Illum previous editions

ILLUM 22 December 2019

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1195809

Contents of this Issue

Navigation

Page 17 of 31

18 opinjoni Aktar riformi fis-settur tal-ġustizzja Owen Bonnici Owen Bonnici huwa l-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u l-Gvern Lokali I r-riformi jkomplu. Mhux biss qed inwettqu l-wegħdi li għamilna, għaliex dan il-Gvern huwa Gvern li dak li jwiegħed iwettqu, imma qed inkomplu ndaħħlu riformi biex naraw li mhux biss igawdu s-seturi kollha, imma jgawdu wkoll dawk li jagħmlu użu mis-servizzi offruti. Mhux biss fis-settur tal-Ġustizzja, imma fis-setturi kollha li jaqgħu taħt dan il-Ministeru. Wara proċess leġiżlattiv fil-Parlament li ġie konkluż iktar kmieni dan ix-xahar, il-Gvern qiegħed idaħħal fis-seħħ b'effett immedjat diversi emendi importanti, partikolarment fir-rigward tal-operat tal-Uffiċċju għall-Irkupru tal-Assi ta' proċedimenti kriminali inizjati bil- kwerela tal-parti offiża, kif ukoll emenda dwar il-proċedura ta' arrest ta' bċejjeċ tal-baħar. L-Uffiċċju għall-Irkupru tal-Assi sa mill-bidu tal-operat tiegħu f 'Awwissu tal-2018 wettaq ħidma kruċjali fejn jidħol l-intraċċar, ġbir, żamma, preservazzjoni, immaniġġjar u disponiment xieraq u effiċjenti ta' propjetajiet li direttament jew indirettament joriġinaw minn attivitajiet kriminali. Madankollu, kien hemm aspetti f 'diversi liġijiet illi kienu jirreferu għar-Reġistratur tal-Qrati u Tribunali Kriminali, u mhux għall-Uffiċċju għall-Irkupru tal-Assi, bħala l-awtorità kompetenti biex tagħmel stħarriġ, identifikazzjoni, intraċċar u disponiment tal-assi tal-akkużat. Issa l-Uffiċċju għall-Irkupru tal-Assi se jingħata aktar poteri u b'hekk isaħħaħ aktar l-impenn lejn il-ħidma nazzjonali kontra l-kriminalità organizzata. Bidla oħra importanti fil-liġi li se tiddaħħal fis-seħħ tikkonċerna każijiet fejn il-proċediment kriminali jkun ittieħed bil-kwerela tal-parti offiża u l-kwerelant jirrinunzja għall-azzjoni. F'tali ċirkostanzi l-Qorti kienet, meta tiġi biex tiddikjara l-proċediment eżawrit, tkun marbuta li tiddeċiedi li l-ispejjeż li jkunu ġew inkorsi b'rabta mal-ħatra t'esperti jrid jagħmel tajjeb għalihom ir-Reġistratur u finalment l-erarju pubbliku. Din is-sitwazzjoni kienet qed tiġi kkritikata bħala waħda inġusta saħansitra mill-Qrati stess fis-sentenzi tagħhom u għalhekk dawn l-emendi se jipprovdu li tali spejjeż iridu jiġu inkorsi mill- kwerelant innifsu li jirrinunzja għall- azzjoni kriminali. Se tiġi emendata wkoll il-liġi li tikkonċerna l-proċedura ta' arrest ta' bċejjeċ tal-baħar u dan biex il-mod kif jiġi eżegwit mandat t'arrest ta' bċejjeċ tal- baħar isir b'mod aktar kordinat, effiċjenti u b'inqas periklu għall-marixxalli. B'dan il-mod inkunu qed nipproteġu l-interessi ta' min jitlob il-ħruġ tal-mandat u nassiguraw li l-ordnijiet tal-Qorti jiġu eżegwiti kemm jista' jkun malajr. Dan kollu qiegħed isir u se jibqa' jsir biex dejjem aktar tissaħħaħ is-saltna tad-dritt u biex iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin jibbenefikaw minn settur tal- ġustizzja aktar b'saħħtu. * * * Ma niddejqu qatt indaħħlu bidliet. U bidla sinifikattiva li ħabbart, li ilna naħdmu xhur fuqha, hija l-ħatra b'mod uffiċjali ta' Dr Victoria Buttigieg bħala l-ewwel Avukat tal-Istat. Dr Buttigieg ġiet irrakkomandata b'mod unanimu minn Kummissjoni ta' Ħatra wara sejħa pubblika. Pass ieħor importanti fl-istorja legali u li huwa l-ewwel tax-xorta tiegħu li juri b'mod ċar l-impenn tal-Gvern fejn tidħol l-implimentazzjoni ta' riformi dwar it-tisħiħ tas-Saltna tad-Dritt. Liġi li ġiet approvata f 'Lulju li għadda, tipprovdi għal separazzjoni sħiħa bejn il-funzjonijiet duppliċi li għandu llum l-Avukat Ġenerali, separazzjoni li daħlet b'effett mit-18 ta' Diċembru. Waqt li l-Avukat Ġenerali bis-saħħa ta' din ir-riforma se jibqa' jżomm ir- responsabbiltajiet ta' prosekuzzjoni u materji kriminali li tipprovdi għalihom il-Kostituzzjoni u liġijiet oħrajn fil-kamp kriminali, l-Avukat tal-Istat se tibda tkun responsabbli għall-funzjonijiet kollha ta' pariri