Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1372543
10 aħbarijiet IL-ĦADD 16 TA' MEJJU 2021 • illum 'Aħna warajk ... nemmnu sala'; Id-dilettanti tal-Eurovision Jumejn qabel l-ewwel semifinali li fih Destiny se tkun qed tirrappreżenta lil Malta fil-Eurovision Song Contest, il-gazzetta ILLUM titkellem mad- dilettanti. X'jaħsbu fuq Je Me Casse? X'jixtiequ jaraw? Jekk nirbħu x'se jagħmlu? X'jixtiequ jgħidu lil Destiny YENDRICK CIOFFI Destiny serqet qalb kulħadd. Din hija l-ġimgħa tagħha. Id- dilettanti tal-Eurovision żgur li mhux se taqlagħhom minn quddiem it-televiżjoni iżda tista' tgħid li nhar it-Tlieta kulħadd se jkun imwaħħal fuq is-sufan jistenna l-mument ta' Malta. Il-Eurovision minn dejjem kien maħbub f 'Malta u jiġbed lejh ċertu interess imma aktar u aktar meta jkollok kanzunetta bħal Je Me Casse u kantanta mill- aqwa bħal Destiny li dwarhom ikunu qed jitkellmu d-dilettanti tal-Eurovision madwar l-Ewropa kollha u lilhinn. Għalhekk, jumejn biss qabel l-ewwel semifinali li Malta se tieħu sehem fih, il-gazzetta ILLUM tkellmet ma' diversi persuni, li kif ngħidu bil-Malti, huma "ffissati' fil-Eurovision. Staqsejna lil dawn il-persuni erba' mistoqsijiet: 1. X'taħseb fuq il-kanzunetta Je Me Casse u fuq Destiny? 2. X'tixtieq tara fuq il-palk? 3. Jekk Malta tirbaħ il- Eurovision x'se tagħmel? 4. X'messaġġ tixtieq tgħaddi lil Destiny? Dan huwa dak li qalulna: 'Destiny diġà rebbieħa għax Malta kollha warajha' - Etienne Micallef "Ilni nsegwi dan il-festival sa mill-1991 meta Malta reġgħet bdiet tieħu sehem. Nemmen li l-kanzunetta ta' Destiny hija dik li ilna nistennew biex inkunu qrib l-ewwel rebħa. Vuċi b'saħħitha, melodija mexxejja u tema attwali għalkemm għandha l-istess idea ta' 'Toy' li rebħet fl-2018. Fuq il-palk nixtieq nara spettaklu enerġetiku, li jkolli nammetti ma rajtux fl-ewwel provi li tat Destiny. Nemmen li hemm potenzjal kbir li mhux qed jintuża kollu. L-ingredjent ewlieni bla dubju hija l-vuċi ta' Destiny, imma l-ispettaklu importanti wkoll. Jekk nirbħu mhux se noħroġ inpaqpaq imma nifraħ ħafna għax jiena 'hardcore fan' tal-Eurovision u nsegwi kull selezzjoni li sseħħ fil-pajjiżi kollha minn Diċembru sa Marzu sakemm jintagħżlu l-kanzunetti kollha. Nieħu gost kieku wara bosta snin nospitaw il-konkors hawn Malta. Imma nżomm saqajja mal-art. Lil Destiny ngħidilha tieħu gost fuq dak il-palk għax din esperjenza li mhu se tinsa qatt. Hi diġà rebbieħa għax Malta kollha warajha. Nemmen li tista' tikklassika mal- ewwel ħamsa imma jekk dan ma jseħħx xorta nbassar karriera fertili għaliha. Importanti dawk it-tliet minuti biex tirbaħ qalb il-pubbliku. Awguri Destiny u Malta." 'Ċerta li se tagħti l-100% tiegħek! Jien nemmen ħafna fik' - Loredana Pace "Bla dubju ta' xejn, għalija Je Me Casse hija waħda mill-isbaħ kanzunetti li kellha Malta. Sinċerament jien naħseb li leħen Destiny huwa biżżejjed. Ovvjament id-dwal, l-enerġija taż-żfin u fatturi oħra huma importanti wkoll. Jiena nitla' kull sena. Żgur li jekk nirbħu se nibki bikja ta' vera għax mhux se nkun preżenti fis-sala. L-ewwel ħaġa ngħannaq tgħannieqa kbira lil sħabi li nsegwi l-Eurovision magħhom. Imbagħad carcade kbira u ndoqqu kemm nifilħu. Mhux neskludi lanqas li jtini xi ħass ħażin bl-eċitament li jaqbadni. Destiny hija tal-ġenn! Ibqa' kif inti u tinbidel għal Ħadd. Ċerta li se tagħti l-100% tiegħek! Jien nemmen ħafna fik. Nawguralek li ġġib it- trofew lejn Malta. Jekk ma jirnexxilekx, ma jkun ġara xejn għax ċerta li se tkun qed tagħti wirja spettakolari u tagħmilna kburin."