Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/952914
5 Il-Ħadd 11 ta' Marzu 2018 | illum Aħbarijiet Aktar minn 15-il sena jistennew il-warrant Minkejja li l-Att dwar il-Patrimonju Kulturali daħal fis-seħħ fl-2002, professjonisti fil-konservazzjoni ilhom aktar minn 15-il sena jistennew li jingħataw warrant Minn Yendrick Cioffi MINKEJJA li l-Att dwar il-Patrimonju Kulturali tal-2002, jgħid iswed fuq l-abjad li "ħadd ma għandu jeżerċita l-professjoni ta' konservatur-restawratur kemm-il darba ma jkunx id-detentur ta' warrant," ir-restawraturi professjonisti Maltin ilhom aktar minn 15-il sena jistennew li jingħataw il-warrant. Restawraturi professjonisti huma kkwalifikati mill- Università iżda l-professjoni tagħhom għadha mhix rikonoxxuta b'warrant kif inhuma rikonoxxuti professjonisti oħra bħalma huma t-tobba u l-avukati. James Licari, President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal- Konservaturi-Restawraturi Professjonali (MAPCo-Re), spjega li bħalissa, qed jitħejjew emendi għal dan l-Att, fosthom anke dwar l-għoti tal-warrant lill-professjonisti fil-konservazzjoni. Dawn l-emendi u emendi oħra għall-istess Att, bħalissa jinsabu quddiem l-Avukat Ġenerali. Licari saħaq li jekk ikunu approvati l-emendi, ma għandu jkun hemm xejn iżjed xi jżomm lura l-għoti tal-warrant lill-professjonisti fil-konservazzjoni. L-Assoċjazzjoni kienet involuta f 'dawn l-emendi u fost oħrajn, ssuġġeriet tibdiliet fil-klawsola li titkellem dwar l-għoti tal-warrant lil min possibbilment kien jipprattika 'etikament' bħala konservatur- restawratur qabel ma fetaħ il-kors Universitarju fl-1999 u li ma jissodisfax dispożizzjonijiet oħra. L-Att oriġinali jgħid li persuna trid tkun ipprattikat din il-professjoni, f 'Malta jew barra minn Malta, għal perjodu ta' 15-il-sena qabel l-1 ta' Jannar tas-sena 2000. L-Assoċjazzjoni wara li ltaqgħet u ddiskutiet ma' diversi persuni, li kienu jipprattikaw etikament qabel ma kellhom iċ-ċans li jirċievu edukazzjoni formali, qed tipproponi li dan il-perjodu jinbidel għal 20 sena minn meta tidħol fis-seħħ l-emenda. Biex jingħataw il-warrant dawn ir-restawraturi għandhom jipprovdu evidenza dokumentata li skont Licari, kull restawratur għandu jżomm dwar kull xogħol li jaħdem fuqu. Dwar dan, l-ILLUM tkellmet ukoll mal-Kap tad-Dipartiment tal-Arti u l-lstorja tal-Arti tal-Università ta' Malta, il-Professur Keith Sciberras, li spjega kif hu favur li l-konservaturi professjonisiti jingħataw il-warrant, iżda saħaq li dan ma għandux ifisser li l-konservatur jingħata d-dritt esklussiv li jmexxi proġett ta' restawr. Fi kliemu, proċess ta' konservazzjoni huwa proġett ta' studju u riċerka u għalhekk għandu jinkludi tim ta' professjonisti, inkluż il- konservatur, iżda anke storiċi tal-arti, xjentisti, arkeoloġistiċi u professjonisti oħra, li kollha jkollhom sehem attiv fil- proġett. Skont Licari, dan ma għandux ikun problema għax proġett ta' konservazzjoni huwa dejjem immexxi minn konservatur professjonista iżda miegħu nkun hemm involut tim multidixxiplinarju li jinkludi professjonisti oħra fosthom dawk li semma l-Professur Sciberras. Is-sena li għaddiet, waqt diskussjoni mis-sensiela 'Gvern li Jisma',' il-Ministru Owen Bonnici kien qal li hu jaqbel li tingħata din il-warrant, iżda qal ukoll li l-Gvern qed jikkunsidra wkoll il-pożizzjoni ta' dawk li ma jaqblux. L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Konservaturi-Restawraturi