Illum previous editions

illum 23 April 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/814536

Contents of this Issue

Navigation

Page 11 of 35

illum | Il-Ħadd 23 ta' April 2017 Intervista 12 Il-Malti madwar id-dinja...bejn cruiseliners H ekk kif jibda jisħon it-temp u jibda riesaq is-sajf, l-istaġun sinonimu mal- vaganzi, mhux biss f 'pajjiżna iżda anke lil hinn, kulħadd jibda jara kif se jkun qed iqatta' xi ġimgħa jew iktar f 'xi destinazzjoni differenti. Koppji, familji u gruppi ta' ħbieb jibdew minn ħafna qabel jaraw u jiddeċiedu fejn se jkun dak il- pajjiż li se jkunu qed jerħulha lejh biex iqattgħu jiem ta' mistrieħ. Iżda kemm huma avventurużi l-Maltin fl-għażliet tagħhom dwar is-safar? Kemm għadu popolari l-perjodu tas-sajf għall-vaganzi u kif qed jinbidlu x-xejriet tal-Maltin fejn jidħlu l-vaganzi tagħhom? L-aġenziji tal-ivvjaġġar kif ġew impattati bil-fenomenu tal-booking online? Għaldaqstant, il-gazzetta ILLUM iltaqgħet ma' Yasmin Hamilton, waħda mid-diretturi ta' kumpanija ewlenija tal-ivvjaġġar f 'pajjiżna li tkellmet dwar il-Maltin u t-tendenzi tas-safar tagħhom. Il-mewt tat-tours jew il-ħolqien ta' tours speċjalizzati? Matul is-snin, speċjalment fil-passat riċenti, wieħed seta' jinnota kemm sar tibdil fil-mod ta' kif persuna tagħmel il-booking tagħha għal vaganza u anke tad- destinazzjonijiet li l-Maltin iħobbu jagħżlu. Yasmin tgħidilna kif dawn it-tendenzi nbidlu ħafna maż-żminijiet u ssemmi kif fil- passat, mhux neċessarjament dak imbiegħed, in-nies kienu jaraw il-katalgu tal-aġenzija tal-ivvjaġġar, bi programm diġà maħdum u lest għall-ġranet tal-vaganza. "Illum il-ġurnata, issib ħafna persuni li jkunu jridu jiddevjaw mit-tour tradizzjonali u jżidu u jnaqqsu attivitajiet partikolari skont il- preferenzi tagħhom. Fil-fatt, ħafna nies jagħżlu li jibbukjaw il-vjaġġ tagħhom lil hinn mit-tour iżda xorta waħda permezz tal-aġenzija," tibda tgħid Hamilton. Rigward it-tours, Yasmin tgħid li fil-maġġoranza tagħhom, il-Maltin li tradizzjonalment jiddeċiedu li jmorru fuq tour bħala vaganza organizzata, ġeneralment ikunu persuni li huma iktar avvanzati fl-età jew inkella familji bit- tfal żgħar, partikolarment lejn destinazzjonijiet immirati għall- familja, bħal theme parks. Dan jista' jkun minħabba li f 'tour, kollox ikun ippjanat bil-lest u organizzat sabiex il-persuni jkollhom l-inqas ammont ta' skariġġ u tħabbil il- moħħ qabel il-vaganza tagħhom. Minkejja dan, Yasmin sostniet kif għalkemm hemm dawn it-tendenzi, xorta waħda jiddependi ħafna mid-destinazzjoni partikolari. Tgħid kif minkejja li t-tours huma partikolarment popolari ma' gruppi ta' etajiet partikolari, ikunu wkoll għadd ta' żgħażagħ li jibbukjaw tour, jekk id-destinazzjoni tkun xi waħda partikolari, bħalma kienu l-gżejjer Griegi ftit tas-snin ilu, meta kienu jgawdu popolarità kbira. 