Illum previous editions

illum 19 March 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/800763

Contents of this Issue

Navigation

Page 10 of 35

Aħbarijiet 11 Il-Ħadd 19 ta' Marzu 2017 | illum Mhux tbaħrid u xalar biss • 13% tal-istudenti tal-Ingliż għażlu korsijiet speċifiċi u speċjalizzati • 45% tal-ħaddiema fis-settur m'għandhomx impjieg fiss Minn Albert Gauci Cunningham TA' spiss l-istudenti li jiġu Malta biex jistudjaw l-Ingliż jiġu mpinġijin bħala turisti li jiġu biex jixorbu, jixxemxu u jixxalaw biss. Filwaqt li dan huwa, minnu nnifsu, reali għal persentaġġ ta' studenti barranin, is-sena l-oħra, 13% ta' dawk li ġew Malta segwew korsijiet li kienu speċifiċi u speċjalizzati. Dan jirriżulta minn ċifri li ppubblika l-Uffiċċju Nazzjonali tal- Istatitistika (NSO) aktar kmieni din il-ġimgħa. Jirriżulta li fl-2016 kien hemm 10,200 student li ġew Malta u li segwew, jew korsijiet f 'Business English li jitrattaw l-użu tal-lingwa Ingliża fid-dinja tan-negozju jew inkella korsijiet li jinkludu lezzjonijiet privati u anke lezzjonijiet li jippreparaw lill-istudenti għal eżamijiet internazzjonali, minn Universitajiet bħal Cambridge u Oxford. Ġeneralment, għal dawn il-korsijiet jattendu studenti li huma iktar maturi fl-età jew inkella dawk li jkunu jixtiequ jużaw ċertifikat rikonoxxut internazzjonalment għall- avvanz tal-karriera. Intant, 17% oħra tal- istudenti li jiġu pajjiżna, isegwu korsijiet intensivi, li jfisser li jkollhom aktar siegħat u aktar kontenut ta' tagħlim kull ġurnata. Minkejja dan, il-maġġoranza jew 53,300 student, xorta qed jagħżlu taħlita iktar bilanċjata lejn id-divertiment, hekk kif fl-2016 għażlu li jsegwu korsijiet ta' General English. Dan ikun ifisser li jkollhom inqas ħin fil-klassi u aktar ħin biex jiskopru l-pajjiż u joħorġu ħarġa tajba. Minn dawk kollha li ġew pajjiżna biex jistudjaw l-Ingliż is-sena l-oħra, kienu b'kollox 13,252 li kienu adulti ta' iktar minn 36 sena, b'5,071 minnhom ikollhom iktar minn 50 sena. L-industrija tat-TEFL (Teaching English as a Foreign Language) is-sena l-oħra ġabet lejn pajjiżna xejn inqas minn 76,730, bit-Taljani jkunu l-aktar nazzjonalità prevalenti fost dawn it-tip ta' turisti. Fil-fatt, kien hemm b'kollox ftit inqas minn 18,800 Taljan li ġie Malta biex jistudjaw l-Ingliż, segwiti minn 10,900 Ġermaniż u 8,517 Franċiż. Minkejja li huma l-Ewropej l-aktar li qed jiġu f 'pajjiżna biex jistudjaw il-lingwa Ingliża, huma l-Koreani t'Isfel u l-Kolombjani l-aktar li jqattgħu ljieli f 'pajjiżna b'medja ta' xejn inqas minn 10 ġimgħat u 13-il ġimgħa rispettivament. Minkejja li l-industrija tat-tagħlim tal-Ingliż, is- sena l-oħra ħaddmet 2,020 persuna, ħafna minn dawn l-impjiegi mhumiex fissi, probabbilment riflessjoni tal-istaġjonalità li hija pjuttost mmarkata f 'dan is-settur. Fil-fatt, minn dawn, 919-il persuna jaħdmu fuq bażi part-time b'mod każwali u li allura ġeneralment ikun ifisser nies li jaħdmu skont il-bżonn li jkollha l-iskola. Dan ifisser li 45.4% tal-ħaddiema f 'dan is- settur m'għandhomx impjieg fiss. Matul l-2016 kienet immarkata żieda drastika ta' kważi 80% ta' dawn l-istudenti li meta kienu f 'pajjiżna, qagħdu f 'akkomodazzjoni privata, hostels jew guest houses, filwaqt li kien hemm tnaqqis drastiku ta' dawk li qagħdu f 'lukandi. Fil-fatt, lukandi ta' ħames stilel raw tnaqqis ta' 83.5% u dawk ta' tliet stilel raw tnaqqis ta' 22.8%. 1,006 student barrani jistudjaw fl-Università ta' Malta din is-sena DIN is-sena, fl-Università ta' Malta, hemm b'kollox 1,006 student barrani li qegħdin jattendu għal korsijiet, kemm ta' filgħodu, kif ukoll ta' filgħaxija. Dawn ġejjin minn 886 pajjiż differenti madwar id-dinja, pajjiżi li huma viċin tagħna bħall-Italja u Franza u 'l bogħod daqs iċ-Ċina, l-Ġappun u l-Istati Uniti. Fuq nett tal-klassifika hemm l-istudenti Ingliżi, b'total ta' 199 student, li 176 minnnhom qegħdin jattendu korsijiet 'full time' filgħodu. Wara l-Ingilterra, l-aktar pajjiżi li minnhom hawn studenti jistudjaw f 'Malta mhumiex pajjiżi Ewropej oħra, iżda l-Kuwait, bi 80 student, il-Libja b'45 student u l-Oman b'63 student. Franċiżi hemm 25 u Taljani hemm 58, u 19-il Spanjol, iżda din is-sena hemm ukoll 41 Amerikan jistudjaw fl- Università ta' Malta. Mill-bqija tal-pajjiżi, hemm medja ta' madwar 4 jew 5 studenti, hekk kif minn pajjiżi bħal Lussemburgu, l-Maċedonja, l-Iżlanda u anke l-Awstralja fost oħrajn, fl-Università ta' Malta hemm student wieħed jew waħda. Din l-informazzjoni kienet parti minn statistika preżentata mill-Ministru tal- Edukazzjoni, Evarist Bartolo fil-Parlament, b'risposta għal mistoqsija mressqa lilu mid-Deputat Nazzjonalista George Pullicino.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 19 March 2017