Illum previous editions

illum 26 March 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/803481

Contents of this Issue

Navigation

Page 12 of 35

Il-Ħadd 26 ta' Marzu 2017 | illum Intervista 13 mara li sal-lum għadu la jaf isimha u lanqas min kienet u waqfet tgħinu u ħadet ħsiebu, "sa ma Cheryl kompliet iċċempel u tgħajjat lill-pulizija biex ineħħu l-bagalji u lin-nies tal-emerġenza biex jiġu jiġbruni. Kienet qisha foreman tmexxi b'mod ħolistiku dak li kien qed jiġri madwarha. Sadanittant, il-mara li kienet qed tgħini kellha sleeping bag u għattietni għax jien tħallejt f 'kesħa kbira mal-art għal siegħa sħiħa u bdejt inbati bil-hypothermia." Fl-aħħar, lil Lorenzo ġabruh u sab ruħu f 'sala enormi, biex jiproċessaw eżatt x'kellu bżonn. "Waqt li kont hemm, erġajna rajna suldati jiġru bil- pistoli u jien bżajt li ġejjin jattakkawna u tlabt lil Cheryl biex terġa' terfgħani u teħodni f 'post sigur, għax la salvajt sa dak il-ħin ma ridtx immut. Cheryl irnexxielha twassalni sa wara skipp kbir tal-ħadid." Billi fl-istess waqt sar attakk fl- istazzjon Maelbeek, ambulanzi ma kienx hemm u għalhekk ittieħdu l-isptar militari f 'karozza tal-linja. "Kif wasalt hemm u rajt it-tobba u n-nurses li kienu tal-militar armati, infqajt nolfoq għax sa fl-aħħar ħassejtni 'safe'. Poġġewna f 'sala enormi b'sodod ħdejn xulxin. Għamluli CT scan u sabu li kelli ksur fi tliet vertebrae l-L1, l-L2 u l-L3. Tawni l-morfina biex ma nħossx l-uġigħ iżda qaluli wkoll li fortunatament mhux se nibqa' paralizzat, iżda se nibqa' nħoss l-uġigħ tagħhom għal diversi snin qabel ifiequ għal kollox. Fl-istess waqt, Cheryl marret it-toilet u rat xi demm u ppanikkjat. Iċċekkjawha u sabu li hi kienet kollox sew, għalkemm fuq it- tarbija ftit jew xejn interessahom għax l-importanti għalihom kienet l-omm." 'Erba' xhur wara, twieled Elija...' Minn hemm, b'ambulanza ttieħdu l-isptar ta' Aalst fejn Lorenzo qatta' jumejn fl-ITU għax beżgħu li seta' kellu xi internal bleeding wara li sabu li kellu wkoll tbenġila kbira fil-pulmun. "Kull kwarta kienu jiġu biex jaraw għadnix ħaj filwaqt li lil Cheryl poġġewha erbat ijiem fil-maternity ward. Wara erbat ijiem, irilaxxawna." Lorenzo qal li kienet esperjenza tat-tkexkix li biddlitilhom ħajjithom għalkemm qal ukoll li sab solidarjetà kbira mill-ħbieb, speċjalment mis- segretarju parlamentari Ian Borg li hu wkoll ħabib personali tiegħu. "Minn x'ħin kont mal-art sa ma wasalt l-isptar ma waqafx iċempilli u jkellimni u jagħmilli kuraġġ." Erba' xhur wara, twieled Elija, "l-aktar li kont ninkwieta kien li jista' jkollu problemi bis-smigħ billi hu kien f 'ġuf ommu meta seħħet l-isplużjoni. S'issa ma jidhirx li hu l-każ, anke jekk għadna m'aħniex ċerti għax għadu ċkejken wisq biex inkunu nafu sa meta jibda jikkomunika sew." 'Kulħadd iħares lejn il-ħsara fiżika fi traġedji bħal dawn u ħadd ma jaħseb fil-ħsara psikoloġika li trid tgħix biha' Ta' min ikun jaf li fl-ajruport dakinhar kien hemm mas-17-il vittma li tilfu ħajjithom u 14 minnhom kienu wara Lorenzo u Cheryl. "Ta warajja eżatt, weġġa' f 'dahru bħali u ħaraq wiċċu, u ta' warajh salva iżda martu mietet. U hawn terġa' tiftakar li kieku wasalt ftit minuti tard aħna konna nkunu flok dak li tilef lil martu u li kieku wasal minuta kmieni hu, kieku martu għadha ħajja. "'What if?'...