Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1093351
5 Aħbarijiet Il-Ħadd 17 ta' Marzu 2019 | illum SIKWIT ikunu ppubblikati statistiċi li jittrattaw il- faqar f 'pajjiżna u meta jkunu ppubblikati kulħadd jagħtihom dik il-bixra politika skont il-kulur tan-nuċċali. Imma lil hinn mill-figuri u l-persentaġġi, kull statistika tirrappreżenta persuna. Din il-ġimgħa, il-gazzetta ILLUM iltaqgħet ma' anzjana u semgħet l-istorja tagħha. Storja ta' anzjana li wara li tat sehemha fid-dinja tax-xogħol spiċċat waħedha u dalwaqt barra fit-triq, b'ta' fuqha senduqha. F'dar antika sew, b'bozza waħda u għamara mill-anqas tkellimna ma' Marija*, mara ta' 65 sena li ta' kull xahar issibha diffiċli biex imqar ikollha l-bażiku u tgħix ħajja diċenti. Iżda mhux dan biss, hekk kif din il-ġimgħa sid il- kera informaha li trid toħroġ minn ġod-dar u ssib xi mkien ieħor fejn tgħix fi żmien xaharejn. 'Għandi sal-21 ta' Mejju biex noħroġ minn hawn' Mal-ILLUM, b'dieqa liema bħala li tispikka fil-leħen miksur tagħha, Marija tibda biex tispjega l-problema tagħha. "Ilni ngħix ġewwa din id-dar 19-il sena sħaħ. Kont ġejt hawnhekk wara li kienet mietet ħabibti, niftakar li dan il-post kont sibtu mill-avviżi tal-gazzetti," tispjega Marija. L-anzjana li tinsab kompletament waħedha għax m'għandhiex qraba tkompli titkellem fuq l-aħbar kerha li rċeviet din il-ġimgħa. "Ftit jiem ilu kellimni s-sid tad-dar fejn noqgħod. Ġie u qalli li sa xaharejn oħra rrid inkun ħriġt minn hawn u nagħtih iċ-ċavetta. Qalli li t-tifel tiegħu għandu bżonn din id- dar u li 'l-familja tiġi l-ewwel'," irrakkontat l-anzjana. Din il-mara m'għandha l-ebda illużonijiet u taf sew li minkejja kollox, hi m'għandhiex dritt fuq il- proprjetà. Bid-dmugħ f 'għajnejha hi tgħid kif, "m'għandi l-ebda dritt legali biex nibqa' ġewwa dan il-post għaliex il-liġi tal- post qiegħda ta' wara l-1995 u għalhekk ma nista' nagħmel xejn." Għalkemm Marija ilha tgħix f 'din id-dar 19-il sena sħaħ, sid il-kera għandu dritt li ma jġeddidx il-kera meta jagħlaq il-perjodu miftiehem fuq il-kuntratt tal-kera jew inkella f 'nuqqas ta' kuntratt malli jgħaddi l-perjodu tal- ħlas tal-kera kif miftehma. Dan għaliex il-kuntratt kien iffirmat wara l-bidliet fil-liġi fl-1995. Imma dritt jew le, huwa fatt li ftit ġranet oħra biss din il- mara se jkollha tmur tittallab għal saqaf fuq rasha. B'rasha baxxuta Marija tesprimi t-tħassib serju tagħha, "ma nafx x'se naqbad nagħmel, fuq kollox qed naħseb. Bħalissa nħallas €300 fix-xahar hawnhekk, forsi nsib xi post xi ftit aktar għoli minn hekk iżda ma niflaħx inħallas ħafna aktar." Trid tgħaddi b'€180 fix xahar… ġieli tiddejjen €100 mingħand tal-grocer Minkejja li attwalment Marija għandha problema kbira fuq x'se tagħmel meta jasal ix-xahar ta' Mejju, hekk kif din trid issib post bi prezz simili, mal-ILLUM hija tispjega d-diffikultà li jkollha kull xahar biex tlaħħaq mal- ħajja bl-ispejjeż kif inhuma llum. "Għandi €515 pensjoni, €300 minnhom kienu jmorru għall-kera u bejn wieħed u ieħor €35 dawl." Dan ifisser li b'€180 l-anzjana trid tgħaddi xahar sħiħ. U x'tagħmel biex tiekol? "Kemm-il darba nispiċċa niddejjen mingħand tal- grocer." Staqsejtha kemm tiddejjen bejn wieħed u ieħor fix-xahar, hi tgħid li, "mhux dejjem l-istess. Xi drabi €100 xi drabi anqas. Tal-grocer jifhimni u jirraġuna, allura ġieli nagħtihomlu bin-nifs u ġieli meta nkun nista' pereżempju meta jidħol xi bonus nagħtihomlu f 'salt," saħqet l-anzjana. Fi tmien l-intervista b'sogħba liema bħala l-anzjana tirrimarka li, "il- problemi jeżistu kullimkien mhux kulħadd jurihom, hemm min jitkellem dwarhom. Jeżistu żgur. Lanqas aħna stess ma nafu kemm jeżistu," temmet tgħid Marija. Tlaqna mid-dar tal-anzjana xi ftit jew wisq imħassbin kif f 'dan il-ġid kollu xorta għad hawn minn qed jgħix bl-eżatt u iktar minn hekk li lanqas jaf jekk hux se jkollu saqaf fuq rasu għada. *Marija huwa isem fittizju Min jixtieq jagħti xi forma ta' għajnuna lil din il-mara, jista' jibgħat email fuq illum@ mediatoday.com.mt jew inkella jċempel fuq 79234323 lcarter@mediatoday.com.mt Liam Carter Għandha 65 sena, m'għandhiex qraba u ilha tħallas il-kera għal dawn l-aħħar 19-il sena. Din il-ġimgħa qalulha li trid toħroġ mid-dar u ssib post ieħor żmien xaharejn. L-ILLUM titkellem ma' anzjana li jaf tispiċċa bla dar... Il-Kirja tista' tkun kofinanzjata minn Fondi Ewropej u Fondi Bilaterali INVIT BIEX JINTLAQGĦU PROPOSTI GĦALL- KIRI TA' BINJA GĦALL-DIPARTIMENTI U ENTITAJIET FI ĦDAN IL-MINISTERU GĦALL- AFFARIJIET EWROPEJ U L-UGWALJANZA. Qed jintlaqgħu proposti għall-Kiri ta' Binja għad-dipartimenti u entitajiet fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza. L-offerti għandhom jiġu sottomessi f'tender box, għall-attenzjoni tas- Segretarju Permaneti (Amministrazzjoni) fil-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza, 31B, Tal-Pilar, Triq Marsamxett, Valletta, VLT 1850 sa mhux aktar tard mid-9.30 ta' filgħodu tal-Ħamis 11 ta' April 2019. Aktar dettalji jistgħu jiġu pprovduti mill-website tal-Ministeru https://meae.gov.mt (taħt is-sezzjoni Tenders and Quotations). Pensjoni ta' €500 u se tispiċċa bla saqaf