Illum previous editions

illum 4 january 2015

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/441182

Contents of this Issue

Navigation

Page 16 of 31

Il-Ħadd 04 ta' Jannar 2015 | illum 17 P luto hija l-aħħar pjaneta tas-sistema solari imma l-plutokrazija m'għandha xejn x'taqsam ma' Pluto. Plutokrazija tfisser li s-soċjetà hija dominata mis-sinjuri li jżommu l-poter f 'idejhom. Demokrazija mill- banda l-oħra, tfisser tmexxija mill- poplu u mhux mill-ftit, fejn m'hemmx l-awtokrata li jiddetta l-liġi. Bħall-iljunfant, hu aktar faċli tinduna li stat hu demokratiku milli tiddeskrivih. Hemm bosta parametri li jiddefinixxu stat bħala demokratiku: elezzjonijiet ħielsa għal rappreżentanti tal-poplu li jgħaddu l-liġijiet tal-pajjiż, ġudikatura indipendenti u imparzjali, stampa ħielsa u projbizzjoni ta' kwalunkwe forma ta' diskriminazzjoni fuq bażi ta' sess, razza, twemmin politiku eċċ. Imma jekk pajjiż ikollu dawn l-elementi kollha, huwa tassew demokratiku u kull ċittadin għandu l-istess ċans li javvanza ekonomikament? Għal żmien twil, il-kapitaliżmu u d-demokrazija kienu strettament kollegati: fi żmien il-gwerra bierda, id- dikotomija demokrazija/kapitaliżmu u autokrazija/kommuniżmu kienet ċara daqs il-kristall. Il-gwerra ideoloġika li kienet għaddejja kienet tpoġġi lil żewġ sistemi ekonomiċi fuq naħat differenti u għal ħafna fil-punent, kien ċar li hi s-sistema kapitalista li tiggarantixxi l-libertajiet personali li mdorrijin bihom f 'demokrazija. Meta s-sistema komunista kkollassat minħabba l-ineffiċjenzi ekonomiċi kbar li kellha, kien naturali li wieħed jassumi li m'hemmx alternattiva għas-sistema kapitalista u li din is-sistema biss setgħet tpoġġi fis-sod id-demokraziji li kienu qed jitwieldu fil-pajjiżi li kienu qed joħorġu mill-madmad komunista. Imma f 'dawn l-aħħar snin, rajna li dan mhuwiex minnu għal kollox: għandna l-eżempju ċarissimu taċ-Ċina u tal- Vjetnam li adottaw riformi radikali li rridimensjonaw l-intervenzjoniżmu tal- istat u ta libertà ekonomika kbira li fisser tkabbir ekonomiku kbir. Din l-espansjoni ekonomika refgħet il-popolazzjoni in ġenerali mill-faqar imma minoranza żgħira stagħniet b'mod inkredibbli mentri l-klassi politika dominanti fi ħdan il-partit komunista kompliet tikkapparra aktar privileġġi, ekonomiċi u mhux. Madankollu, il-klassi dominanti bl-ebda mod ma rħiet l-eġemonija tagħha u l-libertà ekonomika ma ġabitx magħha l-libertà politika li wieħed kien jistenna kieku verament il-kapitaliżmu hu l-prekursur tad-demokrazija jew imżewweġ magħha. Ir-realtà brutali hi li minoranza f 'saħħitha ekonomikament baqgħet tiddomina u l-maġġoranza għandha spazju limitat sabiex tesprimi ruħha politikament, speċjalment fir- rigward tal-kundizzjonijiet oppressivi ta' xogħol li l-ħaddiema jkollhom joqogħdu għalihom kif rajna anke hawn Malta fil- każ tal-Leisure Clothing. Effettivament, dawn il-pajjiżi huma plutokrazija kif inhi wkoll ir-Russja fejn il-plutokrati qrib ta' Putin u l-klikka tal-Kremlin dejjem jirnexxielhom jimmanipulaw il-proċess politiku sabiex Putin jew l-akkolta tiegħu, Medvedev jalternaw il-presidenza u l-kariga ta' Prim Ministru. Imma dawn huma pajjiżi li bl- aktar mod ċar mhumiex demokratiċi. Id- domanda l-aktar pertinenti hi jekk anke l-pajjiżi li huma meqjusin demokratiċi humiex ukoll effettivament plutokratiċi, fejn minoranza żgħira tal-popolazzjoni hijiex qiegħda tiddetjeni proporzjon dejjem akbar ta' riżorsi u ta' rikkezzi, fejn it-tendenza hi li jitnaqqas il-piż fiskali fuq l-aktar sinjur u jiżdied fuq min l-anqas jista'. Din it-tendenza aċċentwat ruħha bir-rivoluzzjoni ta' Thatcher u Reagan fid-dinja anglo-sassona fis-snin tmenin li ffavoriet il-privatizzazzjoni ta' bosta monopolji statali, anqas intaxxar