Illum previous editions

ILLUM 7 July 2019

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1139338

Contents of this Issue

Navigation

Page 17 of 31

K ont xtaqt nikteb fuq tema li tqanqlet il-ġimgħa li għaddiet dwar ħaddiema barranin u lingwa, imma deherli li kelli nkompli niftaħ fuq dak li tkellimt dwaru fl-aħħar artiklu tiegħi, jiġifieri r-rabta bejn il-bini li qed jifgana u jipperikola ħajjitna mal- ekonomija. Deherli li kelli nagħmel dan f 'rabta ma' reazzjonijiet u nuqqas ta' reazzjonijiet li kelli dwar l-artiklu. L-artiklu kellu reazzjoni min-nies li l-ambjent mhux prijorità ewlenija għalihom (li ma jfissirx li ma japprezzawhx) u li kellhom stejjer differenti ta' militanza fil-politika jew qasam trejdunjonistiku. Ftit kien hemm reazzjoni minn nies li jimmilitaw favur l-ambjent; kemm minn membri ta' għaqdiet u kemm minn individwi li huma favur l-ambjent u kontra l-ħakma tal-iżviluppaturi. Kollox ma' kollox ma kontx sorpriż meta wieħed iqis il-klassi soċjali ta' bosta (ovvjament mhux kollha) minn dawn tal-aħħar, il-limiti ta' kif jaffrontaw temi politiċi, u l-istampa tal-istorja reċenti ta' pajjiżna li bosta minnhom iħaddnu (dawk li għandhom stampa tal-passat qarib almenu almenu; nissuspetta li dawk l-aktar żgħar m'għandhom ebda stampa simili). Perspettiva Storika Fl-artiklu tiegħi tajt ftit perspettiva storika dwar x'wassal biex l-industrija tal- bini u l-lobby tal-iżviluppaturi hi daqshekk b'saħħitha f 'pajjiżna. Dan, ovvjament, m'għamiltux sempliċement għall-kurżità. Il-preżent hu riżultat ta' bosta fatturi, uħud minnhom (bosta) miruta mill-passat. Il-futur li nixtiequ, jekk tagħna jridu jkunu xewqat li jistgħu jitwettqu u mhux ħolm vojt, irid jikkunsidra dan kollu, biex naraw x'inhuma kemm il- possibbilitajiet u kemm il-limiti ta' dak li nistgħu nwettqu. Ħafna min-nies li huma involuti fil-Moviment ambjentali (kif spjegajt fl- ewwel paragrafu individwi u għaqdiet), ġeneralment (hemm eċċezzjoniijet ovjament), huma nies mill-klassi tan-nofs li – dawk minnhom li għandhom stampa tal-istorja ta' pajjiżna – aktarx jaċċetaw stampa partikulari tal-istorja reċenti ta' Malta; stampa fejn wara Mejju tal-1987 telgħet ix-xemx u fejn is-snin ta' qabel huma meqjusa bħala żmien ta' dlam. Din l-istampa spiss ittellifhom milli jaraw li, anke f 'dak li għandu x'jaqsam mal-ambjent, qabel Mejju tas-'87 (bil- kontradizzjonijiet u ħniżrijiet kollha li kien hemm, anke dawk marbuta ma dan il-qasam) kien hemm affarijiet pożittivi li, kieku tħallew, Malta setgħet ma spiċċatx fil-qagħda li hi llum f 'dak li għandu x'jaqsam ma' żvilupp selvaġġ tal-industrija tal-bini. Itellifhom milli jaraw ukoll li ċerti affarijiet li seħħew wara Mejju tal-1987 min-naħa l-oħra, bilfors kellhom iwasslu għall-qagħda li wasalna fiha issa. Affarijiet li min hu involut f 'dan il-moviment u għandu ċerta età aktarx li naqas li jara l-effetti ħżiena fit-tul li meta dawn l-affarijiet daħlu. (U dan mhux qed ngħidu biex ngħabbi lil xi ħadd b'xi ħtija.) Xi affarijiet li kienu pożittivi qabel l-1987, bħal industriji labour intensive li ma kinux dik tal-bini, semmejthom l-aħħar darba. Hawn ser insemmi xi affarijiet li seħħew post-87 li wasslu għal qagħda li hawn illum fejn, kif semmejt fl-aħħar kitba, ġabu l-investiment fil-ġebla l-uniku investiment vijabbli għal min ġemma' jew kiseb kapital żgħir, jew li jaspira li jagħmel dan. (Il-maġġoranza kbira tal-popolazzjoni, jekk tgħodd flimkien min għandu kapital ċkejken u min joħlom li xi darba jista' jkollu). Ħa nsemmi tliet affarijiet. L-aċċettar, speċjalment fis- snin disgħin, li s-suq għandu jirregola l-oqsma kollha tal- ekonomija, kif ukoll l-irtirar bil-mod il-mod min-naħa tal-Gvern mis-suq tal-bini (fejn