Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1199622
19 editorjal Minn legat ta' 56 sena – ikkulurit u mqalleb – joħroġ it-tmien Prim Ministru ... IKOMPLI MINN PAĠNA 1 Iżda Malta sfat ukoll fi kriżijiet kbar li ġieli saħansitra heżżu s-sisien soċjali u politiċi tagħha. L-aħħar kriżi kienet dik li ħakmet lill-pajjiż wara t-tielet qtil politiku mill-Indipendenza wara dawk ta' Raymond Caruana u ta' Karin Grech, jiġifieri l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia. Huwa minn dan il-legat imżewwaq, imqalleb u sabiħ u ikrah fl-istess ħin li ser joħroġ it-tmien Prim Ministru Malti. Quddiemu ser ikollu sfidi politiċi kbar. Il-PM il-ġdid irid qabelxejn jaħdem favur l-għaqda nazzjonali. Irid ikun kapaċi jaqdi r-rwol partiġġjan u nazzjonali tiegħu bħala Mexxej Laburista kif ukoll ta' statista li jirrappreżenta lill-pajjiż kollu. Jenħtieġ jestendi idejh għaċ-ċittadini ta' rieda tajba, anke għal dawk li ma jaqblux miegħu. Imbagħad irid jimbarka fuq riformi importanti li jgħollu l-istituzzjonijiet 'il fuq b'persuni li jgawdu fiduċja ħafna iktar wiesgħa. Jenħtieġ ukoll itejjeb il-Korp tal-Pulizija b'aktar riżorsi u saħħa u b'inqas indħil politiku filwaqt li jiżgura li l-Ġudikatura tabilħaqq tkun maqtugħa għalkollox mill-politika u magħżula b'mod indipendenti. Il-Prim Ministru ġdid għandu jwettaq bosta riformi fil-PBS sabiex dan tassew ikun imparzjali, innovattiv u indipendenti biex b'hekk ix-xandir nazzjonali ma jibqax stazzjon tal- Gvern u jsir stazzjon li jxandar il- ġrajjiet politiċi b'mod aktar analitiku. Jenħtieġ jagħmel ukoll il-bidliet meħtieġa fil-Kostituzzjoni. Hemm bżonn li l-pajjiż ikollu Prim Ministru li jkompli jrawwem fost il-Maltin il-valuri tas-solidarjetà, tal-wens, tal-ħniena u tal-ġustizzja soċjali, lil hinn mill-allat foloz tal-flus u tar-rgħiba li niżżlu Gvern u Prim Ministru formidabbli għarkopptejhom. Mhux qdusija, le! Iżda diċenza! Mhux santità, le! Iżda onestà! Il-Prim Ministru l-ġdid għandu jkompli jaħdem favur il-paċi u l-progress. Fostna rridu mill-ġdid il-paċi minflok it-tensjoni li reġa' kellna fl- aħħar xhur. Paċi bejn il-partiti li minkejja d-differenzi ma jkomplux jitqabdu bejniethom b'tant mibegħda. Irridu naraw iżjed progress infrastrutturali. Iżjed progress fil-qasam tat-trasport. Iżjed progress fil-ħidma favur il-qerda tal-faqar. Neħtieġu Prim Ministru li jnaddaf isem Malta mill-ħmieġ li niżlet fih kaġun tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia ħalli jagħlaq darba għal dejjem dan il-kapitlu ikrah. Ir-rebħiet huma ħwejjeġ sbieħ iżda minn għada jibdew l-isfidi. U l-isfida tal-Prim Ministru l-ġdid din id-darba ser tkun ikbar għax ser jieħu post mexxej li kien oratur notevoli u maħbub ferm fil-partit. Minkejja li kellu jirriżenja minħabba kriżi kbira li ħalliet sħaba sewda fuq il- Gvern tiegħu, Muscat xorta għadu bħal dik il-kolla li twaħħad tant interessi – xi kultant kunfliġġenti – flimkien. Din l-isfida tibda għada. Tgħid il- Prim Ministru l-ġdid lest għaliha? illum • IL-ĦADD 12 TA' JANNAR 2020 ILLUM, MEDIATODAY LTD, VJAL IR-RIĦAN, SAN ĠWANN SĠN 9016 Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075 Ittri u Kummenti, Imejl: illum@mediatoday.com.mt Editur: Albert Gauci Cunningham