Illum previous editions

ILLUM 19 May 2019

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1118956

Contents of this Issue

Navigation

Page 15 of 35

illum | Il-Ħadd 19 ta' Mejju 2019 16 VotEWROPA 2019 MINA TOLU Intervista Din hija l-ewwel darba li qed tikkontesta din l-elezzjoni. M'għandekx esperjenza. Allura kif taħseb li tista' tikkontribwixxi għal pajjiżna fil- Parlament Ewropew? Jiena għandi 27 sena, imma dan ma jfissirx li għandi biss enerġija żagħżugħa x'noffri. Esperjenzi għandi ħafna wkoll. L-esperjenzi ta' ħajti, l-esperjenzi bħala żagħżugħ, l-esperjenzi bħala persuna LGBTI, l-esperjenzi tax-xogħol u l-ħidma tiegħi kemm f 'Malta u fuq livell Ewropew. Fl- NGOs u ma' ċittadini bħali, li jgħixu u jafu xi tfisser tkun - dawn huma l-ilħna li kieku nirrappreżenta fl-Ewropa. Tal-Maltin u l-Għawdxin, taż-żgħażagħ, tal-persuni LGBTI, tal-ambjentalisti, u ħafna oħrajn. Għandna bżonn nies minn kull qasam tas- soċjetà li joħorġu għall-politika. Għax il-Parlament Ewropew jirrappreżenta kull wieħed u waħda minnha, u mhux biss persuni li għandhom aktar minn 35 sena. Jiena ħdimt f 'għaqdiet LGBTI u ambjentali, kemm fuq livell Ewropew u lokali. Fl-2010 bdejt NGO l-Università, biex naħdmu għad-drittijiet ta' persuni LGBTI. Din l-esperjenza wasslitni biex naħdem ma' IGLYO (International LGBTQI Youth and Student Organisation) u ma' TGEU (Transgender Europe). NGOs li jaħdmu f 'kuntest Ewropew - ukoll mal-Membri tal-Parlament Ewropew u mal-Kummissjoni. Grazzi għal dan ix-xogħol fl-aħħar 9 snin kont espost għall-mod kif jinħadmu l-liġijiet u r-relazzjonijiet politiċi fuq livell Ewropew. Taħseb li wasal iż-żmien li l-Alternattiva Demokratika u l-Partit Demokratiku jingħaqdu bħala forza waħda? Fil-bidu tas-sena ddiskutejna mal-Partit Demokratiku dwar possibbiltà li jkollna lista waħda għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew. Ikkonkludejna li ma kienx il-mument opportun li jkunu fformalizzati r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ partiti. Fl-istess ħin nirkonoxxu l-ħtieġa li nikkordinaw fejn possibbli biex inservu lill-pajjiż bl-aħjar mod possibbli. Jiena naħseb ukoll li meta n-nies jarawna, l-AD u l-PD, biss bħala t-tielet partit jaslu għall- konklużjoni li l-aħjar ħaġa tkun li ningħaqdu bħala forza waħda. Dan huwa l-periklu tas- sistema attwali li għandna fil-pajjiż, fejn ftit hemm differenza politika bejn il-PN u l-PL, u fejn m'hemmx opportunità ndaqs li tiddiskuti l-politika. Għalhekk in-nies ma drawx b'pluralità ta' ħsieb li tmur lil hinn mil-leħen blu jew aħmar. Ngħid biċ-ċar li bħala AD noffru politika u ideat li ma joffri l-ebda partit ieħor fil-pajjiż. L-istess il-PD. Iż-żewġ partiti għandhom il-prinċipji u l-valuri tagħhom, u dan huwa s-sabiħ tad- demokrazija. Inkunu qed naraw sa mneħirna jekk ningħaqdu f 'partit wieħed bl-uniku skop li negħlbu d-duopoly tal-ikbar partiti. Fl-istess ħin ma neskludix sistema ta' koalizzjonijiet fl- elezzjonji, kemm mal-PD, u kemm ma' partiti oħrajn. Dejjem, jekk ikun hemm qbil fuq l-ideat u l-prinċipji fundamentali. Ħafna drabi vot lill-AD u allura lil Mina Tolu huwa meqjus bħala vot moħli għax l-AD qatt mhu se jkollha MEP. Int x'taħseb? U inti, ma taħsibx li forsi l-vot moħli jkun dak li jmur għal dawk il-partiti li: 1. f 'kampanja elettorali sħiħa kważi qatt ma semmew ideat għall- Ewropa, u li 2. bl-aġir u l-ġlied kontinwu tagħhom mexxew kampanja mimlija mibegħda u tgħajjir? Nenfasizza wkoll li bis-sistema tal-votazzjoni li għandna, is-single transferrable vote, ebda vot mhu moħli. Dan għaliex in-nies jistgħu jagħżlu l-kandidati li l-aktar għoġbuhom u m'hemmx bżonn timxi ma' xi lista ta' partit jew ieħor. Inti favur l-abort? Għalfejn