qabel il-Gvern kien jipprovdi jew jgħin jipprovdi bini jew art fabbrikabbli bi prezz baxx, ħaġa li kienet iżżomm is-suq stabbli). Ftit ambjentalisti nnutaw (kien hemm ovjament min) kemm dan kien ser ikollu l-effett li l-investiment fil-ġebla ssir aktar leqqien. Il-bidla fil-liġi tal-kera fl- 1995. Sal-1995 ħadd ma kien jibni/jixtri biex jikri fit-tul. Investiment fil-bini wieħed kien jagħmlu jew għal uliedu, jew biex ibigħ il-binja li jtella', jew għall-kiri lit-turisti. Il-bidla tal-liġi tal-kera fl- 1995, fejn ġie illiberalizzat aktar is-suq tal-kirjiet ġodda, wasslet biex wieħed setgħa jikri għal perjodi definitiu bi prezzijiet li jiftiehem mal-kerrej. Il-kiri ta' post biex ħaddieħor jgħix fih reġgħet saret xi ħaġa li tirrendi. Illum tirrendi bil-kbir. Din żiedet inċentiv ieħor biex wieħed jinvesti fil-ġebla. Ħadd jew kważi imma, ma nnota dan dak iż-żmien li saret il-bidla. Il-fatt li sa qabel l-1987, bniedem b'kapital żgħir seta' sempliċement jitfa' flusu l-bank, mingħajr riskji u taħbit, u jieħu ritorn ta' madwar 5%. Biż-żmien dan l-imgħaxx spiċċa fix-xejn. (Tpoġġi flusek il-bank sempliċiment biex ma tħallihomx id-dar.) Ir-raġuni li kienet ingħatat hi biex in-nies jinvestu aktar flok ifaddlu, u b'hekk ikun hemm aktar tidwir ta' flus fl- ekonomija. Issa jekk tinvesti flusek, mhemm xejn aktar sod mill-ġebla. Illum spiċċajna f 'sitwazzjoni fejn jekk tinvesti kapital żgħir f 'appartament (ngħidu aħna s-somma li semmejt fl-artiklu ieħor), ikollok ritorn ta' madwar 8% fis-sena jekk tikrih kirja normali (madwar €800 fix- xahar). Dawn u bosta fatturi oħra (inkluż uħud li jmorru qabel is- '87) wassluna fejn qegħdin. Il-vera problema tal-Gvern ta' Muscat għalhekk, kuntrarju għal dak li wħud li huma mdaħħlin f 'dan il-moviment isostnu, mhix li ġab xi bidla sostanzjali (vera li l-abbuż u l-laxkar laħaq livelli record). Il- vera problema hi dik li kompla bena fuq dak li sab. Fid-dawl tal-qagħda li sab ruħu fiha u meta wieħed iqis il-ħila li għandu jilgħab logħba li beda ħaddieħor, Muscat kompla ppompja politika li tinkoraġġixi l-industrija tal-bini tikber u tespandi. Politika li għal din l-industrija tassew fissret sajf kollu xemx. L-ekonomija ċ-ċavetta Għalfejn qed ngħid dan kollu? Biex impenġi xi stampa idillika tal-passat u nissuġerixxi li l-arloġġ jitreġġa' lura? Le. L-ewwel nett treġġa' lura l-arloġġ ma tistax. It-tieni ż-żmien qabel l-1987 kien fih tiegħu wkoll, anke f 'dak li għandu x'jaqsam ma' sfreġi marbuta ma' bini (anke jekk ma kienu xejn meta mqabbla mal- isfreġji li rajna fl-aħħar snin). Qed ngħid dan kollu għax problema li għandhom bosta fil-Moviment ta' kontra l-ħakma tal-Iżviluppaturi f 'Malta (ovjament mhux kulħadd) hi li jaħsbu li l-kwistjoni hi sempliċement waħda ta' stmerrija morali u ta' tqajjim ta' sensibbilità fost il-poplu ta' dawn il-gżejjer. Dan, waqt li meħtieġ, waħdu ma jwassal imkien. Kif kien qal xi ħadd, qabel ma l-bniedem jista' b'mod jiffilosofizza, isensel il-poeżija u jiżviluppa ħsus fuq l-ambjent u d-dinja ta' madwaru, irid jara kif isib mezzi ta' kif joħloq il-ġid. Il-Moviment kontra l-ħakma tal-iżviluppaturi jeħtieġ analiżi ta' kif, meta u għalfejn spiċċajna fejn spiċċajna, u x'għandu jsir għal bidla konkreta fir-rotta. Michael Grech huwa lettur u opinjonista illum | Il-Ħadd 7 ta' Lulju 2019 18 Opinjoni MICHAEL GRECH Il-bini u l-għelt tiegħu (2) Il-vera problema tal-Gvern ta' Muscat għalhekk, kuntrarju għal dak li wħud li huma mdaħħlin f 'dan il-moviment isostnu, mhix li ġab xi bidla sostanzjali. Il-vera problema hi dik li kompla bena fuq dak li sab Attivist ta' Graffitti jipprotestaw fl-uffiċini tal-Awtorità tal-Ippjanar

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 7 July 2019