Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/936288
Il-Ħadd 04 ta' Frar 2018 | illum 19 X i darba konna ngħixu fl- għerien. Konna għadna kemm wasalna minn xi mkien ieħor u malli tlajna l-art il-ġdida, sibna l-għerien u dħalna fihom, għamilniehom darna. Hekk kienu jgħallmuna l-iskola għallinqas. Imbagħad xrifna barra minn dawn l-għerien u bdejna ntellgħu l-għerejjex u mbagħad skoprejna t-talent għall-bini bil-ġebel u aktarx bnejna tempju, u tnejn, u tlieta. L-istorja donnha tieqaf imbagħad imma tkompli timmanifesta ruħha fil-binjiet, għall-ewwel umli imma mbagħad aktar ambizzjużi u irfinuti u kumplessi. Sakemm bnejna dak li għadna nsejħulu sal-lum ir-raħal Malti. Huwa l-bini li ħalaq dan kollu; il-bini fuq art verġni li qisnieha b'tagħna bi dritt. Dawk id-djar, uħud imdaqqsa jew kbar, oħrajn iżgħar; dawk it-toroq li ffurmaw ruħhom ħafna drabi mserrpa u fuq kollox dak it-tempju li donnu minnu ħiereġ kollox għamlu d-dehra u s-sura ta' Malta. Kien il-bini: kien il-bini fuq art verġni. L-istess il- bliet. Kull naħa li ttieħdet ittieħdet bi bżonn. Ma nafx hux fl-istess żmien jew wara – din inħalluha għall- istoriċi – beda jiżviluppa sens ta' estetika li aktarx li kien marbut mas-sens ta' qies. Biex imbagħad dan is-sens estetiku u ta' qies wassal għal ċerti deċiżjonijiet li l-għan tagħhom kien ir-regolazzjoni, appuntu d-demarkazzjoni ta' ċerti żoni li kellhom jibqgħu bla mittiefsa. Issa donnu li qiegħed jiġri li s-sens estetiku ta' darba sparixxa jew inbidel, u s-sens ta' qies ġralu l-istess. Jew ħalli ngħidu hekk: biż-żmien tfaċċa grupp ta' nies li jkejlu b'qisien differenti minn dari. L-art jarawha biss bħala potenzjal, potenzjal għat-tiswir ta' ħafna u ħafna flus. U tilfu s-sens tal-qies, tant li dawk iż-żoni li konna ddeċidejna li m'għandhomx jintmessew saru l-mira ewlenija. Kuljum preċett tisma' l-aħbarijiet dwar dik il-biċċa art jew ir-roqgħa l-oħra li dendlulha mannara ma' rasha. Torrijiet, pompi tal-petrol u issa anki restoranti tal-ejja- ħa-mmorru jissikkaw dejjem aktar u se jissoffokawna. Uħud minna qegħdin jirrealizzaw li waqt li xi darba l-bini għamel pajjiż issa l-bini qiegħed ikissru. Il-punt l-ieħor hu li dad- diskors sar qisu mantra, litanija, sensiela ma tinbidilx tal-istess ilment, u li sadattant mhu jkollha ebda effett. Anzi wisq nibża' li minħabba r-ripetizzjoni tispiċċa ttarrax u tmewwet. Din hija d-dilemma kontinwa li jaffaċċjaw uħud minna. Imma meta tara li kuljum titfaċċa xi applikazzjoni oxxena ġdida tħossha diffiċli toqgħod bi kwietek. Din mhijiex l-unika dilemma li wħud minna qegħdin jaffaċċjaw bħalissa. Kif tħabbar ftit ilu, xi flus li dawn il-bennejja tat-torrijiet se jdaħħlu se jmorru għall- fondi għal inizjattivi kulturali. Hemm min qed jinterpreta dil-mossa bħala atteġjament ċiniku ħafna ta' kif issikket lill-artisti. Jew inkella kif tpoġġi lill-artisti f 'pożizzjoni skomda għax għal xogħolhom dawn jeħtieġu flejjes li huma m'għandhomx. Veru wkoll li hija ironija kbira li tikkritika kuntest u mbagħad tirrelata miegħu. Sfortunatament ħafna drabi – għalkemm tajjeb nisħaq li mhux dejjem – l-għażla hi bejn li taħdem jew li ma tagħmel xejn. Ħdejn il-flus li se jdaħħlu dawn il-bennejja huma litteralment perkaċċi dak li qed jagħtu għall-kultura. Id- differenza hi bejn ftit eluf u ftit miljuni. Iżda d-dilemma tibqa' xorta waħda, u hija skomda ħafna għax aktarx li twassal lil dak li jkun biex jagħmel kompromess skomdu aktar mid-dilemma nfisha. Hija storja antika din ukoll, kif l-artist ikollu jorqod ma' min potenzjalment hu l-għadu tiegħu: ħu l-kbar fost l-aqwa artisti u mużiċisti u tara kif ħafna drabi servew patruni korrotti li kienu komdi u privileġġjati ħafna aktar milli kienu huma stess. Iżda wieħed għandu jifhem ukoll li f 'sistema bħal din l-għażla mhijiex daqshekk diretta bejn li tagħmel l-arti jew li ma tagħmilhiex. L-għażla taf tkun bejn li tkompli għaddej bil-protesta jew li tagħlaq il- bibien kollha u tispiċċa agħar għax ma tgħid xejn, għax ma ssemma xejn. Indubbjament id-dilemma u kwalunkwe deċiżjoni li wieħed jieħu jibqgħu skomdi u diffiċli ħafna. Qiegħed nikteb dan kollu waqt li qed inżur il-fiera internazzjonali tal-ktieb fil- Kajr. Il-kobor ta' din il-fiera jaqtagħlek nifsek: il-lok, in-numru ta' pubblikaturi, in- numru ta' kotba għall-bejgħ u fuq kollox il-folol kbar ta' nies li qegħdin iżuruha. Qaluli li l-akbar numru ta' qarrejja huwa fl-età ta' bejn it-tmintax u t-tletin sena. Forsi hemm jinsab verament il-futur tal- Eġittu: fil-qarrejja tiegħu u fil-kotba li foesi għandhom il-ħila li jqajmu, li jibdlu. U dan, ovvjament, ma jgħoddx għall-Eġittu biss. Dilemmi Opinjoni Kuljum preċett tisma' l-aħbarijiet dwar dik il-biċċa art jew ir-roqgħa l-oħra li dendlulha mannara ma' rasha. Torrijiet, pompi tal-petrol u issa anki restoranti tal-ejja-ħa- mmorru Ir-ripetizzjoni tispiċċa ttarrax u tmewwet. Din hija d-dilemma kontinwa li jaffaċċjaw uħud minna. Imma meta tara li kuljum titfaċċa xi applikazzjoni oxxena ġdida tħossha diffiċli toqgħod bi kwietek. IMMANUEL MIFSUD