Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/441182
16 illum | Il-Ħadd 04 ta' Jannar 2015 I r-Rumani kienu jgħidu li d-daħka u t-tbissima huma ruħ il-moħħ. In-nies li niżlu tajjeb fil-kotba tal-Istorja huma dawk li kienu jafu jidħku bihom infushom u b'dak li kienu jgħidu dwarhom anke jekk dak li jgħidu mhux minnu. Meta darba l-karikaturista Taljan Forattini pinġa lil Enrico Berlinguer qiegħed jagħmel pipì ma' siġra bil- qalziet imniżżel, xi ħadd tah parir li jagħmel libell għaliex kulħadd kien qiegħed jidħak bih. Berlinguer b'mod filosofiku wieġeb: "Naf. Meta rajtha anke jien dħakt!" Ovvjament il-libell m'għamlux. Għall-karikatura simili li dehret fil-MaltaToday, is-sena li għaddiet, Lino Farrugia, tal-FKNK, għamel libell! Fil-ħajja huwa importanti li tkun taf tidħak bik innifsek huwa importanti daqs li tkun sobriju meta tkun qiegħed titkellem dwar ħwejjeġ serji. Meta nħares lura lejn l-Istorja ta' pajjiżna nasal għall-konklużjoni li fl-imgħoddi bħal donnu kien hawn sens ta' attitudni pożittiva għal dawn l-affarijiet. Sa sebgħin sena ilu kienu jispikkaw il-gazzetti satiriċi. Biex erġajna introduċejna l-Karnival satiriku kellhom jgħaddu aktar minn seba' deċenji! Qisu fl-imgħoddi l-kritika kienet aktar aċċettabbli, mhux għaliex libelli ma kinux isiru! Iżda kien hemm aktar sens qawwi li l-kritika tkun aċċettata. Pereżempju ftit jafu għalfejn kien irriżenja Joseph Howard minn Prim Ministru. Kien għamel żjara l-Italja fejn fost oħrajn kien mistieden għall-pranzu. Ovvjament ma naqasx li jagħmel diskors dwar ir-relazzjonijiet tajbin bejn Malta u l-Italja. Diskors li jagħmel kull Prim Ministru meta jżur pajjiż barrani. Dakinhar il-Faxxiżmu ma kienx għadu refa' rasu bħal fl-aħħar żminijiet tiegħu. Kif Strickland sema' dwar dan id-diskors għamel xalata prima minn Howard bl-appoġġ, ovvjament, tal- istampa Ingliża. Howard ta' ġentlom li kien, flok qagħad jiddibatti u jippilla ma' Strickland iddikjara, li għalkemm għamel dak li kien jagħmel kull Prim Ministru għażel li jirriżenja biex ma jagħmilx ħsara lil pajjiżu. Ħaġa li tikkontrasta sewwa mal-kultura ta' attakkament għall-poter li rajna u nibqgħu naraw fi żminijietna. Għalhekk f 'atmosfera fejn kulħadd jieħu għalih il-pubblikazzjoni tal-ktieb ta' Tonio Borg dwar anedotti u avventuri ta' bosta politiċi, kien daqsxejn ta' żiffa f 'arja ta' riħ isfel. Kittieba t-tip ta' Herbert Ganado ma għadx għandna u hija ħasra. Il-kitba ta' Ganado hija teżor mhux biss ta' poplu li ra ħafna, iżda li jaf jidħak bih innifsu ukoll. Kwalità li sfortunatament qiegħda biż-żmien tispiċċa fix-xejn. Għalhekk biex inbdew is-sena t-tajba u bi tbissima xtaqt li anke jiena nirrakkonta tliet anedotti, tnejn minnhom meta kont qed nikkontesta l-elezzjonijiet mal-Alternattiva Demokratika u oħra meta kont bdejt nipproduċi u nippreżenta programmi ta' diskussjoni b'differenza fuq il-ONE TV. Fl-1992 ikkontestajt fuq il-Ħamrun mal-Alternattiva Demokratika. Kont qiegħed nagħmel iż-żjajjar bieb bieb. Darba minnhom fetaħli wieħed qsajjar u mbaċċaċ. Niftakar li kien liebes piġama tal-flanella irrigata u bil-qafla fuq quddiem. Kif lemaħni feraħ bil-kbir u beda jgħidli li jiftakarni żgħir u min jaf kemm tellagħni fuq spalltu. Assolutament ma stajtx niftakar