Illum previous editions

ILLUM 19 May 2019

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1118956

Contents of this Issue

Navigation

Page 6 of 35

7 Aħbarijiet Il-Ħadd 19 ta' Mejju 2019 | illum ILBIERAĦ il-pajjiż qam ixxukkjat hekk kif bdiet tinxtered l-aħbar tal- ewwel qtil b'motivazzjoni razzista kkonfermata, li qatt sar f 'pajjiżna. Il-każ huwa mill-aktar gravi, mhux biss għax omiċidju imma għaliex l-akkużati tal-qtil huma suldati tal-Forzi Armati ta' Malta (AFM), b'wieħed minnhom saħansitra jammetti l-ħtija ta' kompliċità f 'dan il-qtil. Il-qtil seħħ f 'Birżebbuġa (żona ta' Ħal Far) nhar is-6 ta' April li għadda. L-ewwel suspettat li nqabad mill- Pulizija ammetta illi kien parti mill- grupp ta' nies illi qatlu lil dan ir-raġel kiesaħ u biered, għalkemm sostna mal-Pulizija li ma kienx hu li sparalu. Jidher illi t-tfittxija biex tkun arrestata t-tieni persuna kienet suċċess. It-tieni akkużat, bħall-ewwel wieħed, huwa suldat tal-Forzi Armati wkoll. Mill-ewwel informazzjoni li bdiet ħierġa lbieraħ jidher illi ma kienx hemm rabta bejn dawn l-akkużati u l-immigranti u allura kollox qed jindika li dan ir-raġel inqatel sempliċiment għaliex kien ta' karnaġġjon skur. Lassana kien miexi f 'Birżebbuġa ma' żewġ irġiel oħra fi Triq tal- Ġebel fil-11:00pm, dakinhar tal-qtil, meta nstemgħu tiri minn karozza, issuspettata li hi Toyota Starlet. Il-vittmi l-oħrajn huma raġel mill- Guinea u raġel ieħor ta' 28 sena mill- Gambja. Dawn sofrew minn ġrieħi u nstabu ftit biss 'il bogħod minn Lassana. Triq il-Ġebel hija trejqa li minn Birżebbuġa twassal għal Triq iż- Żurrieq, fl-istess lokalità u hija użata wkoll minn residenti taċ-ċentru miftuħ ta' Ħal Far, fejn kienu jgħixu dawn it-tlieta. Wieħed minn dawk li baqgħu ħajjin sostna, f 'intervista mal-ġurnal The Times, illi jiftakar kif il-bullet daħal minn ġenbejn u ħareġ minn oħra, qabel waqa' u ntilef minn sensih. Iż-żewġ vittmi li baqgħu ħajjin kienu ġew mill-Italja u ma setgħux imorru lura f 'impjieg fl-Italja stess biex iġeddu d-dokumenti tagħhom. Intant mal-aħbar tal-arrest li nxterdet fuq il-midja kollha inkluż l-illum.com. mt, bdew deħlin diversi reazzjonijiet. 'Il-qtil ta' Lassana kien attakk terroristiku' – Andrè Callus L-ILLUM tkellmet ma' Andrè Callus mill-Moviment Graffitti li sostna illi dan il-qtil ma kien xejn għajr attakk terroristiku u l-aktar ħaġa gravi li qatt ġrat f 'Malta. Callus irringrazzja lill-Pulizija għax-xogħol tagħhom u esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-fatt li dan il-każ ittieħed b'serjetà kbira. Huwa qal illi issa għandha ssir investigazzjoni profonda għax dan "mhux każ iżolat. Anke jekk huwa l-aktar gravi. Żgur mhux każ iżolat. Hemm bżonn li tittieħed azzjoni mill- ogħla istituzzjonijiet u anke mill-Forzi Armati stess." Waqt li fakkar fil-ħidma sfieqa tal- Forzi Armati, sostna illi hemm bżonn li tittieħed azzjoni kontra min jesprimi sentiment ta' mibegħda kontra persuni oħrajn, fuq bażi razzjali. Hu jfakkar fil-mewt ta' żewġ immigranti oħrajn fl- aħħar snin, liema każijiet li dwarhom għadha ma seħħitx ġustizzja. 'Dawk li jxerrdu l-mibegħda għandhom ħafna x'jirrispondu' – Arnold Cassola Intant il-Kandidat Indipendenti għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Arnold Cassola, sostna illi l-fatt li ġew implikati żewġ membri tal-AFM "hija aħbar xokkanti għalina lkoll." Huwa qal illi tuffieħ ħażin jeżisti kullimkien, "imma li jkollok żewġ suldati implikati fi qtil bħal dan, meta suppost il-missjoni tagħhom hija li jipproteġuna, huwa ħafna biex tniżżel," qal Cassola. Huwa qal li l-politiċi illi jxerrdu l-mibegħda razzjali u teoriji ta' supremazija tal-bojod, għandhom ħafna x'jirrispondu. Cassola temm jirringrazzja lil dawk kollha fl-AFM li xogħolhom huwa li jipproteġuna mill-mibegħda ta' din il-minoranza. 