Illum previous editions

illum 28 May 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/829527

Contents of this Issue

Navigation

Page 12 of 39

Elezzjoni2017 13 Il-Ħadd 28 ta' Mejju 2017 | illum 2017 Dan huwa avviż bi ħlas għall-Għawdxin li fi 30 sena ma twettqu qatt ħaduh għax dan jidher li miexi fit-triq it-tajba. Il-PN ħarġu b'inizjattiva tajba li jkun hemm kirurgi tal-qalb stazzjonati Għawdex u anke li jkun hemm dipartiment tal-enkoloġija. Hi idea tajba basta l-PN iwettqu dak li qed iwiegħdu meta taħt l-amministrazzjoni tagħhom l-isptar t'Għawdex ġie mhux biss abbandunat imma kien diżastru mill-A saż-Ż barra l-proġett tad-dipartiment tar-radjoloġija u xi teatri tal-operazzjonijiet (anke jekk damu ma bdew). Għawdex u l-UE Il-PL qed iwiegħdu li se jsaħħu x-xogħol tal-attachè għal Għawdex fi Brussell biex Għawdex jieħu aktar mill-ġid tal-Unjoni Ewropea. Nistaqsi allura dan l-attachè x'kien xogħlu f 'dawn l-aħħar erba' snin? Għaliex meta nħoloqlu l-post ma ngħatax is-saħħa mistħoqqa? Għaliex Għawdex fil-Presidenza Maltija fil-Kunsill Ewropew kien ineżistenti? Tant li l-uniku ministru li ma ttellax Brussell jitkellem dwar il-prijoritajiet tal-Presidenza Maltija kien Anton Refalo għax Għawdex ma kienx parti mill-Presidenza, ħlief għall- konferenza li ħadem għaliha l-istess ministeru Għawdxi li saret Għawdex tas-CPMR? Għaliex il-PL kellu jistenna elezzjoni biex iwiegħed li Għawdex ikun parti mill-Unjoni Ewropea? About Time! Kunsill Reġjonali Naqbel mal-proposta Nazzjonalista tal-Kunsill Reġjonali t'Għawdex imtella' mill-pubbliku Għawdxi li għalkemm jaqa' taħt il-Ministeru t'Għawdex ikun awtonomu u jkollu 'say' f 'dak kollu li jiġi deċiż għal Għawdex. Naqbel ukoll mal-wegħda Nazzjonalista li tingħata aktar saħħa lill- Minsiteru għal Għawdex għax wieħed irid jammetti li taħt dan il-gvern il-Ministeru għal Għawdex spiċċa bla saħħa. Basta dejjem ma jingħatax l-istess saħħa li kellha Giovanna Debono li spiċċat li biex tieħu xi ħaġa, impjieg jew pjaċir trid bilfors tirrikorri għand il- parrinu. Li wieħed irid jammetti li wara 25 sena din daħlet fil- mentalità Għawdxija li bla dubju trid tinbidel darba għal dejjem jekk wieħed irid jara xi tip ta' progress f 'din il-gżira. Il-Karattru Għawdxi Naraha gimmick li ġabet tbissima fuq kull Għawdxi li l-PN qed joffri skema li jagħti €10,000 lil kull familja li tagħżel li tgħix Għawdex, għax jekk dawn ikunu qed jaħdmu Malta u jkollhom familja Malta se jiġu Għawdex għall-€10,000 u wara li jispiċċawlhom x'jagħmlu? Iduru għal difrejhom? Din l-istess bħall-gimmick tar-roti. Jidher li l-kap tal-oppożizzjoni qas jaf fejnu Għawdex għax kieku jkun jaf li m'hemmx kultura ta' roti. Infakkru li Għawdex mhux Brussell, hu mimli tlajja' u l-kultura tal-Għawdxi hi tal-mutur jew kif nafuha aħna l-lambretta. Anke li jgħid li jrid iġib Għawdex bil-karrozzi tal-elettriku meta min imur Għawdex jaf li karrozza li għandha 'l fuq minn 50 sena għadha tiġri fit-toroq. Turiżmu Dwar it-turiżmu l-PN żgur li ma jistax jiżboq dak li għamel il-gvern preżenti li laħaq kull tip ta' rekord. Il-PN irid ukoll li l-ITS Għawdxija taħdem u mhux kif inhi bħalissa kemm teżisti. Iżda jidher li l-Għawdxin ftit jinteressahom jaħdmu fil- catering fejn kull stabbiliment hu mimli barranin li bħalma kulħadd jaf mħallsin biċ-ċiċri, sistema li bir-raġun tnaffar lill- Għawdxin! Infrastruttura Dwar infrastruttura ħafna wegħdi iżda mbagħad ma jkunx hemm biżżejjed flus mill-baġit biex isiru toroq ulterjuri. L-amministrazzjoni ta' qabel f '25 sena għamlet it- triq mill-Imġarr sad-Dwejra li saret mill-fondi Ewropej. Din l-amministrazzjoni ħadmet fuq toroq mill-Qala sa ta' Sannat u qed isiru xi oħrajn. Jiġifieri t-tnejn jaħdmu fuq dan il-lat għax il-Ministri huma Għawdxin u jisimgħu l-ilmenti. Iżda hu l-gvern ċentrali li jrid jitfa' l-miljuni fuq Għawdex u mhux issa kif drajna nsemmuhom qabel l-elezzjoni u l-Għawdxin jibqgħu bir-riħa. Anzjani Dwar l-anzjani naħseb li l-PN m'għandhomx proposti aktar milli qed jagħmel il-gvern preżenti fejn bla dubju sew il-ministru Anton Refalo kif ukoll l-Għawdxija Justyne Caruana qed jaħdmu qatigħ u mxew passi ta' ġgant. Jiskantani l-fatt kif il-PN joħorġu bil-proposta fuq is- settur tad-dimensja f 'Għawdex meta Justyne Caruana hawnhekk laħqet il-quċċata anke bl-expertise tagħha fis- suġġett li kien imfaħħar mal- Ewropa kollu. L-Ambjent Fejn jidħol l-ambjent donnhom iż-żewġ naħat qagħdu ftit lura u wisq nibża' li hawnhekk fejn Għawdex u l-Għawdxin iridu joqogħdu attenti. Ma ssemma' xejn dwar l-iżviluppaturi fejn kollha huma mlebilbin biex jieklu kull biċċa art għera li baqa' f 'Għawdex. Żgħażagħ Fejn jidħlu ż-żgħażagħ ħassejt li l-proposti tat-tnejn huma vagi, ħafna kliem fuq MCAST u Università u dwar appartamenti sussidjati għal min jistudja Malta li fl-aħħar mill-aħħar ftit jew xejn se tagħmel differenza għall- futur taż-żgħażagħ Għawdxin. Il-ġenituri Għawdxin ma jinteressahomx biss li jingħataw sussidju għal uliedhom iżda li wliedhom jaħdmu u jrabbu l-familji tagħhom Għawdex fejn jkunu jistgħu jgawduhom. Bħal dejjem il-proposti huma bil-bosta dwar din il-gżira Għawdxija. Il-wegħdiet huma kbar u jekk vera jitwettqu din il-gżira vera ssir djamant. Iżda ħafna drabi dawn il-wegħdiet 'riċiklati' li jissemmew minn elezzjoni għall-oħra, jixbhu wisq il-miskina tieqa tad-Dwejra li maż-żmien waqgħet u baqgħet biss memorja.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 28 May 2017