Professjonali hija ffurmata mill- maġġoranza tal-professjonisti li jaħdmu f 'Malta. Kull membru jimxi mal-linji gwida tal- Konfederazzjoni Ewropea tal-Organizzazzjonijiet tal- Konservaturi-Restawraturi Professjonali (ECCO). F'April li ġej, din il- konfederazzjoni se tkun qed tlaqqa' l-Assemblea Ġenerali tagħha f 'Malta fil-Belt Valletta li tul din is-sena qed iġġorr it-titlu tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura. Nhar il-Ħadd li ġej, l-ILLUM se tkompli tirrapporta dwar dan u anke tiltaqa' ma' Valentina Lupo, restawratriċi professjonista li tisħaq dwar id-differenza li għandha ssir bejn restawr u konservazzjoni u l-ħsara rriversibbli li tista' ssir fuq il-patrimonju Malti jekk xogħol ta' restawr ma jsirx b'mod professjonali. Mad-€9 miljuni għar-rilokazzjoni ta' żewġ fabbriki mill-Marsa Minn Albert Gauci Cunningham ILPROĠETT tat-triq tal-Marsa li bħalissa jinsab fit-tieni fażi tiegħu, fisser illi żewġ fabbriki kellhom ikunu rilokati għal post ieħor. Din il-gazzetta tinsab infurmata illi din ir-rilokazzjoni swiet lill- Gvern bejn €8.5 miljun u €9 miljuni, għalkemm dawk li tkellmu mal-ILLUM qalu illi kieku minflok sempliċiment rilokazzjoni il-Gvern kellu jerġa' jibni żewġ fabbriki, l-ispiża kienet tkun ferm ikbar. Sorsi qrib il-Malta Industrial Parks sostnew illi l-parti l-kbira tal-ispiża marret għar-rilokazzjoni tal-fabbrika 'Stainless Steel', għax kienet l-akbar fabbrika. Din issa ġiet rilokata f 'post ieħor li kien diġà jintuża għal skopijiet industrijali f 'Ħal Far. L-istess ġara għal fabbrika oħra li tneħħiet mill-Marsa biex tagħmel spazju għall-proġett. Din il-gazzetta tinsab infurmata wkoll illi numru ta' kumpaniji fi Triq Aldo Moro se jkunu qed jagħlqu l-bibien tagħhom b'mod temporanju sakemm jitlesta' x-xogħol. Il-ħaddiema ta' diversi uffiċini u kumpaniji intqalilhom li se jkunu qed jagħlqu l-bibien tagħhom fil-Marsa u jirrilokaw f 'post ieħor jew joperaw minn stabbiliment ieħor, fil- każ ta' kumpanija li tbigħ l-elettroniċi. Mistoqsi minn din il- gazzetta kelliema għall- Ministeru tat-Trasport, Infrastruttura u proġetti Kapitali qalet li ma taf bl- ebda kumpens li ngħata lil dawn il-kumpaniji jew oħrajn. Kelliem għal Malta Industrial Parks sostna li fil-każ tal-fabbriki, tħallsu l-ispejjeż tar-rilokazzjoni, iżda fil-każ tal-kumpaniji/ stabbilimenti fi Triq Aldo Moro l-MIP ma tistax twieġeb minħabba li dawn mhumiex inkwilini fuq l-art tal-MIP. L-istess kelliem spjega kif il-fabbriki li l-MIP ħallset l-ispejjeż ta' rilokazzjoni għalihom tpoġġew fi spazju industrijali li għalkemm ikkuntrattat ma' kumpanija oħra, ma kienx qed jintuża jew ma kienx qed jintuża sal-potenzjal tiegħu. Kien fil-fatt il-Kap Eżekuttiv tal-MIP Karl Azzopardi li ma' din il- gazzetta spjega kif waħda mill-modi ta' kif l-MIP qed timmaniġġja art industrijali hija billi terġa' tevalwa operazzjonijiet eżistenti bl- oġġettiv illi tinnegozja lura spazju għar-rilokazzjoni. Il-proġett tal-Marsa se jinkludi l-bini ta' seba' 'flyovers', passaġġi għal dawk li jivvjaġġaw bil-mixi, faċilitajiet għaċ-ċiklisti u parkeġġ f 'investiment li mistenni jiswa mas-€70 miljuni. It-twaqqigħ tal-istess fabbriki issa wasal fi tmiemu biex b'hekk bdiet it-tieni fażi li tinkludi l-iżvilupp ta' diversi kareġġjati madwar it-Triq Aldo Moro. Il-proġett jinkludi wkoll l-iżvilupp meħtieġ ta' servizzi ta' ilma, drenaġġ, telekomunikazzjoni u ħażna tal-ilma tax-xita.