Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1118956
illum | Il-Ħadd 19 ta' Mejju 2019 15 VotEWROPA 2019 ALFRED SANT Intervista 'Għajn għal għajn, sinna għal sinna'. Kellek għalfejn tużaha din il-frażi? U għalfejn ħassejt illi kellek tuża frażi tant b'saħħitha? Frażi li ma vvintajthiex jien imma hi meħuda mill-Bibbja! Dan l-iskandlu kollu dwarha... minn nies li ddelettaw li jgħajru b'Sallbu, Sallbu! fil-mass meetings tagħhom, ma nifhmux. Użajt il-frażi għax iddejjaqt bil-kbir... ħalli ma nużax kelma aktar b'saħħitha... bil-mod kif fl- aħħar snin, rajt id-deputati tal-PN fil-Parlament Ewropew jużaw kull manuvra u mezz biex għall-iskopijiet partiġġjani tagħhom, iħammġu l-isem u r-reputazzjoni ta' pajjiżna. Kellhom u għandhom kull dritt jikkritikaw u jmaqdru lill-Gvern attwali kull meta jistgħu fil- qafas tal-politika lokali, imma li tuża dil-ħaġa biex f 'laqgħat barranin, effettivament tattakka lil Malta... jien b'xejn ma naqbel magħha. Rajtha tiġri fis-snin 80 u naf xi ħsara għamlet. Stajt nużaha fis-snin meta kont Kap tal-Oppożizzjoni u insistejt li ma jiġrix hekk. U li nerġa' naraha tiġri fi żminjietna, iddardarni! Fl-imgħoddi u sal-lum, il-PL dejjem ħa l-pożizzjoni li jappoġġja kull inizjattiva u nomina Maltija fl-istituzzjonijiet Ewropej, għax tkunu ġejja minn Maltin. Jekk il-PN jibqa' sejjer bit-tattika li jħammeġ isem Malta fil- Parlament Ewropew fis-snin li jmiss, allura tkun iġġustifikata mġiba li ma tqisx aktar kwalunkwe inizjattiva jew nomina li tkun ġejja minnu b'dal- mod. Imma tqisha bħala proposta ġejja minn għejun barranin li ma jixirqilha l-ebda appoġġ jew simpatija. Dik tkun it-tifsira ta' għajn għal għajn u sinna għal sinna fil-qafas tal-Parlament Ewropew. Ħafna drabi inti meqjus bħala l-aktar kandidat ewro-xettiku mill-kandidati kollha tal-PL u l-PN. Tħoss li din hija tikketta ġġustifikata? Naħseb li jien ukoll l-aktar kandidat li ili nsegwi l-iżviluppi fi ħdan l-Unjoni Ewropea... bdejt meta wħud mill-kandidati tal-lum kienu għadhom lanqas twieldu. U matul dawn is-snin kollha kont dejjem favur il-proġett tal-Unjoni Ewropea u kont narah bħala proċess pożittiv mingħajr ma nħalli l-istilel jgħammxuni. L-għaqda sħiħa kontinentali kellha t-tajjeb tagħha u kellha effetti li mhux għal kull pajjiż kienu se jħallu f 'kollox impatt pożittiv. Kull pajjiż ħtieġlu jagħmel l-analiżi tiegħu sa fejn jista' u jaqbillu jissieħeb fil-proġett Ewropew. Dejjem sal-lum, bqajt nagħmel dan fir-rigward ta' Malta u hekk biħsiebni nkompli. Il-fehmiet tiegħi ma jagħtux gost lil min irid jara kollox sabiħ fil-proġett Ewropew. Ma nsib l-ebda problema filli nħalli lill-poplu Malti jagħti l-verdett tiegħu b'mod demokratiku. L-UE qed tagħmel pressjoni għal rata ta' tassazzjoni li tkun l-istess fil-pajjiżi kollha membri. X'se tagħmel int biex dan ma jiġrix? Jekk il-poplu jagħtini l-fiduċja tiegħu, nibqa' nagħmel dak li għamilt fl-aħħar ħames snin. Waqt li d-deputati tal-PN kienu lesti jaqblu ma' dil-ħaġa għax spiċċaw jivvutaw favuriha, fiċ- ċirkostanzi kollha bqajt ngħid li le, ma naqbilx. U nivvota kontra kull fejn tqum il-proposta. U nispjega bla heda kif u għaliex dan hu hekk. Wara kollox, fuq din il-materja, il-Parlament Ewropew ma jista' jiddeċiedi xejn. Imma bid-diskorsi u bir-riżoluzzjonijiet li jsiru fih, joħloq il-qafas għal sforzi dejjem aktar qawwija biex jinbidlu l-arranġamenti li jkunu jeżistu, bħal pereżempju fil-każ tat-tassazzjoni. Irridu nibqgħu nirreżistu għal dawn l-isforzi. Ħafna drabi intom takkużaw lill-MEPs Nazzjonalisti illi qed 'ixewxu'. Bl-istess argument intom m'għamiltu xejn jew ma kontux effettivi biżżejjed biex tbiddlu l-opinjoni tal-maġġoranza tal-MEPs. Mhux hekk? Jekk qed nitkellmu dwar l-akkużi li jsiru kontra Malta dwar is-saltna tad-dritt eċċ, ir- realtà hi li fl-aħħar snin, il-grupp tas-soċjalisti akkuża lill-Popolari – l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew – b'dak li kien qed jiġri fl-Ungerija, immexxi minn partit membru tal-Popolari. Il-Popolari