min kien u kont ċert li ma' dan ir-raġel qatt ma kont iltqajt. Beda jistaqsini kif sejjer fil-kampanja u assigurani li kelli moħħi mistrieħ mill-vot tiegħu. F'mument minnhom talabni: "Dott, kif qiegħed hawn, tista' tagħmilli daqsxejn tal-pressjoni?" Jiena nblajt għaliex kien f 'dak il-mument li kkonfermajt li kien qiegħed jitfixkilni ma' xi ħaddieħor li x'aktarx kien tabib u tobba fuq dak id-distrett kien hemm kemm trid. Jiena weġibtu li kienet l-anqas ħaġa. Peress li kien hemm riħa ta' ikel, x'aktarx minestra, staqsejtu jekk kienx għadu kemm jiekol u weġibni fl-afferamattiv. Ħriġt minnha, billi għedtlu li kien ikun kollu għalxejn li neħodlu l-pressjoni għaliex wara l-ikel din togħla, sellimtlu u ħriġt niġri 'l barra. Waqt l-istess kampanja elettorali ħabbatt bieb il-Marsa. Fetħet waħda mgeżwra f 'fardal u kif ratni litteralment ġibditni 'l ġewwa mill-qmis u sabtet il-bieb warajha. Peress li kif jgħidu li f 'dawn iż-żjajjar tiltaqa' ma' kollox. Għal mument ħsibt ħażin. Qaltli li l-vot kienet se tagħtih lili. Qaltli wkoll li ma kellix għalfejn noqgħod inkompli nħabbat f 'dik it-triq għaliex mimlija b'nies ħodor "kontra tagħna." Qaltli biex inkompli sejjer hekk. F'mument wiċċha bħal donnu nbidel u b'rabja qaltli li ma kinitx tista' għal dawk il-ħodor tal- Alternattiva Demokratika. Bir-ragħwa f 'ħalqha ħalfet li allaħares kellu jiġi wieħed quddiemha għax tiżbranah! Dak il-ħin ħarist lejn il-bieb bi ħsieb wieħed biss f 'moħħi: dak li noħroġ niġri b'saqajja ma' sormi minn dik id-dar! Xi għaxar snin ilu kont nipproduċi sensiela televiżiva fuq ONE TV bl- isem ta' Monalisa. Kienet sensiela dwar nisa li tniżżlu fl-Istorja. Fost oħrajn għamilt wieħed dwar Mable Strickland. Kont nistieden li xi ħadd miegħi biex niddisukutu l-personalità. Kont naf li Alfred Sant kien jinteressa ruħu minn aspett storiku f 'Mable Strickland. Ġie għall-programm. Ftit qabel ma telaq b'dak is-sarkażmu tipiku tiegħu qalli: "Ibqa' sejjer hekk. Kompli agħmel programmi dwar in-nisa biss." B'sarkażmu jiena weġibtu: "Għandek raġun għaliex ma fadalx irġiel!" Alfred tbissem, għaliex kuntrarjament għal mod kif kienu jpinġuh, kien bniedem li jaf jieħu ċajta u jaf jidħak bih innifsu. Nittamaw li s-sena d-dieħla jkollha anqas gdiedem mis-sena li għaddiet u li nieħdu dak li hu taċ-ċajt b'anqas serjetà. Kif kienet l-għajta ta' gazzetta li kienet toħroġ tmenin sena ilu bl-isem ta' Il- Ħmar: "Ludendo Castigat Mores." TONI ABELA Ejjew nidħku ftit Enrico Berlinguer, politiku Taljan, ma kien fetaħ l-ebda libell u daħak bil-karikatura tiegħu stess Reporter dwar it-turiżmu f 'Malta Reporter jixxadar live għada t-Tnejn fid-8.40PM fuq TVM2 b'ripetizzjoni fl-21.55PM fuq TVM. Reporter hu t-tieni l-aktar programm ta' diskussjoni segwit fuq l-istazzjonijiet ta' TVM. It-turiżmu huwa settur essenzjali għal pajjiżna fejn matul l-aħħar xhur rajna riżultati nkoraġġanti. Reporter se jiddiskuti x'hemm iżjed x'jista' jsir f 'dan il- qasam u jistaqsi x'inhuma l-pjanijiet tal-gvern biex ikollna turiżmu sostenibbli u ta' kwalità? Jiddiskutu madwar il-mejda, Edward Zammit Lewis – Ministru tat-Turiżmu u Robert Arrigo – Deputat u kelliem Nazzjonalista għat-Turiżmu flimkien ma' Tony Zahra u Michael Zammit Tabona – Imprendituri fis-settur.