dirett tal-klassijiet sinjuri u aktar intaxxar indirett li jolqot lil kulħadd irrispettivament mid-dħul jew l-istat finanzjarju tiegħu. Thatcher irrivitalizzat l-ekonomija moribonda Brittanika billi anke sfidat l-eġemonija tat-trade unions li ma aġġornawx ruħhom maż- żminijiet. Minbarra li sfidat lit-trade unions sfidat ukoll l-interessi korporativi li huma s-sangisugi tal-kapitaliżmu, dawk il-kummerċjanti, produtturi jew professjonisti li fid-deher iħaddnu s-sistema ta' kompetizzjoni ħielsa li hija l-aktar ħaġa fundamentali tal- kapitaliżmu, imma li fir-realtà jagħmlu minn kollox biex jimmanipulaw is-suq u jirrestrinġu l-kompetizzjoni. Thatcher kienet bint sid ta' ħanut tal-merċa u ma kellha l-ebda simpatija għal dawn is- sangisugi. Il-mudell tagħha ġie kkupjat fl-erbat irjieħ tad-dinja imma mhux kullimkien bl-istess suċċess: ftit jiswa li monopolju ma jibqax aktar f 'idejn il-Gvern sakemm jibqa' monopolju. Anzi, probabbilment, monopolju privat huwa agħar minn wieħed pubbliku. Barra minn hekk, is- sistema tas-suq ħieles ma tistax taħdem sew jekk ikun hemm kollużjoni bejn l-operaturi ekonomiċi jew dominazzjoni abużiva tas-suq li fiż-żewġ każi jagħti lok għall-manipulazzjoni tal-prezzijiet jew tariffi li suppost jiġu ffissati liberament mis-suq ħieles. It-Trattat tal-Unjoni Ewropea jipprovdi għall-kontroll ta' dawn l-abbużi u l-istati membri jridu jwaqqfu mekkaniżmi sabiex jissorveljaw kontra dawn il- manipulazzjonijiet abużivi tas-suq. Madankollu, il-każijiet ripetuti u ta' spiss ta' multi kbar fuq kumpaniji kbar, spiss multinazzjonali, juru li minkejja l-kontrolli kollha, l-operaturi ekonomiċi ma jirreżistux it-tentazzjoni li jippruvaw jagħmlu qligħ illeċitu a skapitu tal- konsumaturi. F'pajjiżna, tali mekkaniżmu suppost jeżisti wkoll imma frankament ftit nara evidenza tiegħu u ċerta deċiżjonijiet riċenti tal-gvern, speċjalment fir-rigward tal-iffissar tal-prezz tal-petrol u tad-dawl, imorru kontra l-mod kif suppost jaħdem ir-reġim regulatorja li suppost għandna. Dwar dan, nitkellmu aktar fil-futur qarib. Imma d-domanda l-importanti hi jekk minkejja l-qafas demokratiku u l-proċess elettorali, minkejja l-kontrolli tal-prattiċi abużivi tas-suq, minkejja r-reġimi regulatorji kollha li suppost jikkontrollaw l-eċċessi u d-distorzjonijiet tas-suq, id- demokraziji parlamentari fil-fatt huma plutokraziji ddominati minn minoranza żgħira li qiegħda dejjem iżżid is-saħħa ekonomika tagħha a skapitu tal-klassi medja u dik baxxa. Evidenza teżisti bil-bosta li l-inugwaljanzi ekonomiċi fid-dinja qegħdin dejjem jiżdiedu, li l-10% fil-quċċata tas-soċjetà mhux biss għandhom aktar ġid mill-50% fil-qiegħ imma li l-maġġoranza ta' dan il-ġid huwa kkonċentrat fil-1% ta' fuq nett. Dan intwera bl-aktar mod ċar fi ktieb riċenti ta' ekonomista Franċiż ta' tlieta u erbgħin sena li akkwista l-fama ta' stilla tar-rock, forsi anke minħabba l-aspett fiżiku deċiżament galliku tiegħu, Thomas Piketty. Il-ktieb ta' 700 paġna tiegħu, Kapital fis-seklu Wieħed u Għoxrin għamel suċċess tremend u tela' fil- quċċata tal-lista ta' kotba ta' Amazon u tan-New York Times meta ġie tradott u ppubblikat bl-Ingliż f 'Marzu li għadda. Ġie msejjaħ bħala ktieb seminali u ferm importanti minn ekonomisti famużi bħal Paul Krugman u fi ftit żmien ġie tradott f 'bosta lingwi oħra. Minkejja li sfortunatament ma tantx insib ħin naqra kotba, beħsiebni naqrah fix-xhur li ġejjin. Sentejn ilu, fit-2 ta' Diċembru 2012, kont ktibt hekk fir-rigward tal-baġitt għas-sena 2013: "Frankament, minkejja li personalment se nibbenefika, ma qbiltx li hu l-mument li l-Gvern inaqqas il-piż fiskali fuq min jaqla' bejn € 19,500 u € 60,000 u għaldaqstant, huwa f 'posizzjoni li jerfa' aktar. Fi żmien tliet snin, din il-faxxa