lill-gvern u rappreżentanza legali fl-oqsma tal-liġi kostituzzjonali, ċivili u amministrattiva li sal-lum huma eżerċitati mill-Avukat Ġenerali. L-Avukat tal-Istat se tgawdi l-istess livell ta' protezzjoni u sigurtà fil-kariga li jgawdu l-Membri tal-Ġudikatura u l-Avukat Ġenerali. L-Avukat tal-Istat se tkun il-konsulent ewlieni tal-Gvern f 'materja ta' liġi u opinjoni legali u se tkun marbuta li taġixxi fl-interess pubbliku u fis-salvagwardja tal-legalità tal-azzjonijiet tal-Istat. L-Avukat tal-Istat se taqdi l-funzjonijiet tagħha permezz ta' aġenzija indipendenti mwaqqfa bl-Att dwar l-Avukat tal-Istat. * * * Ix-xogħol ikompli fuq is-setturi kollha tal-Ministeru u jibqa' wkoll għaddej f 'dak li huwa l-Wirt Storiku tagħna. Ħadt gost ħafna nħabbar restawr fil-Forti Rikażli. Permezz tad-Direttorat tar-Restawr, beda xogħol ta' restawr fuq ħames siti speċifiċi li jinsabu f 'Forti Rikażli li ġew identifikati bħala l-aktar kruċjali biex isirilhom xogħol ta' restawr. Permezz tal-bidu ta' dan ix-xogħol ta' restawr qed nindirizzaw waħda mill- akbar siti storiċi ta' pajjiżna biex inkomplu naħdmu biex inħarsu l-wirt tagħna. Grazzi għall-interventi numerużi qed nuru l-impenn biex insaħħu l-wirt tanġibbli tagħna għall-ġenerazzjonijiet futuri. L-ewwel xogħlijiet qed isiru fuq il- Batterija Numru 1 Curtain li hija waħda minn dawk l-istrutturi li nbnew lejn l-aħħar tas-seklu dsatax. Hawn huwa evidenti li l-ġebla tal-franka ddeterjorat ħafna matul is-snin tant li hemm fdalijiet ta' xi ġebel li kien inbidel fil-passat u dan iddeterjora wkoll. L-interventi proposti huma li jerġgħu jinbnew il-partijiet li waqgħu u tissewwa l-ħsara fil-partijiet l-oħra. Il-ġebel li huwa mherri se jinbidel filwaqt li se jimtlew il-fili u se jissewwa l-kontrabejt biex ma jidħolx aktar ilma fil-ħxuna tal-ħitan. Dan ix-xogħol diġà beda u mistenni li jitlesta sas-sajf tas-sena d-dieħla. It-tieni parti tax-xogħlijiet se ssir fuq il-kontragwardja ta' San Duminku li qiegħda fi stat ħażin bil-baħar li ġarraf partijiet minnha matul iż-żmien. Se jsir intervent fuq il-faċċata li tħares lejn in- Nofsinhar biex jiġu indirizzati l-ħsarat li hemm fejn se jerġgħu jinbnew il-partijiet li waqgħu u tissewwa l-ħsara li saru fil- partijiet l-oħra. Ix-xogħol mistenni jibda fil-ġimgħat li ġejjin. Se jsir xogħol ta' restrawr ukoll fuq il- Bastjun ta' San Duminku u fuq it-trollijiet tas-swar li jħarsu fuq id-daħla tar-Rinella li mistennija jibdew fl-2020. Attwalment qed issir dokumentazzjoni fuq dawn iż- żewġ siti biex jiniehem aħjar ix-xogħol ta' restawr li hemm bżonn li jsir. Qegħdin isiru wkoll studji fuq il-konkos użat fuq il-Fire Control Tower f 'Bastjun Numru 4 sabiex id-direttorat ikun jista' jiem aħjar il-materjal użat biex isiru l-interventi neċessarji fuqu. Mistenni li jibda x-xogħol ta' restawr fuqu fis-sena 2021. B'kollox se jiġu indirizzati ħames siti li bħalissa huma l-aktar li jinstabu fi stat li għandhom bżonn restawr imminenti – dan ix-xogħol qed jiġi ffinanzjat mid-direttorat stess u huwa stmat li jkun madwar €1 miljun. Id-Direttorat tar- Restawr qiegħed ukoll jiddokumenta xi partijiet oħrajn fil-forti biex jiddetermina l-istat tagħhom. Dan huwa forti importanti u wkoll jgħin lill-ekonomija Maltija. Forti Rikażli huwa ewlieni għall- industrija Maltija tal-films. Dan il-forti serva ta' sfond għal diversi films li nħadmu f 'pajjiżna, fosthom u mhux biss, films rinomati: Gladiator, Troy, Agora, Assassin's Creed u aktar. Il-forti huwa sit uniku u mfittex minn produzzjonijiet barranin ukoll. Għandna ninvestu fir- restawr u fil-konservazzjoni ta' Forti Rikażli biex niżguraw li nipproteġu l-wirt tagħna u wkoll tibqa' tgħin lill-industija tal-films. Il-ħidma fejn jidħol dan is-settur m'għandhiex tmiem. Nieħu l-okkażjoni biex nawgura lil kulħadd Milied hieni. IL-ĦADD 22 TA' DIĊEMBRU 2019 • illum Grazzi għall-interventi numerużi qed nuru l-impenn biex insaħħu l-wirt tanġibbli tagħna għall-ġenerazzjonijiet futuri Yorgen Fenech jirrispondi lill- ġurnalisti

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 22 December 2019