iva/le? Jekk tkun MEP x'tagħmel biex tilħaq l-għanijiet tiegħek fuq dan is-suġġett? Jekk issegwi biss il-kampanja elettorali tal- PN faċli tikkonfondi u taħseb li din l-elezzjoni għandha x'taqsam mal-abort. Dan mhuwiex il-każ. L-abort mhuwiex parti mill-politika komunitarja tal-Unjoni Ewropea. Ħadd mill- MEPs Maltin li jiġu eletti ma jista' jaħdem f 'dan ir-rigward. Nemmen li fuq livell nazzjonali d-dibattitu għandu jsir, u li dan id-dibattitu jkun wieħed matur u rispettuż. Ma nistgħux inkomplu ninjoraw suġġett sempliċiment għax huwa tqil jew ta' żvantaġġ lil xi politiku li jiddiskutihom. Hemm bżonn ta' rispett lejn kull individwu, kif ukoll riċerka u analiżi tal-fatti. Naħseb li l-pożizzjoni tal-Alternattiva Demokratika kif ukoll editorjal riċenti tat-Torċa u l-kummenti tal-Prim Ministru stess din il-ġimgħa huma f 'waqthom u neċessarji. Ħafna qed igergru minħabba l-ammont dejjem jikber ta' barranin li qed jiġu jaħdmu pajjiżna. Ma tħossx li l-infrastruttura ta' pajjiżna ma kinitx u mhix lesta biex tilqa' lil dawn l-eluf kollha? Ma taħsibx li n-nies għandhom raġun jirrabjaw meta jaraw impjegaturi jħaddmu barranin b'pagi baxxi? Nifhem għalfejn in-nies huma rrabjati. Jien personalment nirrabja għaliex hawn Malta nħolqot soċjetà fejn l-iskjavitù moderna saret possibbli. Kieku kien hawn rispett u diċenza u liġijiet li jikkunsidraw lil kulħadd l-istess ma kienx ikun hawn possibbilità ta' pagi baxxi. Jien ma neħodhiex kontra l-barrani, imma kontra l-impjegatur li nesa kif jittratta l-impjegati tiegħu ta' bnedmin li huma. Neħodha kontra l-apatija li hawn għal din is- sistema, għax hawn min jaqbillu biha. Taqbel mal-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex? Taħseb li għandna napplikaw għal fondi Ewropej għal dan il-proġett? Jekk ma taqbilx x'taħseb li għandu jsir minflok? Le, ma naqbilx mal-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex. Dak li għandna niffaċilitaw huwa ċ-ċaqliq tan-nies u mhux iċ-ċaqliq tal- karozzi. Ma naqbilx lanqas li Malta tapplika għal fondi Ewropej għal proġetti li jkollhom impatti negattivi fuq l-ambjent u li ma jkunux aċċessibbli għal kulħadd. Il-mina m'hemmx bżonnha għax hemm soluzzjonijiet li jilħqu l-problema ewlenija: il-faċilità ta' mobilità bejn Malta u Għawdex. Għalhekk l-Alternattiva Demokratika tissuġġerixxi l-introduzzjoni ta' numru ta' ferries rapidi bejn Għawdex u diversi partijiet ta' Malta. 'Jiena ma neħodhiex kontra l-barrani, neħodha kontra min nesa kif jittratta lill-bnedmin għax hekk jaqbillu' ELEZZJONIJIET GĦALL-PARLAMENT EWROPEW U GĦALL-KUNSILLI LOKALI – 25 TA' MEJJU, 2019 Persuni li għadhom ma rċevewx id-dokument/i għall-votazzjoni Il-Kummissjoni Elettorali tavża lil dawk il-votanti li ma rċevewx id-dokument/i għall-votazzjoni tagħhom, illi llum huwa l-aħħar ċans li fih jistgħu jmorru personalment fl-Għassa tal-Pulizija tal-lokal u jieħdu magħhom il-Karta tal-Identita' jew il-Karta tar-Residenza biex jieħdu d-dokument/i għall-votazzjoni tagħhom. Il-Ħadd 19 ta' Mejju: bejn it-8.00 a.m. u s-1.00 p.m. Dokumenti għall-votazzjoni rreġistrati fuq Marsalforn jinġabru minn Kaċċatur Flats, Triq ix-Xagħra, Marsalforn. Fil-lokalita' ta' San Pawl il-Baħar id-dokumenti jinġabru mill-Għassa tal-Qawra. Fil-lokalità ta' Marsaskala d-dokumenti jinġabru mill-iskola Primarja tal-Gvern, San Ġwakkin. Fil-lokalitajiet ta' Bormla, Fontana, L-Għasri, L-Iklin, Ħal Lija, Marsaxlokk, Pembroke u Ta' Xbiex, id-dokumenti jinġabru mill-Uffiċċju tal-Kunsill Lokali fl-istess ġranet u ħinijiet. STQARRIJA MILL-KUMMISSJONI ELETTORALI www.electoral.gov.mt Dan l-artiklu sar bi ħlas

Articles in this issue

Links on this page

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 19 May 2019