ta' dħul se tibda tiġi ntaxxata bil- 25% minflok l-35% attwali. L-istess jista' jingħad fir-rigward tat-tneħħija tat-taxxa tas-suċċessjoni fuq it-trasferimenti bejn ġenituri u ulied għall-ewwel darba mill- 1919 'l hawn." Il-Gvern il-ġdid kompla fid-direzzjoni fiskali ta' dak ta' qablu minkejja li jiddikjara li hu soċjalista jew soċjal demokratiku u anke fl-aħħar baġit, il-piż fiskali fuq min hu sinjur kompla jitnaqqas mentri żdiedu t-taxxi indiretti li jridu jitħallsu minn kulħadd. Piketty għamel riċerka estensiva fuq perjodu ta' mitejn sena f 'diversi pajjiżi. Il- ktieb jargumenta li l-inugwaljanza mhix aċċident imma riżultat tal-kapitaliżmu u tista' titnaqqas biss bl-intervent tal-istat. Jisħaq li jekk il-kapitaliżmu mhux se jiġi riformat, l-istess ordni demokratika se tiġi mhedda. Piketty jargumenta li meta r-rata ta' tkabbir ekonomiku hija baxxa, it-tendenza hi li l-ġid jakkumula aktar malajr mill-imgħaxijiet, dħul minn kapital, kirjiet u qligħ kapitali milli mid- dħul tax-xogħol u l-ġid jakkumula l-aktar fl-10% u fil-1% ta' fuq tas-soċjetà. Din it-tendenza żżid l-inugwaljanza bejn il- klassijiet soċjali. Piketty jargumenta wkoll li t-tendenza għal aktar inugwaljanza ġiet riversjata bejn l-1930 u l-1975 minħabba xi ċirkostanzi partikolari bħalma kienu ż-żewġ Gwerer Dinjija, id-Dipressjoni l-Kbira u riċessjoni li qerdu ħafna ġid, partikolarment tal-klassi għolja. Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, ittieħdu passi sabiex il-ġid jiġi ridistribwit u t-tkabbir ekonomiku mgħaġġel naqqas l-importanza tal-ġid li jintiret. Imma llum id-dinja qiegħda terġa tirritorna għall-'kapitaliżmu patrimonjali' fejn l-ekonomija hija ddominata mill-ġid li jintiret u l-poter tal-werrieta qed jiżdied b'mod li qed joħloq oligarkija. Piketty jipprevedi li r-rata ta' tkabbir ekonomiku fid-dinja se tibqa' baxxa u għalhekk, m'hemmx tama li bil-politika attwali, l-inugwaljanza ser tonqos. Għaldaqstant, sabiex tonqos l-inugwaljanza, hu jipproponi taxxa globali progressiva fuq il-ġid sa 2% fis-sena u taxxa progressiva fuq id-dħul sa 80%. Il-ktieb ta' Piketty se jikkundizzjona l-ħsieb politiku għas-snin li ġejjin. Piketty jispjega b'mod empiriku dak li bosta minna ilna nissuspettaw: li l-ġid veru jrid jinħoloq bix-xogħol u bil-manifattura u mhux bl-inġinerija finanzjarja. Wieħed jara madwaru elementi li jikkonfermaw it-teżi ta' Piketty: minkejja t-tkabbir ekonomiku fl-Amerika ingrana s-sena l-oħra u n-numru ta' nies qiegħda naqas sew, il-partit ta' Obama laqqat tidwira fl- elezzjonijiet ta' Novembru. Wieħed jista' jispjega dan minħabba l-fatt li x-xogħol li qed jinħoloq mhux iħallas kif kienu jħallsu l-impjiegi qabel il-kriżi tal-2009. Min-naħa l-oħra, il-boroż finanzjarji Amerikani qegħdin dejjem jilħqu livell rekord li bl-ebda mod m'għandhom x'jaqsmu mat-tkabbir ekonomiku. Kif jipprevedi Piketty, il-flus qed isiru aktar bl-ispekulazzjoni finanzjarja milli bl- ekonomija reali. Sistema ekonomika li ma tindirizzax din l-istonatura tirriskja bil-kbir li timmina s-sistema politika bir-riżultat li d-demokrazija ssir plutokrazija fejn il-ftit jiddominaw il-kumplament tal- populazzjoni. Is-sentiment li xejn mhu ser jinbidel fis-soċjetà u l-apatija politika li tittraduċi ruħha f 'astensjoni elettorali jalimentaw l-aljenazzjoni tal-mases mill- proċess demokratiku u jsaħħu l-kontroll tal-klassi dominanti fuq is-soċjetà, liema kontroll mill-banda l-oħra jagħti lok għal aktar kapparriment tal-ġid u tar-riżorsi mill-ftit għad-detriment għall-ħafna. Segwini fuq Twitter @ellisjoseph jew fuq Facebook. Plu-to-kra-zi-ja JOE ELLIS Il-ktieb ta' Piketty se jikkundizzjona l-ħsieb politiku għas-snin li ġejjin

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 4 january 2015