riedu jsibu xi gvern Soċjalista Ewropew li fuqu setgħu jilagħbu l-logħba ta' patta pari patta. Tal-PN qdewhom mill-koxxa, u kellna l-esaġerazzjonijiet dwar il-qagħda f 'Malta li bdew jitbandlu mal-Ewropa kollha. Issa, qasam fejn fost id-deputati Ewropej... tista' tgħid kollha... kibret ċerta rabja, kien dwar il-ġbir tat-taxxi, meta faqqgħu numru ta' skandli dwar kif kumpaniji kbar u nies ta' poter jew flus, kienu qed jaħarbu milli jħallsu t-taxxi dovuti minnhom. Is-soċjalisti kienu fuq quddiem nett fil-ħidma biex dawn l-abbużi jinqatgħu. U l-ħrejjef li tqanqlu dwar Malta minn Maltin stess fil-Parlament Ewropew servew biex ipoġġu l-pajjiz fl-iżbarra, bħallikieku kien tassew qed jaħdem ħalli jgħin fl-abbużi mal-Ewropa fil- ħlas ta' taxxa dovuta, bil-liġijiet laxki tiegħu u bit-tassazzjoni "baxxa" li ntqal li kellu. Taħt il-mannara tal-attakki politiċi spiċċaw setturi li saru qawwija ħafna fl-ekonomija tagħna, bħas- servizzi finanzjarji. Mhux kwistjoni ta' min kien aktar u anqas effettiv biex jikkonvinċi lid-deputati Ewropej, imma hi kwistjoni ta' min uża jew ma użax iċ-ċirkostanzi li nqalgħu biex waqt li jħammeġ isem il-pajjiż, ixerred fehma negattiva dwaru. L-ebda deputat ieħor fil-Parlament Ewropew ma rajtu jimxi bl-istess tattika meta fin-nofs kien hemm l-interessi ta' pajjiżu. Jinkwetak il-fatt li l-lemin estrem, kemm fl-Ewropa u anke f 'pajjiżna qed jgħolli rasu waħda sew. L-UE x'tista' tagħmel biex tikkalma dan is-sentiment? Taħseb li se nieħdu sorpriża kerha f 'Mejju? L-aktar li jinkwetani mhux li l-lemin estrem qed jgħolli rasu daqskemm ir-raġunijiet jew kawżi għaliex dan qed jiġri. Hemm tnejn ewlenin. L-ewwel waħda hi li d-diskors politiku mill-partiti demokratiċi fl-Ewropa ma ħalliex spazju aktar għad-diskors dwar l-"Ewropa tan- nazzjonijiet" u li bih l-Unjoni messha tiżviluppa fir-rispett ta' dan il-prinċipju (li jien nemmen fih). Tista' ssejjaħlu ħsieb Gollista għax kien il-ġeneral de Gaulle ta' Franza li fiż-żminijiet moderni l-aktar li tah il-ħajja. Allura, in-nies bdiet temmen li qabel l-interessi tagħha, il-politiċi se jkunu qed ipoġġu l-interess li joħolqu Ewropa magħquda akkost ta' kollox. U l-għajta favur Ewropa tan- nazzjonijiet ġiet ikkapparrata mill-partiti tal- lemin estrem, u anke wħud tax-xellug estrem. It-tieni, minn żmien il-kriżi finanzjarja u ekonomika tal-2008, ġiet applikata politika ta' awsterità (ta' ssikkar taċ-ċinturin) li poġġiet il-piżijiet li nqalgħu biex iż-żona tal-ewro tkun salvata mill-gwaj li ħakimha... fuq ħaddiema, pensjonanti, żgħażagħ, self-employed iż-żgħar... piżijiet li baqgħu hemm, anke meta l-ekonomiji tal-ewro rkupraw. Bosta li sabu li l-qagħda tagħhom kienet ħżienet sew sabu li se jkollhom jibqgħu jġorru piżijiet akbar minn qabel il-kriżi. Biex tagħqad, qamu l-iskandli bħal tal-Lux Leaks u tal-karti tal-Panama li kixfu kif ħafna mill- kumpaniji l-kbar, mis-sinjuri, u mill-famużi kienu sabu kif ma jħallsux it-taxxi dovuti minnhom. U fuq dan, tgħabbew imbagħad il-piżijiet u l-inċertezzi maħluqa mill- immigrazzjoni qawwija li ġarrbet l-Ewropa għal xi snin. Dan kollu ta l-ħatab għan-nar li riedu jqabbdu l-estremisti. Jekk ma nsibux tarf taż-żewġ kawżi li ħolqu dan l-iżvilupp, se jkollna l-problemi. Fuq livell nazzjonali: Qed jingħad u qed jidher fis-sondaġġi li l-Partit Laburista jaf jirbaħ l-elezzjoni b'marġini ta' 50,000 u aktar. Ma taħsibx illi riżultat bħal dan jista' jitla' għal ras il-Gvern u dan jaħseb li ħadd u xejn ma jista' għalih? Le. Minkejja dan, nara li l-marġini li qed jissemma għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew hu wieħed esaġerat, forsi bil-ħsieb li jwassal biex votanti Laburisti jibqgħu lura għax iħossu li m'għandhomx għalfejn jivvotaw u m'għandhomx għalfejn jivvotaw għall-kandidati Laburisti kollha. Nittama li ma jagħmlux hekk u nħeġġiġhom biex ma jagħmlux hekk, għax dan ikun żball kbir. 'Il-ħrejjef li tqanqlu dwar Malta minn Maltin stess, servew biex ipoġġu l-pajjiz fl-iżbarra' Dan l-artiklu sar bi ħlas