'Ma kinux ilhom fl-AFM' – Il- Kummissarju tal-Pulizija Fl-ewwel kummenti tiegħu lill- gazzetta ILLUM, il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar żvela kif is-suldati li kienu arrestati u li mistennijin jitressqu l-Qorti dalgħodu ma kinux ilhom ħafna fil-Forzi Armati ta' Malta. Fil-fatt huwa mifhum li l-akkużati huma żgħażagħ. Iż-żewġ suldati inkwistjoni se jkunu akkużati bil-qtil ta' Lassana Cisse Souleyman li seħħ nhar is-6 ta' April li għadda, meta dawn it-tnejn allegatament sparaw fuq immigranti minn ġo karozza. Cutajar sostna li "l-investigazzjoni- jiet ilhom għaddejjin b'mod intensiv mill-ewwel ġurnata u dan is-suċċess wasal grazzi għall-kordinazzjoni li qiegħda dejjem tikber bejn it-taqsimiet speċjalizzati flimkien mal-Pulizija tad-distrett biex Malta tkun stat aktar sigur." Il-qtil ta' dan ir-raġel ġab xokk madwar il-pajjiż kollu, imma b'mod speċjali f 'Birżebbuġa fejn saret velja ta' talb għall-vittma filwaqt li l-Kappillan Dun Anton Galea Scannura kien iddeskriva dan il-qtil bħala 'tebgħa' fuq il-lokalità matul il-Funzjoni tal- Ġimgħa l-Kbira. Jirreaġixxu wkoll iż-żewġ mexxejja politiċi Intant ftit wara li seħħew l-aħħar żviluppi ż-żewġ mexxejja politiċi irreaġixxew permezz ta' tweets. Il-PM Joseph Muscat qal illi kliem ta' mibegħda u diviżjoni "m'għandhomx post fis-soċjetà." Huwa ddeskriva l-iżviluppi tal-bieraħ bħala sinjal b'saħħtu kontra t-tixrid tal-mibegħda u sinjal ċar illi hemm konsegwenzi għat- tixrid ta' tali sentiment. Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia sostna li l-PN jikkundanna bil-qawwa kollha dan l-att ta' mibegħda u kull att ieħor vjolenti u diskriminatorju. Delia sostna li għandha ssir "investigazzjoni urġenti, indipendenti u trasparenti." Delia temm jgħid li din mhix il-Malta li verament irridu filwaqt li rringrazzja lill-Pulizija għax-xogħol li wettqu biex setgħu jinqabdu l-akkużati. Il-UNHCR turi tħassib profond għall-konferma ta' qtil razzist f 'Malta L-Aġenzija tal-Refuġjati tal-Ġnus Magħquda, l-UNHCR, ukoll faħħret lill-Korp tal-Pulizija tal-investigazzjoni li saret u li ħalliet ir-riżultati permezz tal-arrest ta' żewġ suldati akkużati bil-qtil ta' Lassana Cisse Souleyman u li ħallew żewġ immigranti oħra feruti. Minkejja dan il-UNHCR qalet illi hija ferm imħassba bil-fatt illi issa kien ikkonfermat illi dan kien qtil b'motivazzjonijiet razzjali. Il-UNHCR fakkret illi l-Forzi Armati ta' Malta (AFM) issalva eluf ta' refuġjati u immigranti mill-baħar u għalhekk sostniet li għandha tinbeda investigazzjoni kemm jista' jkun malajr u ferm intensiva biex jitneħħew l-elementi ħżiena fl-AFM. Ir-rappreżentant tal-UNHCR f 'Malta, Kahin Ismail, qal illi dak li ġara huwa ta' soljev għall-immigranti li qed jgħixu f 'Ħal Far. Huwa wera wkoll l-apprezzament għal dak li qal il-PM Joseph Muscat u l-Ministru tal-Intern Micheal Farrugia li fakkru illi m'hemmx post għall-mibegħda f 'pajjiżna. Il-President jesprimi s-sogħba tiegħu Il-President George Vella esprima s-sogħba tiegħu għall-iżviluppi fl- investigazzjonijiet dwar il-qtil tas-Sur Lassana Cisse fis-6 ta' April li għadda. Il-President ifakkar li kulħadd huwa preżunt innoċenti sakemm ma jinstabx ħati minn Qorti tal-Ġustizzja. "Huwa ta' dispjaċir kbir li l-persuni arrestati huma membri ta' korp iddixxiplinat," sostna Vella. Il-President enfasizza li dan m'għandu bl-ebda mod jirrifletti fuq il-korpi ddixxiplinati f 'pajjiżna, fuq il-korrettezza tal- membri ta' dawn il-korpi, u fuq ix-xogħol siewi, u l-valuri ta' lealtà u d-dedikazzjoni għas-servizz fil- komunità li dawn il-korpi jħaddnu. F'isem il-poplu Malti u Għawdxi, il-President xtaq iwassal lill-komunità ta' migranti u barranin f 'pajjiżna, is-sentimenti sinċieri ta' dispjaċir għall-qtil kiesaħ u biered ta' persuna minn fosthom, u feriment ta' oħrajn, u jassigurahom li dan l-att ma jirrappreżentax is-sentiment tal-poplu Malti u Għawdxi. Messaġġi ta' rabja u soljev hekk kif jinqabdu l-qattiela ta' Lassana

Articles in this issue

Links on this page

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 19 May 2019