Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/800763
illum | Il-Ħadd 19 ta' Marzu 2017 Opinjoni 20 Pussycat Pussycat J ingħad li waħda min-nisa li kienu jduru bir-reġina Eliżabbetta I kellha qattus Ii darba fost l-oħrajn ħarbilha u mar jiġri fis-sala tat-tron, anzi mar dritt taħt it-tron u beda jħokk denbu ma' riġel ir-reġina li ħadet ħasda kbira. Eliżabetta I iggustat lil dan il-qattus, tant li tatu permess jibqa' jdur kemm jogħġbu taħt it-tron tagħha basta jgħasses għall- ġrieden u jaqbadhom. L-istorja tal-qattus taħt it-tron ta' Eliżabetta I wasslet biex xi ħadd ikkompona t-taqbila "Pussycat, pussycat, where have you been?" li fi tfuliti konna għadna nkantaw flimkien ma' ħafna taqbiliet oħrajn li konna writna mingħand il- kolonizzaturi tagħna. L-ewwel nofs tat-taqbilha jgħid hekk: "Pussycat, pussycat, where have you been? / I've been to London to (look at, visit, see) the Queen!" Dil-ġimgħa kont bilqiegħda faċċata ta' Eliżabbetta II fl-Abbazija ta' Westminster għaċ-ċelebrazzjoni ta' Jum il-Pajjiżi tal-Commonwealth. Din iċ-ċelebrazzjoni ssir kull sena, nhar it-tieni Tnejn ta' Marzu, u l-Abbazija tkun ippakkjata b'mistednin distinti u tfal tal-iskola, fosthom tfajjel ta' dixxendenza Maltija li ġarr il-bandiera ta' Malta fil-ftuħ u l-għeluq taċ-ċerimonja. Din is-sena, dan il-jum kellu t-tema tal-Commonwealth bħala inizjattiva li tibni l-paċi dinjija. Kienet ċerimonja reliġjuża – wara kollox saret f 'abbazija – li fiha tlaqqgħu nies u kapijiet ta' fidi differenti, bil-ħsieb li jsiru riflessjonijiet minn naħat u b'aspirazzjonijiet differenti dwar il-possibbilità li tissawwar il-paċi. Fost il-mistednin distinti għal din iċ-ċerimonja kien hemm il-Prim Ministru Malti, iċ-chair in office attwali tal-Commonwealth u li għamel diskors għall-okkażjoni. Il-Prim Ministru beda d-diskors tiegħu billi afferma li l-kisba tal-paċi hija xi ħaġa possibbli, fi kliem ieħor mhijiex xi ħolma jew stħajjil. Il-ħsieb ta' Joseph Muscat kien kongruwenti ma' dak espress minn Achaleke Christian Leke, żagħżugħ mill-Kamerun li twieled u għex f 'waħda mill-partijiet l-aktar vjolenti ta' pajjiżu u ta' tlettax-il sena kien diġà membru attiv ta' wieħed mill-gangs l-aktar vjolenti f 'dawk l-inħawi. Leke, li s-sena l-oħra kien iddikjarat bħala ż-Żagħżugħ tas- Sena tal-Commonwealth, għamel dikjarazzjoni b'saħħitha dwar il-paċi fid-dinja u saħaq li din mhijiex xi ħaġa possibbli biss fil-ħolm u l-immaġinazzjoni imma tista' ssir realtà. F'okkażjonijiet bħal dik ta' nhar it-Tnejn li għadda, it-tentazzjoni kbira hija li tqis diskorsi bħal dawn u oħrajn li saru waqt iċ-ċerimonja, bħala diskorsi sbieħ tal-mument li fl-aħħar mill-aħħar m'huma xejn aktar minn diskorsi b'messaġġi li ma jistgħux jiġu attwati għax mhumiex fattibbli. Wara kollox, ħalli ngħiduha kif inhi, il-kunflitti mdemmija jmorru lura għal Kajin u Abel u minn dakinhar sal-lum ma għaddietx ġimgħa li xi mkien fid-dinja ma kienx hemm xi tip ta' kunflitt jew ieħor. Ma nistgħux ninsew il-famuża gwerra li kellha ttemm il-gwerer kollha, dik li seħħet mitt sena ilu, u kemm gwerer kbar, anki akbar minnha, ġew miġġielda wara. Lanqas l-innu modern tal-paċi, il-kanzunetta l-aktar magħrufa ta' John Lennon ma wieħed jista' jinsa kif ġieb u laħaq. Lennon jammetti l-bluha iżda jkompli li din hija bluha ta' ħafna. Jien u nisma' d-diskorsi u l-messaġġi fl-Abbazija ta' Westminster kont bejn ħaltejn kif kelli nirreaġixxi għal dak li beda jintqal. Fuq kollox, miġburin fl- Abbazija, kien hemm nies ta' poter politiku u oħrajn li jinsabu fil-qrib tal-poter. U għandi d-dubji kemm minnhom mar jagħmel xi eżami tal- kuxjenza malli ċ-ċerimonja għaddiet. U allura, iva, it-tentazzjoni li tkemmex xufftejk jew tiġbidhom fi tbissima ċinika jekk mhux ukoll sardonika, kienet kbira ħafna. Iżda mbagħad hemm naħa oħra tal-istess argument: jekk il-bniedem toqtollu t-tama, x'se jifdallu mbagħad? L-ewwel nett għaliex kif jisħqu ħafna, it-tama hija l-aħħar ħaġa fil-bniedem li tmut: tmut it- tama jmut il-bniedem. It-tieni, jekk bit-tama tal-paċi dinjija ninsabu f 'dinja hekk imwiegħra, aħseb u ara kemm tkun agħar dinja li fiha ħadd ma għandu sens ta' tama. Achaleke Christian Leke għamilha ċara li d-diskors li kien se jagħmel kien ispirat minn ħajtu u mhux mill- ħolm; mit-trasformazzjoni radikali li għadda minnha, mill-ħajja tal-gangs Ii introduċietu (ta' tlettax-il sena) għall-vjolenza, torturi u qtil kiesaħ u biered u vjolenti, għal ambaxxatur żagħżugħ tal-paċi fl-irkejjen kollha tad-dinja. Jekk dan iż-żagħżugħ mill- Kamerun għadda minn dit- trasformazzjoni; jekk il-Prim Ministru ta' Malta jemmen tant li l-paċi hija possibilità; jekk ħafna jaqblu ma' Leke u Muscat; jekk dan id-diskors mhuwiex l-aħħar moda fid-diskorsi uffiċjali imma huwa pjuttost antik; allura x'inhu li qed iżommu milli jseħħ? Il-mistoqsija tiġi waħidha. U l-mistoqsija hija leġġittima wkoll. IMMANUEL MIFSUD "Jekk dan iż- żagħżugħ mill-Kamerun għadda minn dit- trasformazzjoni; jekk il-Prim Ministru ta' Malta jemmen tant li l-paċi hija possibilità; jekk ħafna jaqblu ma' Leke u Muscat; jekk dan id-diskors mhuwiex l-aħħar moda fid-diskorsi uffiċjali imma huwa pjuttost antik; allura x'inhu li qed iżommu milli jseħħ?" Jekk bit-tama tal-paċi dinjija ninsabu f 'dinja hekk imwiegħra, aħseb u ara kemm tkun agħar dinja li fiha ħadd ma għandu sens ta' tama"