Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1139338
Sports 26 illum Il-Ħadd 7 ta' Lulju 2019 ADRIAN Borg - difensur versatili li għadu kemm ingħaqad ma' Sirens FC u li għandu l-mira li bl-esperjenza tiegħu jgħin lil dan it-tim iżomm postu mal-elite tal- futbol Malti fl-istaġun li ġej. Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol? Minn dejjem kont sportiv però kien missieri li ħajjarni nilgħab il-futbol minn ta' età żgħira. Kien ikompli jħarriġni wara t-taħriġ u anke fil-weekends. Għadu s'issa ma jitlifx logħba waħda, itini pariri u jikkritikani meta jkun hemm bżonn u ta' dan nirringrazzjah. Kif qed tħares lejn l-esperjenza tiegħek ma' Sirens? Nibda billi nirringrazzja lill- kumitat ta' Sirens għall-fiduċja li wrew fija. Nixtieq nuża l-esperjenza tiegħi biex ngħin lill-klabb, fl-ewwel staġun tiegħu fil-Premier, biex iżomm postu mal-kbar. X'tikkummenta fuq l-esperjenza passata tiegħek ma' Mosta? Tlajt min-nursery ta' Mosta u kienu huma li tawni ċ-ċans nilgħab mal- kbar fl-età ta' 17-il sena. Magħhom akkwistajt promozzjoni u lgħabt diversi snin fil-Kampjonat Premier. Kemm tgħallimt minn dawn l-esperjenza? Ma' Mosta ħdimt ma' diversi kowċis u plejers fejn tgħallimt kemm mil-lat kalċistiku, kif ukoll nibni karattru tiegħi personali. X'tikkummenta fuq l-esperjenza passata tiegħek ma' St Andrews? Ma' St Andrews sibt set-up tajjeb ħafna, kemm bħala faċilitajiet, kif ukoll bħala tim. Bqajt impressjonat bl-ammont ta' żgħażagħ ta' kwalità li jipproduċi dan il-klabb kull sena. X'tgħidilna fuq l-eks kowċ Johann Scicluna u l-president Ġamajkan Craig Butler? L-eks kowċ Johann Scicluna, flimkien mal-kowċing staff, kienu jiffukaw matul il-ġimgħa fid-dettall għall-avversarju li kien imiss u kienu jaraw li ma jkun jonqosna xejn. Il-president hu bniedem impenjat iżda determinat f 'dak kollu li jagħmel. X'emozzjoni tħoss kull darba li tilgħab kontra l-eks tim tiegħek, Mosta? Nipprepara għal kull logħba bl-istess mod però nkun qed nistennieha iżjed peress li jien Mosti. Taqbel mal-format ta' 14-il tim fil- Premier? Le ma naqbilx. 14-il tim fil- Premier huma ħafna għal Malta. Massimu ta' 10 timijiet, fejn il-ftit riżorsi li għandna, jiġu mferrxa aħjar biex intejbu l-livell tal-Kampjonat Premier. Taqbel li hemm differenza ta' livell bejn it-timijiet ta' fuq u dawk ta' taħt? Naħseb li d-differenza naqset. Illum il-ġurnata kull tim jista' jagħti logħba lil kulħadd. Niġu issa għall-kwistjoni tal-plejers barranin fil-Kampjonat BOV Premier. Taqbel mal-proposta li saret li jkun hemm 11-il plejer barrani f 'tim? Le ma naqbilx. Nemmen li l-plejer Malti għandu potenzjal u l-klabb għandu jinvesti fih. Jien inħoss li jekk tgħaddi din il-proposta ser tkun iktar diffiċli biex plejers żgħażagħ promettenti jingħataw ċertu spazju biex jilagħbu fil-Premier. Taħseb li l-barranin li qed jiġu mhux dejjem qed ikunu ta' livell ikkomparati mal-plejers Maltin? Fil-Kampjonat Premier hemm barranin ta' kwalità għolja fejn jagħmlu differenza però qed jiġu barranin li huma tal-istess livell, jekk mhux agħar, mill-Maltin. Sfortunatament huma dawn it- tip ta' plejers li għax 'barranin' qed jimblukkaw l-introduzzjoni u l-iżvilupp ta' plejers Maltin. Kemm int kuntent bil-grawnds fejn tilagħbu l-logħob tal-kampjonat Premier? Irranġajna ħafna fejn li konna. L-MFA investiet biex ittejjeb ċerti grawnds li nilagħbu fihom, speċjalment l-Istadium Nazzjonali. Nemmen li l-Kampjonat Premier għandu jintlagħab fuq il-ħaxix naturali biss. X'taħseb dwar il-kontroll tar-referis matul l-aħħar staġun? Nahseb li r-referis kellhom prestazzjonijiet sodisfaċenti. Għalkemm mhux dejjem naqbel ma' ċerti deċiżjonijiet, nifhem li jittieħdu fi ftit sekondi u napprezza wkoll l-irwol tar-referis fil-logħba. X'inhuma s-sagrifiċċji li plejer tal-futbol irid jagħmel sabiex ikun tajjeb? Hemm diversi sagrifiċċji. Trid taddatta l-ħajja madwar il-futbol. Plejer imur għat-taħriġ wara ġurnata xogħol, irid ikun responsabbli fl-ikel u apparti li s-sagrifiċċju jagħmluh tad-dar miegħek matul il-ġimgħa kollha. Kif jirnexxielek tlaħħaq max-xogħol tiegħek u mal-futbol? Dawwart il-ħin tax-xogħol biex nakkomoda l-ħinijet tat-taħriġ. Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol? Ħa nibqa' naħdem biex nilħaq l-għanijiet tat-tim kif ukoll personali. Il-futur ħadd ma jafu, l-importanti ma taħlix ħin u dejjem tagħti l-massimu tiegħek imbagħad f ' idejn Alla. Nixtieqek tgħaddi l-aħħar messaġġ lil dawk it-tfal u żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista u li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera ta' suċċess fil-futbol. Meta tkun żgħir ikollok ħafna ħolm rigward il-karriera tal-futbol tiegħek. L-uniku mod kif jista' jsir realtà hu li tkun determinat f 'li qed tagħmel, tisma' mill-kowċis, turi rispett u tapprezza s-sapport li l-ġenituri u ta' madwarek ituk. Għalkemm mhux dejjem tiġi kif tixtieq, taqta' qalbek qatt u ibqa' kkonċentrat fil-miri li tixtieq tilħaq. 'Se nuża l-esperjenza tiegħi biex ngħin lil Sirens FC iżomm postu mal-kbar' minn Cristian Antony Muscat Adrian Borg (ċentru)