Illum previous editions

ILLUM 12 May 2019

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1115755

Contents of this Issue

Navigation

Page 31 of 31

illum | Il-Ħadd 12 ta' Mejju 2019 Aħbarijiet 32 IL-PROGRAMM Xarabank qajjem diskussjoni sħiħa dwar vot fuq rapport li jagħmel il-proposta illi l-kwistjoni tat- tassazzjoni ma tibqax waħda deċiża bl-unanimità imma tkun deċiża b'maġġoranza, li jfisser allura illi ma tibqax responsabbilità tal-Gvern Nazzjonali. Kienet Miriam Dalli li akkużat lill-Ewroparlamentari David Casa, Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech, Dalli qalet illi "ħadmu kontra l-interess ta' Malta." Waqt dibattitu f 'Xarabank nhar il-Ġimgħa filgħaxija, Miriam Dalli ppreżentat dokumenti li juru kif id-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista vvutat fuq emenda proposta f 'dan ir- rapport. Waqt il-programm Roberta Metsola rrispondiet biss li din hija "gidba" filwaqt li fl-ebda ħin ma kkuntrarjat jew spjegat il-vot tagħha. "Emenda 18, li vvutajna fuqha fil-Parlament Ewropew, titlob li jkun protett id-dritt ta' pajjiżi żgħar bħal Malta li jkollhom vot daqs pajjiżi kbar f 'sistema importanti bħalma hi t-tassazzjoni. Kif jivvutaw it-tliet MEPs tal-Partit Nazzjonalista? Jivvutaw kontra. Malta jgħidu mod, imorru fi Brussell u jagħmlu mod ieħor," qalet Miriam Dalli waqt Xarabank filwaqt li ppreżentat id-dokument li kien jelenka kif ivvutaw l-MEPs. Miriam Dalli spjegat kif fis- 26 ta' Marzu li għadda, il-Parlament Ewropew ivvota fuq rapport dwar kwistjonijiet ta' tassazzjoni. Fost l-emendi li l-MEPs intalbu jivvutaw fuqhom kien hemm emenda li speċifikament titlob għall- protezzjoni tal-unanimità meta jiġu għall-voti dwar kwistjonijiet ta' tassazzjoni. Din kienet ippreżentata mill- grupp politiku GUE. Għalhekk din l-emenda kienet favur il-vot unanimu. Vot unanimu fil-Kunsill Ewropew ifisser illi kull pajjiż irid jaqbel mad-deċiżjonijiet li jittieħdu fuq tassazzjoni. Jekk ikun hemm pajjiż wieħed li ma jaqbilx, huwa min huwa, il-proposta jew dik id-deċiżjoni ma tidħolx fis-seħħ. L-emenda numru 18 tiddeskrivi l-principju tal- unanimità bħala "l-aħħar difiża tal-interess nazzjonali" u żżid illi dan il-principju jżomm lil kull pajjiż – kbir jew żgħir – fuq l-istess livell. L-emenda żżid tgħid illi jekk dan il-prinċipju jitneħħa, ikun hemm żbilanċ fit-teħid tad-deċiżjonijiet fejn min hu l-aktar b'saħħtu jirbaħ dejjem." Iżda filwaqt li għal din l-emenda, id-delegazzjoni tal-Partit Laburista vvutat favur, id-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista vvutat kontra. F'konferenza tal-aħbarijiet, ilbieraħ filgħodu wkoll, Dalli sostniet illi l-MEPs Nazzjonalisti qed jimminaw l-ekonomija ta' pajjiżna. Silvio Schembri sejjaħ dak tal-bieraħ bħala 'ġurnata sewda' għall-ekonomija. Casa jakkuża lill-PL illi qed jigdeb b'mod faħxi Intant, l-MEP tal-PN David Casa, sostna li t-tliet MEPs ivvutaw kontra r-rapport, mhux favur kif implikat Dalli. Fil-fatt Casa għandu raġun u m'għandux. Għandu raġun għaliex fil-fatt huwa vera li l-PN ivvota kontra dan ir- rapport u allura, effettivament dak kollu li kien qiegħed jipproponi, inkluż proposti ta' tassazzjoni. M'għandux raġun għaliex fuq l-emenda partikolari biex it-tassazzjoni tibqa' fil-poteri nazzjonali vvutaw kontra wkoll. "Ir-rapport li qed jagħmlu referenza għalih l-MEPs tal- Partit Soċjalista huwa rapport li l-MEPs tal-Partit Nazzjonalista vvutaw kontrih, mhux favurih. Sempliċi riċerka fuq is-sit tal-Parlament Ewropew tikkonferma dan. Jiġifieri dak li qed jgħidu l-MEPs tal-Partit Laburista hi gidba faħxija," sostna Casa. Il-Partit Laburista ma meriex il-fatt li David Casa, Francis Zammit Dimech u Roberta Mestola vvotaw kontra r-rapport iżda sostnew li l-fatt li vvotaw kontra l-emenda partikolari "heddew l-impjiegi ta' eluf ta' Maltin u Għawdxin. Inutli jgħidu x'għamlu fl-aħħar tar-rapport ladarba bil-vot tagħhom waslu biex dak ir- rapport kien ħażin għal pajjiżna." "L-MEPs tal- Partit Laburista huma mexjin fuq l-eżempju tal- Mexxej tagħhom, li jħawwad meta jkun f 'dibattitu, meta waqt id-dibattitu ta' Xarabank tal-Ġimgħa, reġgħu tħawdu u tgerfxu fuq voti tal- Parlament Ewropew." L-uniċi MEPs li huma favur li jkun hemm sistema waħda ta' taxxi fil-pajjiżi kollha tal- Unjoni Ewropea huma l-MEPs Soċjalisti. Dan ġie kkonfermat kemm fil-programm elettorali tal-Partit Soċjalista kif ukoll mill-wegħda tal-kandidat tas-Soċjalisti Ewropej għal President tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans." "Huwa ċar li l-Partit Soċjalista Malti tgerfex bi kbir wara li nqabad li qed jappoġġja manifest elettorali li se jneħħi d-dritt ta' pajjiżna li niddeċiedu aħna dwar it-taxxa. Ikun aħjar li flok ikomplu jitgerfxu, l-MEPs imorru fil-grupp Ewropew tagħhom u jippruvaw jikkonvinċuhom li dak li qed iwiegħdu se jagħmel ħsara kbira lil pajjiżna," temm jgħid Casa. Kontra jew favur? Il-PN u l-PL b'akkużi fuq it-tassazzjoni Minkejja li l-PN jivvota kontra rapport dwar it-tassazzjoni fl-istess ħin ivvota kontra emenda biex dan is-suġġett jibqa' responsabbilità tal-gvernijiet nazzjonali Miriam Dalli Roberta Metsola

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 12 May 2019