Illum previous editions

ILLUM 15 September 2019

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1165938

Contents of this Issue

Navigation

Page 19 of 31

N af li forsi ser tinstema' ftit stramba. Imma din l-istorja hija vera. Dan hu dak li għaddejt minnu jien. U għalkemm għad m'għandix spjegazzjoni għal dak li ġara, xtaqt naqsamha ma' xi ħadd bil-kitba. Għax bil-fomm ma jħallunix ngħidha. Ma nistax ngħidha. Ikolli nagħmel dak kollu li jgħiduli. U jikkontrollaw kollox huma. U allaħares jindunaw. Allaħares jindunaw li qiegħda ngħidha. Għax mhux suppost.Dawk. Dawk li hawn madwari.Dawk li hawn miegħi. Din l-istorja tibda minn dakinhar li kont rajtha għall- ewwel darba.Kemm kienet gustuża!Kellha wiċċ qisu ta' pupa!Kienet daħqanija u verament ħelwa! Xagħarha ċar. Għajnejn kbar u sbieħ. Kollox perfett. Eżatt bħal tiegħi! L-ewwel darba li nnutajt li kien hemm xi ħaġa stramba kien fi Frar ta' meta jiena għalaqt seba' snin. Bqajt niftakar. Bqajt niftakar qisu lbieraħ. Kien lejl xitwi u l-kesħa li kien hemm hemm barra, kienet ixxoqq l-għadam. Is-sajjetti kienu qegħdin ileħħu fis-sema u r-ragħad beda jkarwat u jagħmel ħsejjes strambi. Kont qiegħda taħt il-gverta, inħares b'għajnejja mberrqa u nibża'! Lanqas stajt immur fil-kamra t'ommi u missieri, għax bżajt noħroġ waħdi fil-kuritur u nsejħilhom! Ħarist madwar il-kamra ħalli nara l-pupi kinux qegħdin jibżgħu huma wkoll. Kelli xi xkafef mal-ħitan roża tal-kamra, għamara sabiħa tal- ballut qisha tad-dar tal-pupi li kelli fil-ġenb ta' kamarti. It-twaletta kellha mera mdaqqsa u ovali fejn jiena kont inħobb immur noqgħod inħares lejha nnifsi, nirranġa xagħri u nbiddel il-ħwejjeġ ħalli nilgħab ta' prinċipessa. Imma dakinhar rajt is-sajjetti qegħdin ileħħu minn ġot-tieqa wkoll, u minn ġo soddti rajt ir-riflessjoni tiegħi minn ġol- mera, nidher qiegħda nħares lejja nnifsi, b'għajnejja mberrqin minn taħt il-gverta. Dawwart rasi lejn it-tieqa. U dak il-ħin indunajt. Iva. Indunajt. Rajtha għall-ewwel darba! Kienet eżatt jiena, għaliex kienet ir-riflessjoni tiegħi! Tgħidx kemm bżajt! Twerwirt! Dik li kienet qisha jien fil- mera! Ippruvat titgħatta eżatt bħali, eżatt bħalma kont qiegħda nagħmel jien u l-gverta waqgħetilha mal-art! Għajnejja nfetħu beraħ hekk kif rajtha titbaxxa minn fuq is- sodda u tinżel tiġborha malajr, ħalli tkompli tagħmel bħali! Bdejt inħares lejn il-mera u nwerżaq! U hi kienet qiegħda twerżaq ukoll! Tgħattejt kollni bil-gverta u bqajt hemm qisni ballun imgeddes taħt fid-dlam. Dan x'kien jiġifieri? Jiġifieri kien hemm waħda bħali? Kien hemm waħda bħali ġol-mera? Filgħodu qomt malajr, qbadt il-ħwejjeġ minn ġol- gwardarobba u tlaqt niġri 'l barra riħ! Bżajt inħares fil-mera ta' kamarti! Xi bċejjeċ dawn! Dakinhar kont għamilt ġurnata sħiħa l-iskola naħseb fiha. Ma kelli moħħ xejn. U mil-lezzjonijiet li kellna, ma fhimt xejn. Fit-tfajla tal-mera. Dik li kienet qisha jien. Mort niġri d-dar u tlajt malajr f 'kamarti. Dħalt. Kienet qiegħda hemm fil- mera tħares lejja. Tagħmel eżatt bħali. Tikkuppjani minn kollox! "Int! Int!" bdejt ngħajjat. "Irridek tkellimni! Irridek tgħidli min inti!" Dak il-ħin ma bżajtx minnha! Ridtha tweġibni! "Għidli!" komplejt ngħajjat. Għalxejn. Baqgħet tagħmel kollox bħali. Bħali eżatt. Mort fuq is-sodda u bdejt nibki. U hi...Hi kienet qiegħda tagħmel bħali. Bħas-soltu. Jien ma kellix ħbieb. Ma kelli lil ħadd. Lanqas ħuti. Lil ħadd ma' min nilgħab. U xtaqtha. Xtaqtha kellmitni. Xtaqt ikolli lil xi ħadd ma' min nitkellem u jkellimni lura. Ommi u missieri dejjem ix-xogħol kienu jkunu. Qatt ma kont insibhom biex inkellimhom. "Jien jisimni Nana," għedtilha. Imma xorta ma kellmitnix lura. Bqajt immur quddiem il-mera u nkellimha. Insaqsiha. U niffittaha. U hi baqgħet twebbes rasha! Għal mument bdejt naħseb li dakinhar tas-sajjetti kont rajt ħażin. Forsi l-immaġinazzjoni ta' moħħi kienet ġagħlitni nara dak li rajt. U ma bqajtx nagħti wisq kas. Sa dakinhar. Dakinhar kont għadni kemm wasalt id-dar mill-iskola. Poġġejt il-basket tal-iskola fuq l-iskrivanuja u nfqajt nibki b'kemm kelli saħħa quddiem il-mera. Ommi u missieri kienu għadhom kemm qaluli li kienu ser jisseparaw. U kont iddisprata. Ma kontx naf eżatt dan x'kien ifisser. Li kont naf biss hu li missieri kien qed jippakkja l-bagalji u kien ser jitlaq! "Toqgħodx tibki Nana!" kont smajt leħen baxx u ħelu jgħidli minn ġol-mera! Għollejt ħarsti lejn il-mera, għajnejja ħomor nar. U rajtha tħares lejha. Kienet qiegħda f 'pożizzjoni differenti minn tiegħi! "Inti ta' veru?" kont staqsejtha, b'ħalqi miftuħ. Għamlitli iva b'rasha. "Jien jisimni Clara," kienet qaltli. U minn dakinhar...Minn dakinhar sirna ħbieb. Ħbieb kbar. Kont noqgħod nismagħha tkanta. Konna ngħaddu ħin twil nitkellmu. U beda għaddej iż-żmien. U bdejna nikbru. U hi baqgħet tidher eżatt bħali. "Nana" kienet qaltli darba minnhom. "Jien nixtieq li nkunu aktar ħbieb." "Clara, aktar ħbieb kif?" kont staqsejtha. "Irrid ngħannqek, irrid immisslek ix-xagħar ħalli nara jekk hux eżatt bħal tiegħi," kienet qaltli. "Imma... inti t-tfajla fil-mera u ma nistgħux inkunu fl-istess dinja!" kont għedtilha. "Imma jien staqsejt lil dawn li hawn madwari u qaluli li inti tista' tiġi hawn ħdejja," kienet qaltli. "Ejja ħdejja Nana, ejja!" "Iva niġi ta!" għedtilha, nipprova nidher entużjasta. Imma fil-verità kont qiegħda nibża'. Kont nieħu gost nismagħha tkanta. Kont nieħu gost nitkellem magħha. Imma ma ridtx immur fid- dinja tagħha! Ridt nibqa' fid-dinja