ħsieb li kultant iġenninni." Sena wara, Lorenzo jidher li m'għandu l-ebda problemi fiżikament, "Kulħadd iħares lejn il-ħsara fiżika fi traġedji bħal dawn u ħadd ma jaħseb fil-ħsara mentali, fil-ħsara psikoloġika li trid tgħix biha. Jien għadni għaddej bit- terapija psikoloġika fejn ġejt 'diagnosed' bil-'post traumatic disorder' li jbatu biha s-suldati wara li jirritornaw mill-gwerra. Kontinwament għandi 'flashbacks' ta' dak li ġara. Ġieli nkun miexi fit-trieq u jiġu l-flashes. Inbati minn over diligence li bażikament jekk timxi fit-triq, ngħejja għaliex irrid nara kull min ġej, min hemm warajja, min hemm maġenbi u min hemm quddiemi. U ma nafx għalfejn nagħmel hekk, għax terrorista jista' jkun ta' kull kulur u kull razza, iżda int dejjem trid tħossok sigur fit-triq. U għadni għaddej bit-terapija. Meta jkun hemm attentat bħal ta' Londra, jerġa' jitfgħek lura għal dak il-mument. Attakk li affetwani ħafna kien l-attakk fl-ajruport tat-Turkija li tefgħani fil- punt tat-tluq." Hu fattur ukoll li sew Lorenzo kif ukoll Cheryl naqqsu ħafna milli jiġu Malta għax huma jkollhom bżonn psikologu magħhom sa ma jirkbu l-ajruplan, "waqt iċ-check in, nagħti dahri lejn il-bank u n-nies ta' quddiemi jiċċassaw lejja għax nagħti dahri lejn id-desk waqt li ħdejja jkun hemm persuna li jkollha miktub b'ittri kbar 'PSIKOLOGU'. Imma nkun irrid nara jekk hemmx xi ħadd se jagħmel xi bomba." 'Ma tistax tittimbra komunità sħiħa bħala terroristi minħabba erba' mġienen' Staqsejtu wkoll kif iħares lejn l-komunità Għarbija fi Brussell, 'l-estremiżmu dejjem ħażin u trid tagħmel distinzjoni bejnhom u bejn il- komunità Musulmana li hawn il-Belġju għax huma, anke Musulmani qatlu fl-attakk terroristiku li wettqu. Ma tistax tittimbra komunità sħiħa bħala terroristi minħabba erba' mġienen li interpretaw il-kelma tal-profeta tagħhom b'mod fundementalist." Lorenzo rrakkonta wkoll kif tlett ijiem ilu kien hemm kommemorazzjoni ta' dan l-attakk terroristiku u ħalla l-karozza tiegħu l-ajruport fejn qabad taxi biex imur għaliha. Fi Brussell, kważi x-xufiera tat-taxis kollha huma Marokkini u s-sewwieq staqsieh x'sejjer jagħmel l-ajruport u meta qallu li hu kien wieħed mill-vittmi, dan beda jiskuża ruħu f 'isem il-Musulmani kollha. Lorenzo qal ukoll li minn dak iż- żmien, huma ma baqgħux jużaw il-metro għax dak li sploda Maelbeek kien l-istess wieħed li hu kien juża biex imur ix-xogħol meta kien jaħdem mal- Kummissjoni Ewropea u kultant, kienet tużah anke Cheryl. Staqsejtu jekk il-fatt li qed jirrakonta l-istorja hux qed tiftaħlu l-ferita, "le, jien anzi nħossha terapewtika li nitkellem fuqha għall-kuntrarju tal-mara tiegħi, għax l-ebda żewġ persuni ma jesperjenzaw l-istess ħaġa bl-istess mod. Il-mara ddeċidiet li ma titkellimx fuq din l-esperjenza, almenu s'issa." 'Fit-terroriżmu stajt nara l-ġmiel tal- umanità' Lorenzo ħass li kellu jagħmel eloġju lil martu fejn qal li hu ħabbha għax minn dejjem kienet mara ta' kuraġġ u ta' karattru sod. "F'mument bħal dak, nibqa' nafhulha ħajjitha kollha għax qatt ma ssopponejt li se tagħmel dak li għamlet miegħi. Qatt m'għidtilha iżda għalija Cheryl hi eroj li ħadd ma jsemmi, bil-mod kif bdiet tireaġixxi dakinhar. Bħal dik il-mara li ħadet ħsiebi u ħadd ma jaf min hi. Fit- terroriżmu stajt nara l-ġmiel tal- umanità bħal dawn li ħadu ħsiebi u oħrajn li ħadu ħsieb lil ħaddieħor." Lorenzo temm l-intervista billi qal li ibnu tah sinnifikat ġdid għall- ħajja, "għax wara attakk terroristiku, il-perspettiva tiegħek lejn il-ħajja tinbidel u tibda tibża' għax jien ma ridtx dinja bħal din biex inġib lil ibni fiha. Meta nħares lejn it-tifel, jagħtini perspettiva pożittiva tal-ħajja u rrid intellgħu b'valuri sodi li jaċċetta d-diversità u li ma jaqax għan-nasba tal-estremisti. Nemmen li s-soluzzjoni hi l-integrazzjoni u mhux il-ghettos. Illum kull meta narah, ngħożż kull minuta li nqatta' miegħu u meta nkun ħiereġ mid-dar, inbusu u ngħannqu daqslikieku se nbusu u ngħannqu l-aħħar darba għax daqshekk kont viċin il-mewt. Għax f 'inċidenti bħal dawn, tibda taħseb x'kienu l-aħħar kliem li għidt lil marti, lil missieri, lil ħuti jew lil ommi. Tibda tgħożż kull mument." aktar tard, illum mejjet' Ritratt: Ray Attard Lorenzo Vella

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 26 March 2017