Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1139338
illum | Il-Ħadd 7 ta' Lulju 2019 Rakkont 20 S abbat idejh fuq il- mejda. Inħasdet. "Ara ma tismax minn dak li għedtlek għax bi kbira tkun!" qalilha missierha b'ħanġra daqsiex. Għal mument, ħasbet li kienet qiegħda toħlom. Imma għaliex? Għaliex id-destin kien daqshekk krudili magħha? Ma jistax ikun! Ma jistax! Niżżlet rasha lejn l-art ħalli missierha ma jarahiex. Għajnejha kienu qegħdin jaħarquha. Ħasset id-dmugħ nieżel b'mod inkontrollabbli minn ma' wiċċha. Issa x'setgħet tagħmel? "Kemm immur ngħidlu..." qalet lil missierha bilkemm tinstema'. Ma weġibhiex. Ħass li bħal dejjem, kienet għaddiet tiegħu. Għalhekk, ferra tazza ilma, xorobha f 'nifs ħalli jġib lura l-bżieq kollu li kien ħela fil-prietka radikali li kien għamlilha u telaq 'il barra mill- kamra. Għal mument, ikkrollat mal- art u semgħet lilha nnifisha tibki. Iżda mbagħad ftakret li kellha tmur tgħidlu u telqet tħaffef lejn il-bieb ta' barra. Qabdet ir-rota u saqet lejn daru. It-triq lejn id-dar tiegħu kienet dratha bl-amment. Ma tantx kienu joqogħdu 'l bogħod minn xulxin. Min jaf kif kien qiegħed jistennieha! Is-soltu kienet tmur ħafna aktar kmieni. Missierha kien qed jagħmel minn kollox sabiex jifridhom! Charlie Tektek kien imlielu rasu li Delson ma kienx isaddad ma' waħda. Li kien dar lil kull tfajla li hawn fir-raħal! Aktar hu emmnu! Ma felħithiex din il-ħaġa! Aktar ma kienet tħobbu! Aktar ma kienet tħossha sew miegħu! U qatt ma kienet rat għajn ħażina minnu! U issa... Ħasset iż-żiffa friska tmellsilha wiċċha hekk kif għaddiet mit- triq li kienet tgħaddi maġenb bajja ramlija bir-rota tan-naħa ta' wara żżaqżaq xi ftit f 'ritmu kontinwu. Semgħet il-ħoss tal-baħar iċafċaf max-xtajta u xammet ir-riħa friska tiegħu, hekk kif imlielha l-pulmun b'arja friska. Il-bajja. Il-bajja fejn ta' sikwit kienu jmorru flimkien. Baqgħet sejra b'kemm kienet tagħtiha r-rota, lanqas biss tagħti kas tal-għajjat kontinwu tal-gawwi, tad-dgħajjes ankrati barra mill-bajja, tan-nies li kienu qegħdin jimirħu f 'dawn l-inħawi. Kellha d-dmugħ nieżel minn għajnejha li kien qed jitħallat mal-arja friska ta' dik l-għodwa. Dmugħ ta' wġigħ li kien ħiereġ mill-profond ta' qalbha. Waslet quddiem daru. Veru li ma kinitx kbira daqs tagħhom. Verità wkoll li kienet xi ftit żdingata. U veru wkoll li missierha kien moħħu fil-pożizzjonijiet fis- soċjetà. U fil-fatt li l-imħabba ma teżistix. U li hi missha sabet wieħed tal-kalibru tagħha. Imma hi... Hi lil Delson kienet tħobb. U kienet taf li hu kien iħobbha tassew. Tefgħet ir-rota bl-addoċċ fuq il-bankina u ġriet b'kemm kellha saħħa lejn il-bieb ta' barra ta' dar Delson. Daqqet il-qanpiena. Ftit wara, semgħet iż- żaqżiqa familjari u rat persuna tittawlilha mill-bieb. Kienet ommu. "Delson hawn?" staqsietha Amanda bla nifs. Għal ftit ma nfaqgħetx tibki quddiemha! "Fl-istalel," weġbitha ommu. "Inti kollox sew?" Amanda għamlitilha iva b'rasha u telqet tiġri lejn in- naħa ta' wara tad-dar. U ratu. Qalbha għamlet tikk. Kemm kien sabiħ. Kemm kien gustuż. Qatt ma kienet ser tieqaf tħobbu. Ħadd ma seta' jbegħeda minnu. Imma x'setgħet tagħmel? Issa li kienet qiegħda tarah, ħasset xi ħaġa titqawwa f 'qalbha. Ratu jmelles liż-żiemel u jkellmu b'dik it-tbissima unika, ratu jmisslu l-pil ileqq, ratu jagħtih tuffieħa ħalli jikolha. U bla ma kienet għamlet l-ebda sinjal biex tmur ħdejh, donnu lsienha kien nixef f 'ħalqha, dar iħares lejha. "Amanda!" qalilha. U ġie hu. Ġie hu jiġri lejha. Qabadha f 'dirgħajh, ressaqha lejh, beda jbusha u jagħfasha miegħu. Għal mument kienet ser tintilef f 'dak il-mument prezzjuż. Iżda mbagħad imbuttatu ftit lura u ħarset lejh b'għajnejha jgħumu fid-dmugħ. "Ser ikolli nħallik għal ftit," qaltlu. "Ser ikollna ninfirdu għal ftit... sitt xhur biss." "Għaliex qalbi?" staqsieha. Ratu jinħasad. Rat għajnejh ifittxu f 'tagħha. Rat xufftejh jitbexxqu. Ratu jimxi pass lura, donnu ma setax jifhem dik is-sentenza