispjegalna. "It-tir tiegħi kien li 'l quddiem naħdem ukoll Redentur. Imma għalissa, kollox tar mar- riħ." 'Mhux faċli tikseb lura dak li ksibna f 'seba' snin' Fil-fatt, ta min wieħed jinnota li f 'dan il-maħżen Redeemer u sħabu ma kinux jaħdmu biss karrijiet iżda anke kienu jaħdmu fuq diversi proġetti oħra, fosthom anke teatrini bl-għan li jferrħu n-nies u jiġbru wkoll biżżejjed fondi biex ikunu jistgħu jaħdmu karru. Redeemer ma għandux kliem biex jirringrazja lil sħabu l-voluntiera u anke lill-kumpaniji oħra tal-Karnival li urew l-appoġġ tagħhom u anke offrewlhom l-għajnuna. "Nittama li almenu jkollna mqar post, mhux fejn narmaw, imma fejn inkunu nistgħu ndaħħlu l-ftit għodda u affarijiet li fadlilna," kompla jgħidilna Redeemer emozzjonat. Bħal dan iż-żmien, id-dilettanti tal- Karnival ikunu qed iżarmaw il-karrijiet u jistrieħu xi ftit qabel jerġgħu jibdew jaħsbu mill-ewwel għall-Karnival tas-sena d-dieħla. Redeemer qalilna li għalissa hu u sħabu se jaħdmu biex almenu jiksbu lura ftit minn dak li tilfu. "Batejna ħafna biex kellna dak li kellna, ħdimna għalih matul is-snin. Mhux faċli terġa' tikseb dak li bnejna f 'aktar minn seba' snin. Jalla ma ndumux ma nkomplu fejn ħallejna," temm jgħidilna Redeemer. Tista' tara l-filmat tal-maħżen fuq is-sit illum.com.mt. 'Il-maħżen kien darna…spiċċajna qisna barra t-triq' Redeemer b'ritratt tal- Irxoxt li ħadem hu…ftit mill-affarijiet li salvaw Il-ħerba li n-nirien ħallew warajhom fil-maħżen Il-karru li għadhom qed iżarmaw u l-maħżen li spiċċa bla saqaf Ammont kbir ta' gazzetti għen biex in-nirien jinxterdu