Illum previous editions

ILLUM 12 May 2019

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1115755

Contents of this Issue

Navigation

Page 19 of 31

illum | Il-Ħadd 12 ta' Mejju 2019 Rakkont 20 K ien kmieni filgħaxija. U kienu qegħdin jippranzaw. Għalkemm it-televixin kien mixgħul fuq l-istazzjon tal-aħbarijiet, ħadd minnhom ma kien qed iħares lejh. Ħadd minnhom ma kien qed ilissen kelma. It-tnejn li huma kienu mehdijin ideffsu l-furketta fil-platt tal-istuffat tal-qarnita li kienet ħejjiet Ninette aktar kmieni, u jimlew ħalqhom bit- tjubija tiegħu. Min-naħa tiegħu, Cristiano kien qed iqatta' flieli żgħar tal-ħobża tal-Malti li kienu ġabu friska mingħand tal-ħobż, ibilla fil-meraq safrani kkulurit mal-ġnub tal-platt u jgerrimha bejn snienu. Jekk il-mara li kellu ma kienet saret tajba għal xejn ħlief biex tgerger u ċċanfru, għall-ikel ħadd ma kien jgħaddiha. Lanqas l-aqwa ristorant li kien hawn fir-raħal. Ninette kienet koka prima. "Meta ser iħallsek l-imgħallem?" staqsietu hi, hekk kif belgħet il-patata li kellha mmerqa f 'ħalqha. "Għadu ma qalli xejn." Waqfet tomgħod, poġġiet il-furketta fuq il-mejda u ħarset lejh. "Dejjem hekk," bdiet tgemgem. "Dejjem tard. Taf li dan ix-xahar għandna t-tieġ ta' Euchar..." "U iva, sa dakinhar tilħaq tidħol," weġibha b'nofs qalb u pprova ma jgħollix leħnu. Kultant, kienet saret tqabbiżhielu. Għid fuq kollox kienet ser taqbad battibekk sħun miegħu. U llejla kien għajjien. Ma kellux moħħ paroli fil-vojt. "Qatt ma jħallsek meta suppost... ara kieku smajt minni..." bdiet tgerger. U dak il-ħin għal ftit ma qamx bilwieqfa, waddab is-siġġu lejn il-kantuniera tal-kamra bil-herra u telaq 'il barra! Mela llum fuq il-paga kienet ser taqbadha! Ma kienx għadu jiflaħ ġlied u tgemgim! Kemm kienet ilha li qabdet dieħla fil-menopawża, Ninette kienet saret tbati bil-fwawar u l-burdati li kien ikollha ma kontx tifhimhom, bl-ebda mod. "Jaħasra Ninette, jien għal qalbi f 'dan ix-xogħol! Mhux ser nibdlu għax għedtli hekk inti!" ħatafha. "Hux għal qalbek! Mhux nies ħa ngħidlek! Qatt ma nistgħu nagħmlu kappriċċ ħa ngħidlek!" kienet kważi qabdet tgħajjat miegħu. Poġġa l-furketta u s-sikkina maħmuġin fil-platt, qabdu b'idejh it-tnejn u telaq bihom lejn is-sink li kien jinsab fil- kamra biswit. U dak il-ħin, semgħetha. Fil-bidu ma kinitx ċerta. Kienet ħasbet li kienet semgħet ħażin. Ma kellu jiġi ħadd. Ma kinux qegħdin jistennew mistednin id-dar illejla. Ninette berrqet għajnejha lejn il-kuritur imdallam tal- appartament li kien jagħti lejn il-bieb ta' barra. Min seta' ġie dan il-ħin? Ħin l-ikel. Għal mument, baqgħet hemm kalma, bilqiegħda fuq is-siġġu li kien qiegħed mal-mejda. Imbagħad ġiet f 'tagħha, poġġiet l-għodda tal-ikel fil-platt, qabdithom kif setgħet, marret tħaffef wara żewġha lejn is-sink tal-kċina, waddbithom hemm