Illum previous editions

ILLUM 19 May 2019

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1118956

Contents of this Issue

Navigation

Page 23 of 35

H ija missjoni tagħna, u wkoll wieħed mill-prinċipji tal-Ministeru li qed nieħdu bl-akbar serjetà, li nagħmlu l-kultura aċċessibbli għal kulħadd. Irridu li dejjem aktar noffru opportunitajiet biex il-Maltin u l-Għawdxin inressquhom qrib dak li jgħaqqadna flimkien, dak li jagħmilna min aħna. B'dan il-ħsieb f 'moħħna daħħalna diversi miżuri u skemi. Il-Passport Kulturali tal-Heritage Malta għall- istudenti, li permezz tiegħu jidħlu jżuru s-siti tal-Heritage Malta b'xejn u jdaħħlu magħhom żewġ adulti kien, ngħid b'sosisfazzjon kbir, suċċess. Minn dan morna għal pass ieħor. Il-Passaport Kulturali għall-Kbar li magħhom jistgħu jdaħħlu żewġ żgħażagħ magħhom – ukoll bla ħlas għal żjajjar fis-27 sit ta' Heritage Malta. Propju din il-ġimgħa Heritage Malta u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali ffirmaw Ftehim ta' Kollaborazzjoni li implimenta l-Passaport tal-Kbar. Permezz ta' din l-inizjattiva, qegħdin inkomplu nsaħħu l-kollaborazzjonijiet fis-settur kulturali, billi niżguraw aktar aċċessibbiltà u inklussività għaċ-ċittadini l-kbar tagħna. Grazzi għal din l-iskema, mhux biss qegħdin nagħmlu s-siti u l-mużewijiiet tal- Aġenzija aktar disponibbli, imma qegħdin ukoll inżidu l-għarfien dwar il-wirt u l-istorja ta' pajjiżna. Aħna impenjati biex inkomplu nsaħħu dan is-settur li dejjem qiegħed jikber, għall- benefiċċju tal-komunità. Dawk iċ-ċittadini kollha li għandhom minn 60 sena 'l fuq huma mistiedna japplikaw personalment għal dan il-passaport billi jmorru bil-karta tal-identità l-kunsill lokali tagħhom. Permezz ta' din l-inizjattiva Heritage Malta qed twassal il-viżjoni tagħha minn waħda għall-konservazzjoni tal- patrimonju għall-viżjoni usa' li tagħti aċċessibbiltà għal dak li jagħmilna Maltin. Hemm proġetti oħra ta' Heritage Malta li qed ninvestu fihom u li se jkunu mħabbra 'l quddiem li permezz tagħhom mhux biss tippreżenta stampa tal-patrimonju tagħna imma permezz tal-aċċessibbiltà li qed ninvestu fiha tkun qed iżżid l-għarfien ta' dak li jagħmilna Maltin. * * * F'dawn il-jiem komplejt iż-żjajjar tiegħi biex nara mill-qrib xogħol li qed isir u li fih qed ninvestu litteralment il-miljuni. Investiment sod biex filwaqt li nkomplu nagħtu ħajja ġdida lill-bini fil-Belt Valletta, imma wkoll nirriġenerawh u għalhekk nippreservawh ukoll għall- ġenerazzjonijiet futuri. Żjara li ħadt gost nagħmel kienet dik biex nara x-xogħol kbir li qed isir fil-binja tal-Valletta Design Cluster. Dan huwa proġett tal-legat ta' Valletta 2018 u tal-ewwel tip tiegħu lokalment, li se jkollu spazji ddedikati għal NGOs u individwi li jaħdmu fis-settur kulturali u kreattiv ibbażati f 'Malta - proġett li huwa ppjanat li se jiġi jiswa €9.3miljun u hu parzjalment iffinanzjat minn fondi Ewropej. Apparti spazji ddedikati għall-komunità u l-NGOs, il-Valletta Design Cluster, li jinsab fis-sit tal-Biċċerija l-Antika tal-Belt Valletta – sit li kien ilu dilapidat u abbandunat is-snin – se jkollu roof garden tal-ewwel tip tiegħu u li se jkun miftuħ għar-residenti u viżitaturi. Il-bini se jinkorpora spazji differenti li se jikontribwixxu għall-iżvilupp ta' hub ta' attività kreattiva. Spazji li se jkunu armati b'għodda u tagħmir tal-fabbrikazzjoni diġitali, spazju komunali li fih studenti u individwi fis- settur kulturali jkunu jistgħu jaħdmu, spazju għall-ikel, diversi swali għal laqgħat u konferenzi, kif ukoll 15-il studjow għal xogħol fit-tul ma' organizzazzjonijiet li se jkunu qed joperaw f 'dan il-bini. * * * Daqt jitlesta wkoll ix-xogħol ta' restawr fuq il-faċċati tal- Arkivji Notarili, li jifforma parti minn proġett ta' €5,000,000 kofinanzjat mill- Fond għall-Iżvilupp Reġjonali Ewropew. Hawnhekk għandna proġett interessanti ferm. Il-proġett se jara t-trasformazzjoni ta' żewġ 