Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1004618
Aħbarijiet 8 illum | Il-Ħadd 15 ta' Lulju 2018 Minn Yendrick Cioffi JEKK hemm saċerdot li huwa familjari mal- kurituri tal-Vatikan u magħruf mal-ogħla awtoritajiet tas-Santa Sede, bla dubju huwa l-Arċisqof ta' Malta Charles Scicluna li serva u għadu jservi f 'waħda mill- aktar kongregazzjonijiet importanti tal-Vatikan. Propju għalhekk li dan l-aħħar qed tikber ix- xniegħa li fil-futur qrib, l-Arċisqof ta' Malta huwa fost il-favoriti li jkun maħtur mill-Papa Franġisku bħala Kardinal. Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma' għadd ta' Saċerdoti, kemm dawk Djoċesani u anke reliġjużi li kollha kemm huma saħqu li l-probabbilità li l-Arċisqof Charles Scicluna jsir Kardinal hija waħda kbira, b'uħud saħansitra jinsistu li l-Arċisqof qiegħed jissemma għal Segretarju tal-Istat tal- Vatikan. Iżda ma waqfitx hemm, hekk kif l-istess gazzetta ppruvat ukoll tistaqsi lill-Kardinal Raymond Burke dwar din il-possibbilità iżda għażel li ma jikkummentax. Il-Kardinal Raymond Burke huwa wieħed mill- aktar Kardinali konservattivi magħrufa, mhux biss minħabba l-imħabba tiegħu għall-Quddiesa tar-Rit Tridentin (il-quddiesa l-antika), iżda anke għax mhux l-ewwel darba li ma' Kardinali oħra wera d-dubji tiegħu fuq it-tagħlim tal- Papa Franġisku, b'mod partikolari wara l-Eżortazzjoni Appostolika fuq il-ħajja tal-familja, Amoris Laetitia. Għal aktar minn darba, il-gazzetta ILLUM kellmet direttament lis-Segretarju tal-Kardinal Burke u spjegajnielu li nixtiequ nistaqsu lill-Kardinal jekk jaħsibx li huwa possibbli li l-Arċisqof Scicluna jinħatar Kardinal, madanakollu kull meta ntlabna nerġgħu nċemplu f 'ħin partikolari, il-Kardinal qatt ma seta' jkellimna. L-aħħar kommunikazzjoni li kellna mas-Segretarju ta' Burke kien ftit tal-jiem ilu, meta infurmana li l-Kardinal ma jistax ikellimna "għax se jitlaq fuq vjaġġ twil." Ċans akbar li jilbes il-karlotta l-ħamra... Il-possibbilità li l-Arċisqof Charles Scicluna jinħatar Kardinal kibret fl-aħħar ġimgħat, meta l-Papa Franġisku bagħtu fiċ-Ċilí biex jinvestiga każijiet ta' abbuż sesswali fuq minuri minn membri tal-kleru, każ li heżżeż lill-Knisja f 'dan il- pajjiż. Wara l-ewwel żjara li għamel l-Arċisqof Scicluna, fejn saħansitra ltaqa' mal- vittmi, 34 Isqof Ċilen irriżenjaw kollha f 'salt. Ir-rapport tal-Arċisqof Scicluna kien saħansitra wassal lill-Papa Franġisku biex jammetti li żbajla fil- konfront tal-Poplu Ċilen u stieden lill-vittmi tal- iskandlu biex imorru Ruma ħalli jitlobhom maħfra, għax fi kliemu, kien għamel analiżi żbaljata ta' dawn l-allegazzjonijiet. Fl-aħħar ta' Mejju, il- Papa Franġisku kien reġa' talab lill-Arċisqof Charles Scicluna biex mill-ġdid iżur iċ-Ċilí biex ikompli jinvestiga dan il-każ u jiffoka l-ħidma tiegħu fuq id-Djoċesi ta' Osorno fejn faqqa' l-akbar skandlu u li allegatament intefa' taħt it-tapit mill-Isqof tal-post, Juan