Illum previous editions

ILLUM 19 May 2019

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1118956

Contents of this Issue

Navigation

Page 17 of 35

illum | Il-Ħadd 19 ta' Mejju 2019 18 VotEWROPA 2019 JOSIANNE CUTAJAR Intervista Inti l-kandidata Għawdxija tal-Partit Laburista. Ma tħossx li f 'Għawdex saru ħafna wegħdi li ma twettqux: xogħol f 'Għawdex għall-Għawdxin, cruise terminal, moll biex jieqfu l-cruises, binja ġdida tal-Qorti, sptar state of the art. Ma tħossx li l-partit li tirrappreżenta daħak bl-Għawdxin? Bħala Għawdxija, nista' nassigurak li l-uniċi wegħdiet li ma twettqux kienu dawk li saru mill-Partit Nazzjonalista. Għalkemm għadni żgħira, naf sew l-istat li kien fih Għawdex sa sitt snin ilu. Soċjalment, konna fit-triq ta' mewta naturali tas-soċjetà Għawdxija, għaliex ħadd mill-ġenerazzjoni tiegħi ma seta' jibni futur f 'Għawdex. Opportunitajiet għal min ried jaħdem u jibni familja f 'Għawdex ma kienx hemm. Illum, għall-kuntrarju ta' dan, naf Maltin li ngħaqdu magħna f 'Għawdex, u llum qed igawdu l-kwiet ta' gżiritna, flimkien mad- diversi attivitajiet u inizjattivi li qed iġibu lil Għawdex fuq saqajh. Għaddej xogħol fuq proġetti diversi. Ħafna mill-proġetti li semmejt jirrikjedu proċeduri ta' vvettjar minn diversi awtoritajiet, fosthom l-Awtorità tal-Ippjanar u l-ERA. Nista' nassigurak però li l-ħidma fuqhom u fuq diversi inizjattivi oħrajn – fosthom il-bini ta' SME Park ġdid, jew it-tindif u riabilitazzjoni ta' numru ta' widien Għawdxin – għaddejja b'pass mgħaġġel. Għadna kemm rajna u smajna dwar il-ftuħ ta' Sala ġdida tal-Ortopedija fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex u li x-xogħlijiet fuq l-iskola medika ta' Barts waslu fi stadju avvanzat. Fejn jidħol xogħol f 'Għawdex ukoll rajna diversi opportunitajiet ġodda inkluż dawk iġġenerati minn back office work tal-Gvern li nġab Għawdex u minn investiment fi gżiritna inkluż dak barrani dirett. Ta' min ifaħħar ukoll l-iskema li tinċentiva l-intrapriżi biex iħaddmu aktar nies f 'Għawdex li tgħin biex toħloq klima aktar b'saħħitha u addattata għal xogħol f 'Għawdex għall-Għawdxin. Probabbilment tiltaqa' ma' ħafna kaċċaturi u nassaba, li minkejja ħafna wegħdi u referendum la jistgħu jonsbu u lanqas imorru għall-kaċċa tal-gamiema. X'tgħidilhom meta jgħidulek li mhux se jivvutaw? F'din il-kampanja, għamiltha punt li nżur u nitkellem mal-għaqdiet tal-kaċċaturi u nassaba Maltin u Għawdxin. Għamilt dan għax naf kemm dan id-delizzju hu importanti għal tant nies inkluż nies qrib tiegħi. Naf ukoll kemm ħassewhom urtati l-kaċċaturi u n-nassaba tagħna meta sena wara l-oħra, elezzjoni wara l-oħra, ġew imwiegħda l-ġenna u baqgħu fil-limbu. Jien m'għamiltx hekk, la mal-kaċċaturi u n-nassaba, u lanqas mal-ebda grupp ieħor. Ma' kull min tkellimt, spjegajt is-sitwazzjoni li pajjiżna jinsab fiha fir-rigward tal- limitazzjonijiet li jeżistu minħabba l-liġijiet u r-regoli Ewropej u n-neggozzjar illi sar minn Gvern Nazzjonalista meta dħalna fl-Unjoni Ewropea. Offrejt l-impenn tiegħi li jekk inkun eletta, naħdem biex il-kaċċaturi u nassaba Maltin u Għawdxin ikollhom l-istess drittijiet daqs sħabhom l-Ewropej, u dan għax jien favur kaċċa u nsib sostennibli u verament nemmen li din it-tradizzjoni hi parti mill-identità nazzjonali tagħna. Il-messaġġ tiegħi hu li kif sitt Membri Parlamentari Ewropew se jitilgħu; il-kaċċaturi u n-nassaba però m'għandhomx jitilfu ċ-ċans li jeleġġu rappreżentant/i li jħarsu l-interessi tagħhom fl-Unjoni Ewropea. Inti ġdida u m'għandekx esperjenza. Ma taħsibx li m'intix lesta biex tirrappreżenta lil Malta f 'istituzzjoni tant kbira? X'se toffri int li ħaddieħor ma jistax? Enerġija, determinazzjoni u politika min-nies għan-nies. Għalkemm l-iżgħar kandidata, m'iniex eżattament ġdida fix-xena politika! Għal dawn l-aħħar seba' snin, servejt lir- residenti tan-Nadur bħala minority leader fil- Kunsill Lokali, u ili nimmilita fi ħdan il-Partit Laburista 'l fuq minn għaxar snin. Servejt bħala Uffiċjal Ħidma Politika tal-Partit Laburista