tiegħi. Fid-dinja tiegħi. "Ejja, aħlef fuqek innifsek li tiġi," qaltli u poġġiet subgħajha ż-żgħir mat-tarf tal-mera lejn in-naħa tiegħi. U jien għamilt subgħajja ż-żgħir mal-mera qrib tagħha. Dak il-ħin innutajt li fejn kellha subgħajha mal-mera, kien jinħass xi ftit sħun aktar mill-kumplament tal-mera. Mela Clara kienet ta' veru daqsi! U dak il-lejl ma stajtx norqod. Bdejt inħares lejn il-mera minn ġos-sodda u qgħadt naraha tħares lejja, tosservani u tagħmel bħali. Jien ma ridtx immur ħdejha! Ridt inkompli ngħix ħajti! Ma ridtx! Le ma ridtx! U dakinhar filgħodu, eżatt malli qomt, ersaqt lejn il-mera u dawwartha tħares lejn il-ħajt. Hekk. Hekk ma tħarisx lejja aktar!Hekk ma tgħidlix biex immur ħdejha! Bdejt nismagħha ssejjaħli. Bdejt nismagħha tkanta biex turini li riedet tkellimni. U tlaqt 'il barra mill-kamra. Mort l-università u għedt lil waħda li kienet miegħi fil- lezzjonijiet ħalli tiġi tistudja d-dar miegħi. Ridt b'xi mod nuri lil Clara li ma kellix aktar bżonnha. Li ridt ngħix ħajti! U xħin kien hemm dik it-tfajla l-oħra f 'kamarti, smajna l-kant ta' Clara ġej mill-mera! "Hawn xi ħadd fil-kamra?" staqsietni dik. "Le, le ma tarax," għedtilha. U ġibtilha skuża li kelli rasi tuġagħni ħalli titlaq 'l hemm. Dakinhar iġġilidt magħha. Iġġilidt ma' Clara! "Int m'għadekx ħabiba tiegħi! Int giddieba!" qaltli. Tant kemm inkorlajt u bdiet taqbiżli li qbadt il-manku tal- braxx tax-xagħar li kelli fuq it-twaletta u tfajtu lejn il-mera! Tfajtu lejn Clara! Il-mera nfaqgħet elf biċċa! Clara sparixxiet! Ma kinitx għadha hemm! "Clara! Clara!" bdejt nibki u ngħajjat. Iżda l-mera kienet infaqgħet għalkollox. Inżilt isfel. Mort fil-mera tal-indana tad-dar. "Clara? Clara?" bdejt insejħilha. Iżda lil Clara qatt ma rajtha aktar! Dakinhar dħalt norqod. Quddiemi, il-mera tat- twaletta kienet saret biċċa njama bl-inkwatru magħha fejn suppost kien hemm il-mera. F'nofs ta' lejl bdejt noħlom. Bdejt noħlom li kienet f 'kamarti. Kienet qiegħda tmissli xagħri. Kienet qiegħda xxommli wiċċi u tmissni. Ftaħt għajnejja hekk kif rajt sajjetta fis-sema. "Clara?" sejjaħtilha. Ħassejtni xi ftit storduta, qisu kien ġara xi ħaġa mingħalija. Iżda Clara ma kinitx għadha hemm! Mort niġri biex niftaħ il-bieb ta' kamarti, imma kien jidher imsakkar! Bdejt nippanikja! Hawn fejn kont? Xejn ma kien għadu l-istess! Mort inħaffef biex niftaħ it-tieqa, iżda hemm barra kien hemm ċappa dlam! Fejn kont? X'kienet għamlitli Clara? Kienet ħaditli posti! Ma kienx mument! Kont fid-dinja tagħha! Din ma kinitx id-dinja tiegħi! Kont fin-naħa l-oħra tal- mera! illum | Il-Ħadd 15 ta' Settembru 2019 Rakkont 20 Sharon Calleja In-naħa l-oħra tal-mera

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 15 September 2019