0binijiet, l-Arkivji Notarili li jinsab f 'palazz tas-seklu 18 fi Triq San Kristofru fil-Belt Valletta, u l-binja li tmiss miegħu fi Triq San Pawl. Dawn se jitniffdu u se jsiru ċentru ewlieni ta' eċċellenza f 'dak li huwa riċerka storika, konservazzjoni u xjenza. Għalhekk, il-fondi miksuba mhux biss qed jintużaw għall-preservazzjoni u għall- konservazzjoni tal-kollezzjoni li tgħodd 'il fuq minn 20,000 volum notarili li għandhom prestiġju internazzjonali u valur storiku u kulturali iżda wkoll biex l-Arkivji Notarili u l-kollezzjoni miżmuma jsiru tassew aċċessibbli għar- riċerkaturi u għall-pubbliku ġenerali. Permezz ta' dawn l-interventi mhux biss qegħdin niżguraw il-preservazzjoni ta' binjiet sbieħ u storiċi fi ħdan il- belt kapitali tagħna imma qegħdin nagħmlu l-Arkivji Notarili aktar aċċessibbli billi nagħmlu użu mill-potenzjal tagħhom għall-benefiċċju tal-komunità tagħna. Bħala Gvern impenjati li nkomplu nsaħħu u ninvestu fil-wirt kulturali tagħna billi nsaħħuh bħala prodott kulturali kemm għall-Maltin u kif ukoll għall- barranin. Il-binjiet se jkunu integrati f 'ċentru uniku li jilqa' fih repożitorju li jżomm fih il-volumi kollha b'mod professjonali u fl-aħjar ambjent possibbli kif ukoll laboratorju state-of-the-art għall-konservazzjoni tal- karta. Se jkun hemm mużew u ċentru tal-viżitaturi li juri partijiet mill-kollezzjoni u b'hekk jattira aktar riċerkaturi lokali flimkien mal-pubbliku u mat-turisti kulturali. Dan il-proġett se jindirizza wkoll ħtiġijiet ta' riċerka fosthom kamra tal-qari ġdida u spazju għal lectures. Ix-xogħol ta' restawr fuq il-faċċati, b'investiment ta' madwar €230,000, beda f 'April tas-sena li għaddiet u diġà kważi lesti. Ir-restawr u l-alterazzjonijiet interni huma mistennija li jitlestew fl-aħħar kwart tal-2020. * * * La qed nitkellmu dwar ir-restawr, insemmi wkoll dak li sar tal-Kappella ta' Sant'Antnin ta' Padova u Santa Katarina f 'Birkirkara mid- Direttorat tar-Restawr, fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali. Dan kien proġett ieħor taħt l-Iskema ta' Restawr għall- Kunsilli Lokali, inizjattiva bl-għan li tgħin lill-Kunsilli Lokali biex jirrestawraw monumenti u binjiet storiċi fil-lokalità tagħhom. Attwalment id-Direttorat tar- Restawr qiegħed jieħu ħsieb 71 proġett fl-istess waqt. Ta' min wieħed jiftakar ukoll li d-Direttorat diġà ħadem fuq 70% tal-lokalitajiet tagħna, biex inkomplu nsaħħu dak li jagħmilna Maltin. * * * Ix-xogħol li qed isir minn dan il-Ministeru jolqot diversi setturi li qegħdin insaħħu permezz ta' investiment kontinwu. Investiment ta' miljun ewro huwa dak għal sistemi ġodda ta' irrigazzjoni fil-lokalitajiet. Dan qed isir permezz ta' skema ġdida 'Finanzjament ta' Proġetti Kapitali – Apparat għal Sistemi ta' Irrigazzjoni', li għandha l-għan li ttejjeb l-ambjent ta' madwarna u jiżdiedu l-ispazji miftuħa. Il-kunsilli reġjonali u lokali kollha huma eliġibbli japplikaw. Permezz ta' proġetti ta' din is-sura, qegħdin inkomplu ninkoraġġixxu l-lokalitajiet biex ikunu aktar sostenibbli, b'inizjattivi li huma ta' benefiċċju għall-komunitajiet u ċ-ċittadini tagħna. Bħala Gvern irridu nkunu hemm għaċ-ċittadini biex nifhmu aħjar il-bżonnijiet tagħhom. Aħna impenjati biex nassistu s-soċjetà permezz ta' skemi bħal dawn li huma ta' vantaġġ għall-ġenerazzjonijiet kurrenti u futuri. Dan huwa eżempju ieħor tas-sinġerija li hemm bejn il-Gvern Ċentrali u l-Gvern Lokali, li jaħdmu għall-ġid taċ-ċittadin. Owen Bonnici huwa Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Kultura aċċessibbli għal kulħadd OWEN BONNICI Permezz ta' din l-inizjattiva Heritage Malta qed twassal il-viżjoni tagħha minn waħda għall- konservazzjoni tal-patrimonju għall- viżjoni usa' li tagħti aċċessibbiltà għal dak li jagħmilna Maltin Kultura: It-tempju ta' Ħaġar Qim illum | Il-Ħadd 19 ta' Mejju 2019 24 Opinjoni

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 19 May 2019