bl-addoċċ u telqet tħaffef lejn il-mejda bil-biċċa f 'idha. Riedet tnaddaf il-mejda qabel ma jiftħu lil dak il-proxxmu li kien għoġbu ddisturbahom dan il- ħin mingħajr m'avżahom. Mesħitha ta' kafkaf u reġgħet semgħet oħra. Taħbita oħra. Din id-darba aktar prominenti. Żewġha, kien qiegħed bilwieqfa fil-ġenb tal-kċina, donnu wieħed ma jafx x'laqtu. Lanqas kien għamel mossa sabiex imur jiftaħlu! "Kollox jien irrid inkun, hawn ġo din id-dar!" kienet qiegħda tgemgem. "Dak il-bieb?" staqsieha Cristiano. "Mela!" qaltlu, titlef il- paċenzja hekk kif marret lejn il-bieb ta' barra. Għal mument waqfet hemm, ma tafx jekk kellhiex taqbad u tiftaħ, jew inkella kienx aħjar li ma tiftaħ xejn. Jaf kien xi ħadd biex ibigħilha xi ġurnal jew ktejjeb fuq xi reliġjon oħra! Sa xħin poġġiet idha fuq il- pum tar-ram li kien imwaħħal mal-bieb ta' barra, Cristiano kien ġie warajha, ħalli jara min kien ġie. Dawret il-pum u fetħet. Sewwa Ninette u anke Cristiano, baqgħu t-tnejn li huma jħarsu lejh. Raġel imkeffen sew fi ħwejjeġ puliti skuri, fuq rasu b'barnuża sewda, wiċċu bilkemm jidher qed iħares lejhom mill-kuritur tal-komun tal-appartamenti. "Buona sera sinjuri!" qalilhom b'ton vivaċi wisq aktar milli kien jidher wiċċu. U dak il-ħin, sewwa Ninette u anke Cristiano niżlu ħarsithom 'l isfel u rawha. Kaxxa. Kaxxa tal-metall. F'idejh. F'idejh it-tnejn. "X'għandek bżonn?" kien ser jibda jistaqsih Cristiano, iżda oħroġ il-għaġeb, dan il-bniedem li huma lanqas biss kienu jafu, resaq 'il quddiem eżatt minn bejniethom, bil- kaxxa miżmuma tajjeb bejn idejh u daħal ġo darhom mingħajr huma lanqas biss ma kienu stednuh biex jidħol! Baqa' dieħel ġewwa! Cristiano ħares lejn Ninette b'għajnejh imberrqin 'il barra minn wiċċu xi xiber u nduna li martu kienet qiegħda b'ħalqha miftuħ. Mingħajr ma lissnu l-ebda kelma bejniethom, daru t-tnejn li huma b'mod kemxejn mgħaġġel u daħlu jħaffu 'l ġewwa fejn kien hemm dan ir- raġel bilwieqfa f 'darhom. Eżatt maġenb il-mejda fejn sa ftit ilu kienu qegħdin jieklu! "X'għandek bżo..." kien ser jerġa' jsaqsih Cristiano. Ir-raġel kien poġġa l-kaxxa tal-metall fuq il-mejda. Il-mejda tal-kċina tagħhom. Dik x'kienet, riedu jsaqsuh. "Qed taraw din il-kaxxa?" qatgħalhom diskorshom hu, iteftef fix-xalla skura li kellu mdawra m'għonqu. Qishom żewġ pupazzi tad- drapp, minn dawk li tiġbdilhom il-ħbula u jċaqalqu rashom, għamlulu iva b'rashom kważi eżattament flimkien. "Illejla hija l-lejla fortunata tagħkom!" qal lil Cristiano b'ton allegruż. "Tista' tgħidli..." reġa' beda jgħidlu Cristiano. "Ser nagħtikom għażla!" reġa' qatagħlu diskorsu dan l-istranġier. "U x'għażla hi din?" staqsietu Ninette, tkemmex moħħha u tidher kemxejn xettika fuq dak li kien qed jgħidilhom. Xiż-żikk ġie jagħmel dan hawn illejla? B'din il-kaxxa tal- metall? "Din il-kaxxa tal-metall fiha