fin-Nadur, u preżentement jien membru wkoll fi ħdan l-Eżekuttiv ta' Nisa Laburisti, jien il- President tal-Kumitat Reġjonali t'Għawdex, u rappreżentanta fil-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa. Din l-esperjenza għallmitni l-importanza ta' djalogu kontinwu ma' dawk kollha li nirrappreżenta. Tgħallimt ukoll li meta trid tilħaq xi għan, ma tista' taqta' qalbek qatt, trid tibqa' tippersisti, u trid taħdem id f 'id ma' kull min jista' jgħinek tikseb dak l-għan. Fl-Ewropa, biħsiebni naħdem bl-istess grinta li ili naħdem biha dawn l-aħħar snin. Naf li l-kuntest Ewropew hu ferm differenti, iżda konvinta li l-istudji tiegħi fil-liġi Ewropea u l-esperjenza li ksibt f 'xogħli mal-Prim Minsitru, ser jgħinuni wkoll biex, jekk ningħata l-fiduċja, nadatta malajr għall-istil tal-politika Ewropea, u ħidmieti tibda ġġib il-frott għall-Maltin u l-Għawdxin kollha. Jinkwetak il-fatt li l-lemin estrem, kemm fl-Ewropa u anke f 'pajjiżna qed jgħolli rasu waħda sew. L-UE x'tista' tagħmel biex tikkalma dan is-sentiment? Taħseb li se nieħdu sorpriża kerha f 'Mejju? Fi kwalunkwe żmien u kuntest, l-ideoloġija tal-lemin estrem hi perikoluża, u ta' min wieħed irażżanha. Konvinta li dan ir-ritorn tal-lemin estrem qed iwassal għal żieda fl-ewro- xettiċiżmu wkoll. Irrid nara Unjoni Ewropea eqreb lejn in-nies, li tagħti aktar attenzjoni għall-bżonnijiet u partikolaritajiet diversi għax nemmen li b'hekk nistgħu niġġieldu l-estremiżmu. Fl-istess ħin, nemmen ukoll li l-kuntest Malti hu differenti minn dak Ewropew. Storikament, dejjem iġġilidna l-faxxiżmu, u trawwimna f 'kultura ta' empatija u rispett lejn id-diversità ta' kull individwu, u ta' Stat li jaħseb f 'kulħadd. Għandi fiduċja li dan se jiġi rifless fl-elezzjonijiet li ġejjin. L-ambjent f 'pajjiżna jinħass li jinsab taħt theddida kontinwa. Qed tiltaqa' ma' dan is- sentiment? X'se toffri int fuq livell Ewropew biex l-ambjent ikun iktar protett? Fl-2013, għamilna għażla: dik li naraw lil pajjiżna jerġa' jixgħel il-magna tal-progress u jixpruna l-attività ekonomika ta' pajjiżna. Iva, f 'ċertu każijiet, l-ambjent bata b'konsegwenza ta' dan. Fil-karriera politika tiegħi, qatt ma ddejjaqt nagħti kritika kostruttiva fejn rajt il-bżonn tagħha, u l-istess għamilt f 'din il-kampanja. Tkellimt dwar il-bżonn ta' masterplans għall- irħula u bliet tagħna; tkellimt dwar il-bżonn ta' spazji ħodor fl-ambjenti urbani tagħna; tkellimt dwar il-bżonn ta' bidla fil-mentalità lejn mezzi ta' trasport li ma jniġġsux. Fuq livell Ewropew, l-istess ser inkun qed nagħmel. Hemm bżonn ċar li bħala kontinent magħqud, nindirizzaw bis-serjetà t-tibdil fil- klima. Irrid nara wkoll politika agrikola iktar b'saħħitha, biex nagħtu iktar valur lill-qasam agrikolu. Se nkun qed naħdem ukoll biex l-UE tkun iktar b'saħħitha fil-promozzjoni ta' mezzi ta' trasport nodfa, pereżempju, l-użu tar-roti, ta' vetturi li ma jniġġsux, u tat-trasport pubbliku. Fuq livell nazzjonali: qed jingħad u qed jidher fis-sondaġġi li l-Partit Laburista jaf jirbaħ l-elezzjoni ta' Mejju b'marġini ta' 50,000 u aktar. Ma taħsibx illi riżultat bħal dan jista' jitla' għal ras il-Gvern u dan jaħseb li ħadd u xejn ma jista' għalih? Is-sondaġġi importanti, iżda mhux kollox. Fl-aħħar mill-aħħar, ir-riżultat li jgħodd joħroġ biss mis-sala tal-għadd fl-aħħar ta' dan ix-xahar. Dwar id-distakk bejn il-partiti, il-Partit Laburista diġà ngħata vantaġġ qawwi fl-2013 u l-2017. Bħala avukat fl-uffiċċju tal-Prim Ministru, nista' nixhed fuq kemm dawn ir- rebħiet storiċi mhux talli ma telgħux għal ras il-Gvern, iżda sarrafhom f 'iktar ħidma bla waqfien għalina lkoll. Jekk jiġri l-istess fl-elezzjonijiet li ġejjin, u l-poplu jerġa' jagħti vot ta' fiduċja lil ħidmietna, ċerta li l-Gvern se jerġa' jagħti spinta aktar b'saħħitha lid-diversi inizjattivi li diġà għaddejjin fl-oqsma kollha tal-ħajja. 'Konna fit-triq ta' mewta naturali tas-soċjetà Għawdxija, illum dan inbidel' Dan l-artiklu sar bi ħlas

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 19 May 2019