Barros. ...imma din mhux l-ewwel ħatra għall-Arċisqof Iżda apparti ċ-Ċilí, lura fl- 2015, il-Papa Franġisku kien ħatar lil Monsinjur Scicluna bħala President ta' Kulleġġ speċjali fi ħdan il-Vatikan li se jkun qed imexxi l-appelli dwar l-offiżi serji mir- reliġjużi. Din il-ħatra mhix ċajta! Il-Kulleġġ immexxi mill- Arċisqof Scicluna huwa magħmul minn erba' Kardinali u żewġ Isqfijiet. L-istess Kulleġġ huwa parti mill-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, li l-Arċisqof Scicluna huwa familjari ħafna magħha hekk kif ħadem fiha għal diversi snin qabel ma kien maħtur bħala Isqof Awżiljarju ta' Malta, fl-2012. F'din il-Kongregazzjoni, Monsinjur Scicluna kien il-Promutur tal-Ġustizzja, fi żmien li kienet immexxija mill-Kardinal Joseph Ratzinger, aktar tard il- Papa Benedittu XVI. F'dak iż-żmien ukoll, il-każijiet kollha ta' abbuż minn membri tal-kleru, kienu jgħaddu minn taħt idejh. Mhux ta' b'xejn li fil- Vatikan u anke fost il- ġurnalisti, l-Arċisqof Scicluna huwa magħruf bħala "l-investigatur tal- Papa." Tant hu hekk, li meta kien qed jirritorna Ruma wara żjara ġewwa Fatima, il-Papa Franġisku kien iddeskriva lill-Arċisqof Malti bħala wieħed mill-akbar ġellieda kontra l-abbużi fil-Knisja Kattolika. U jekk isir Kardinal jibqa' Arċisqof? Jista' jibqa' u jista' le. Skont dak li jiddeċiedi l-Papa. Mhux bilfors li meta Arċisqof jew Isqof jinħatar Kardinal ikollu jħalli d-Djoċesi li kien qed imexxi biex imur jaħdem il-Vatikan. Anzi ħafna drabi, jibqgħu jmexxu d-Djoċesijiet. Iżda l-Arċisqof Charles Scicluna qiegħed jissemma għal diversi karigi, fosthom Prefett għall-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi, l-istess kif kien il-Kardinal Ratzinger meta hu kien il- Promutur tal-Ġustizzja. Madanakollu, il-Prefett ta' din il-Kongregazzjoni, l-Arċisqof Luis Francisco Ladaria Ferrer għadu kemm inħatar is-sena li għaddiet u sar Kardinal fil-Konċistorju tat-28 ta' Ġunju li għadda. Kien hemm saċerdoti Maltin li saħansitra qalu ma' din il-gazzetta li hemm ċans li Monsinjur Scicluna jinħatar Segretarju tal-Istat, bażikament l-aktar persuna importanti wara l-Papa u li f 'idejh ikollu l-kwistjonijiet interni tal-Knisja u anke r-relazzjoni tal-Vatikan mal-pajjiżi u l-għaqdiet internazzjonali. Iżda sa issa ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-Kardinal Pietro Parolin, is-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, se jkun qed jirriżenja. Il-Kardinal Parolin għad għandu 63 sena u normalment fil-Knisja, il-Kardinali u l-Isqfijiet li jmexxu Dekasteru jew Djoċesi jirriżenjaw fl-età ta' 75 sena u l-Papa mhux neċċessarjament jaċċettaha mill-ewwel. Madanakollu, esperti tal-Vatikan qalu ma' din Fost il-Kleru Malti qed tissemma ħafna l-possibbilità li fi l-futur qarib l-Arċisqof Scicluna jsir Kardinal. L-ILLUM tistaqsi lill-Kardinal Burke u tanallizza kemm dan huwa possibbli Charles Scicluna jissemma għall-Kardinal;