li kienet għadha kemm qaltlu. "Missieri bagħatni għal sitt xhur ngħix maz-ziju Peppinu. L-Italja." "Minħabba fija hux?" staqsieha, bilkemm jiflaħ jitkellem. Għamlitlu iva b'rasha. Dakinhar kienet telqet minn ħdejn Delson b'qalbha qawwija li kien ser jistennieha. Li malli tiġi lura, kienu ser jibdew il- preparamenti għaż-żwieġ. Li kien iħobbha tassew. Li kienu ser ikunu ta' xulxin eżatt malli tiġi lura. "Għaliex trid tbegħedni minnu?" staqsiet lil missierha wara li kien wassalha l-ajruport ta' Malta. Ma weġibhiex. Ried jgħidilha ħafna affarijiet. Imma għażel li ma jgħid xejn. Ma riedx jerġa' jiġġieled ma' bintu. Il-pjan tiegħu kien li jbegħedhom għal ftit ħalli jilħqu jinsew lil xulxin. Qatt ma kien ħa grazzja miegħu. U hekk malli ra l-ajruplan itir minn wara l-ħġieġa kbira tal- ajruport ried jinfaqa' jidħaq. Għaddew il-ġranet. Għaddew ix-xhur. Wara sitt xhur, kien reġa' ġeddilha biex tibqa' maz- ziju għal sitta oħra. U wara żdiedu għal sena. Zijuha kien anzjan. U kellu bżonn lil xi ħadd miegħu. U kollox kien inħadem bizzilla. Amanda kien ilha xi tliet snin imsiefra. Fil-bidu hi u Delson kienu baqgħu f 'kuntatt kontinwu. Imbagħad kienu nqatgħu xi ftit. Mhux għax ma kinux għadhom jinħabbu iżda għaliex l-assistenza fuq iz-ziju kienet saret kemmxejn aktar esiġenti. U kienet qiegħda tgħaddi ħafna ħin tieħu ħsiebu. Imma ħsibijietha... Ħsibijietha dejjem kienu fih. Delson. Kienet ser issib mezz ħalli tinżel malajr forsi jerġgħu jiltaqgħu. Forsi jerġgħu jkunu flimkien. U darba fost l-oħrajn, hekk kif kienet ħierġa minn ġod-dar taz- ziju, sabitu quddiem wiċċha. Fit-triq. Faċċata tad-dar ta' zijuha. Kif jista' jkun? Kif sabha? Qatt ma kienet tatu l-indirizz! "Int x'int tagħmel hawn?" staqsietu, b'għajnejha kbar miftuħin beraħ. "Ġejt biex nieħdok lura d-dar." Lanqas riedet temmen! "Imma..." bdiet tgħidlu. "Imma xejn, ejja lura miegħi," weġibha. "U z-ziju..." ipprotestat, titbissem fl-istess ħin. "Għandu l-infermieri...ma tistax tibqa' priġuniera ħajtek kollha, hekk!" qalilha. U qabdu id f 'id. Għal mument lanqas riedet temmen. Rikbu l-ajruplan, karozza mill-ajruport u ħadha quddiem id-dar tagħha. "Għandi rasi tuġagħni," beda jgħidilha. Dak il-ħin, daħlet idha fil- basket, ħarġet maktur li dejjem kienet iġġorr fuqha minħabba zijuha u dawritulu ma' rasu. "Hekk jgħaddilek," qaltlu hi u tgħannqu b'imħabba kbira. "Ser immur ngħid lil missieri li se nibqa' miegħek," qaltlu ferħana se ttir. "Le. Għidlu li jiena nħobbok. Inħobbok ta' vera." Amanda daħlet tiġri fid-dar ta' missierha u sabitu bilqiegħda fuq il-mejda. "Pa?" qaltlu, tifraħ bih. "Int...int kif ġejt?" staqsieha. Għal mument ma riedx jemmen li kien qed jaraha wara daqshekk żmien. "Ġejt ma' Delson. Delson ġie għalija. Riedni ngħidlek li hu għadu jħobbni. U jien beħsiebni..." "Tgħidx ħmerijiet!" għajjat missierha. Ħasadha. Waqfet titkellem. Baqgħet hemm tħares lejh. "Xorta waħda għadek kontra... jien issa m'għadnix żgħira!" ħatfitu fil-pront. "Mhux għalhekk. Dawn ħmerijiet!" "Jien sejra miegħu." "Ma tistax!" Missierha qabadha minn idha u ħarġu barra. Delson ma kienx għadu hemm. Forsi kien semagħhom jgħajtu minħabba fih. Forsi kien ħa għalih. Missierha lanqas ħallieha titkellem. Telaq biha lejn post fejn qatt ma kienet marret qabel. Bini kbir donnu ġdid u qadim fl-istess ħin. Daħlu ġewwa. Qalbha għamlet tikk. Delson! Din kienet kamra mortwarja! Ħasset qalbha tinqasam f 'elf biċċa hekk kif ratu mixħut hemm! Bla ħajja! "Ħalliena tlett ijiem ilu. Il- funeral ser isir għada minħabba xi familjari li ġejjin mis-safar," qaltilha mara li kienet tieħu ħsieb. "Intom qegħdin tingannawni!" infexxet tgħajjat u tagħti fuq wiċċha Amanda "Kif jista' jkun? Kif jista' jkun?". Kif seta' ġie għaliha? Kien mejjet! "Riedni nkun naf... riedek tkun taf," qalet lil missierha. "Qallek li għadu jħobbni. Iħobbni ta' vera." Il-maktur tagħha kien imdawwar ma' rasu! Il-maktur. Eżatt kif kienet għamlitulu hi! Sharon Calleja Il-maktur