buttuna," qalilhom. Resaq lura lejn il-kaxxa u b'idejh dawwarha kemm kemm ħalli jurihom buttuna ħamra ċkejkna fil-ġenb ta' naħa minnhom. "Jekk tagħfsuha, jiena nagħtikom miljun ewro flus kontanti." Cristiano ċċassa u ħass ġismu jiksaħ mal-art. Ninette bilkemm felħet titkellem u kellha tgħaddi lsienha fuq xufftejha għax ħassithom xotti. X'jiġifieri? Kif? Dan x'kien? "Isma', jekk qed tipprova tbiegħ xi ħaġa, jien u l-mara tiegħi, aħna m'aħniex interessati," qallu Cristiano b'leħen sod, flok bagħtu jsaqqi l-ħass tal-Marsa u keċċieh 'l hemm! "Forsi intom m'intomx tifhmuni, sinjuri!" qalilhom dak. "Din il-kaxxa fiha dik il-buttuna. Jien ser inħallihielkom hawn. Aħsbuha. Jekk tiddeċiedu li tridu tieħdu miljun ewro agħfsu l-buttuna. Għada nerġa' niġi fl-istess ħin. Niġi niġborha. Jekk tkunu għafastu l-buttuna l-ħamra, nagħtikom l-flus għada stess..." "Miljun, int qed tiċċajta?" staqsietu Ninette, tiftaħ għajnejha beraħ. Dan kien qed jiċċajta? "Bis-serjetà. Mela, għadni kemm ġejt mingħand koppja oħra, u għamilna l-istess ħaġa. Però, għandkom tkunu tafu, li jekk tiddeċiedu li tagħfsu l-buttuna, xi ħadd li intom ma tafux, imut dak il-ħin stess. Hekk taħdem din il-kaxxa." Tbissmilhom. Għal mument, ma kienux jafu jekk kienx qed jgħidilhom il- verita jew jekk kienx xi wieħed fanatiku, li ried jgħaddihom biż-żmien. Mela dawn l-affarijiet jeżistu? Insomma, hekk jew hekk, huma ma kellhomx x'jitilfu! Ir-raġel ħallielhom il-kaxxa fuq il-mejda, sellmilhom u telaq 'il barra mingħajr tlaqliq. It-tnejn li huma rawh sejjer, għalqu l-bieb warajh u marru jħarsu lejn dik l-imbierka kaxxa. "Issa x'se nagħmlu?" staqsieha Cristiano, iħares b'mod ħosbien lejn il-kaxxa u mbagħad lejn martu. "Mhux nagħfsuha jew! Tgħidlix li qed taħsibha wkoll? Miljun..." bdiet tgħidlu, eċċitata mmens. "Imma xi ħadd li aħna ma nafuhx, imut..." "Imbilli...jekk ma nafuhx!" qaltlu. "Miljun!" Bla ma qagħdet taħsibha, Ninette għafset il-buttuna l-ħamra. U ma ġara xejn. Il-kaxxa baqgħet kif kienet. L-għada bilkemm felħu jistennew dak il-mument li kellu jiġi dak ir-raġel li kien ħallielhom il-kaxxa! U ġie. Preċiż mal-ħin. Eżatt bl-istess mod li kien ġie l-ġurnata ta' qabel. Liebes ħwejjeġ skuri. Barnuża f 'rasu. Daħlu flimkien fil-kċina. "Għafastuha l-buttuna sinjuri," qalilhom. Ħareġ ktejjeb taċ-ċekkijiet, kiteb iċ-ċekk u newwilulhom. Mar lejn il-mejda u ħa l-kaxxa lura f 'idejh. Tbissmilha. Iċ-ċekk kien qiegħed f 'idejn Ninette li kienet qiegħda tiflih sew. Eżatt. Miljun ewro! Bilkemm riedet temmen. U hekk malli kien ħiereġ 'il barra, waqqfitu. "Sinjur?" staqsietu. "Għandi domanda..." Ir-raġel dar iħares lejha. "Fejn sejjer issa?" staqsietu. Ir-raġel tbissem. "Sejjer nagħtiha lil xi ħadd li ma jafx lilkom." Sharon Calleja Il-kaxxa

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 12 May 2019