Illum previous editions

illum 16 April 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/811848

Contents of this Issue

Navigation

Page 8 of 35

Aħbarijiet 9 Il-Ħadd 16 ta' April 2017 | illum Tliet snin wara revoluzzjoni ċkejkna f 'Malta... • 163 koppja tal-istess sess jingħaqdu permezz ta' Unjoni Ċivili • Tliet snin ilu Pjazza San Ġorġ mixgħula b'ferħ u kulur TLIET snin ilu Pjazza San Ġorġ intliet bil-ferħ, l-għajjat u ċ-ċapċip hekk kif Malta ntroduċiet dritt li sa ftit qabel, ftit kienu jobsru li qatt jista' jsir realtà. Dakinhar, l-ambizzjonijiet u x-xewqat ta eluf ta' nies li dejjem ħolmu b'pajjiż ugwali, fejn ħadd mhu speċjali imma kulħadd ugwali saret realtà. Kienet triq twila, li qabdet momentum qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali meta l-Partit Laburista u b'mod partikolari Joseph Muscat, wiegħdu fil-programm elettorali illi Gvern Laburista jintroduċi l-Unjoni Ċivili għal persuni tal-istess sess. Din il-wegħda saret realtà ftit wara li l-Partit Laburista kien elett fil- Gvern, preċiżament tliet snin ilu. Bl- introduzzjoni tal-liġi dwar l-unjoni ċivili flimkien ma' drittijiet ċivili oħra li ngħataw għall-ewwel darba, is-soċjetà f 'pajjiżna saret aktar inklussiva u miftuħa fejn persuni ma jiġux iġġudikati u emarġinati għax inqisuhom differenti. F'konferenza tal-aħbarijiet fl- okkażjoni ta' dan l-anniversarju mid-dħul tal-unjoni ċivili f 'Malta, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli tkellmet dwar l-avvanzi li għamel pajjiżna f 'dan il-qasam, speċjalment il-bidla fil-mentalità li ġab il-gvern fil-konfront ta' persuni LGBTIQ. Il-Ministru Dalli semmiet kif bil-liġi tal-Unjoni Ċivili, persuni LGBTIQ u l-familji tagħhom "ma baqgħux emarġinati u esklużi mis-soċjetà iżda għall- kuntrarju, issa għandhom drittijiet u obbligi bħall-kumplament taċ-ċittadini ta' dan il-pajjiż." Il-Ministru Dalli fissret kif il-gvern huwa obbligat li jara li kull persuna tingħata d-drittijiet tagħha mingħajr distinzjoni għax ħadd ma jagħżel kif jitwieled. Il-Ministru Dalli spjegat kif mill- 2014 sal-lum, kien hemm 163 koppja li daħlu f 'unjoni ċivili, b'16 minnhom li isiru barra minn Malta, kienu reġistrati f 'pajjiżna u rikonoxxuti mill-Istat. It-total jinkludi wkoll 22 żwieġ bejn koppji tal-istess sess li wkoll saru barra minn Malta u li kienu reġistrati f 'pajjiżna. Fiż-żewġ sitwazzjonijiet, persuna minnhom riedet tkun ta' ċittadinanza Maltija. Fil-perjodu msemmi, kien hemm ukoll każ wieħed ta' addozzjoni ta' tarbija minn koppja tal-istess sess. Mistoqsija dwar il-possibilità li persuni LGBTIQ jidħlu f 'kuntratt ta' żwieġ, il-Ministru Dalli qalet li fil- preżent, għaddej xogħol fuq liġijiet eżistenti bil-għan li dawn ikunu kompluti għal meta nkunu lesti li mmexxu f 'din id-direzzjoni. Fl-istess ħin, fakkret kif l-unjoni ċivili toffri d-drittijiet u l-obbligi kollha li hemm fiż-żwieġ. Id-Direttur fi ħdan id-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Integrazzjoni Silvan Agius semma' kif ħafna mix-xogħol jinvolvi formoli legali tar-Reġistru Pubbliku li jridu jinbidlu kif ukoll xogħol fuq liġijiet fosthom dawk tat-taxxa li jkunu jridu jsiru konformi mal-liġi taż-żwieġ. Intant f 'seduta Parlamentari li kienet ferm mistennija, l-Partit Nazzjonalista li kien diviż fuq din il-kwistjoni astjena mill-vot. Il-PN kien qal illi ma setax jaqbel ma' partijiet ta' din il-lipi, fosthom mad- dritt li koppja bejn persuni tal-istess sess ikunu jistgħu japplikaw għall- proċedura ta' addozzjoni. Eluf kienu nġabru biex jiċċlebraw l-introduzzjoni ta' dritt ġdid f 'pajjiżna Il-Ministru Helena Dalli, l-persuna wara wħud mill-akbar kisbiet fil-qasam tad-drittijiet ċivili f 'dawn it-tliet snin.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 16 April 2017