'It-tours jagħtu iktar serħan il- moħħ' Bl-introduzzjoni ta' mezzi ġodda ta' booking, kemm online u anke apps fil-mobile, li wieħed jibbukja safra, inkluża bit-titjira, lukanda, trasport u attivitajiet tul il-vaganza, sar faċli iktar minn qatt qabel. Għaldaqstant, wieħed jista' jargumenta kif dawn il- metodi l-ġodda, fil-fatt qegħdin jieħdu post dak li darba kien jagħmel esklussivament l-aġent tal-ivvjaġġar. Hawnhekk, Yasmin tirrikonoxxi li nħass l-effett ta' dan hekk kif xogħol li qabel kien jagħmel kważi esklussivament aġent tal-ivvjaġġar, issa jista' faċilment isir online, u fil-fatt tgħid li, "ma rridux nilludu ruħna li ma kienx inħass tibdil, partikolarment f 'destinazzjonijiet fl-Ewropa, iżda wieħed irid jipprova jara kif jista' jadatta għall-bidliet." Fil-fatt, aċċennat għal tipi speċifiċi ta' gruppi u tours li saru jagħżlu l-aġenziji ta' vjaġġar għas-safra tagħhom. Issemmi fost l-oħrajn tours organizzati sabiex gruppi jmorru jaraw logħob tal-futbol tat-timijiet favoriti tagħhom, u anke gruppi ta' nies li jmorru barra mill-pajjiż sabiex jaraw xi kunċert ta' xi kantant favorit. Għaldaqstant, hawnhekk issemmi kif il-kumpaniji tal-ivvjaġġar kellhom jaraw x'kienet id-domanda u addattaw dak li kienu qegħdin joffru lill-klijenti. "Meta wieħed jagħżel li jmur ma' tour, partikolarment f 'tours ta' logħob tal-futbol jew kunċerti, tkun tista' sserraħ rasek iktar fejn jidħlu garanzija ta' biljetti, partikolarment f 'avvenimenti li jistgħu jkunu iktar diffiċli biex takkwistahom," sostniet Hamilton, li żiedet tgħid kif meta jkollok tour leader miegħek, il- vaganza tkun iktar faċli għaliex taf li jekk se tinqala' xi problema, hemm it-tour leader li jkun lest sabiex jipprova jgħin. Minkejja d-diffikultajiet bit-tours, Hamilton issostni li għad hemm sezzjoni mdaqqsa ta' nies li xorta waħda għadhom jagħżlu t-tours bħala metodu ta' kif jibbukjaw is- safra tagħhom minħabba li jagħtu valur lill-kuntatt dirett ma' persuna meta qed jagħmlu l-booking tagħhom, li tkun qed tismagħhom u taddattalhom il-vaganza skont il- bżonnijiet u l-preferenzi tagħhom. L-Ażja u l-pajjiżi eżotiċi... Fis-snin iktar riċenti, partikolarment meta l-ivvjaġġar sar ferm iktar aċċessibbli għal bosta nies, għall-Maltin, l-Ewropa saret iktar faċli sabiex iddurha. Fil-fatt, Yasmin tgħid kif ħafna huma dawk il-persuni li jmorru fl-aġenzija tal-ivvjaġġar, u meta jibdew jaraw fejn se jagħżlu bħala vaganza, jaraw li kemm jista' jkun imorru pajjiż li qatt ma marru fih qabel. Għaldaqstant, tgħid kif il-firxa ta' pajjiżi fejn dawn jagħżlu li jmorru, qiegħda kulma tmur dejjem tikber. Tkompli tgħid kif fil-fatt, meta jidħlu pajjiżi iktar imbiegħda mill- Ewropa, ħafna Maltin jiddeċiedu li jfasslu l-vaganza tagħhom ma' u permezz tal-aġenzija tal-ivvjaġġar, minħabba li din tipprovdi iktar sigurtà u għajnuna fil-vjaġġ stess. Minkejja li forsi wieħed ikun taħt l-impressjoni li pajjiżi iktar imbiegħda minn Malta bħal dawk fl-Ażja huma iktar imfittxija minn ġenerazzjoni ta' nies żagħżugħa, dan mhux neċessarjament dejjem ikun il-każ, kif spjegat Yasmin Hamilton fejn qalet li fil-fiera ddedikata għall-ivjaġġar ta' din is-sena, kien hemm għadd ta' domandi u rikjesti għal vjaġġi li jmorru ferm lil hinn mill-kontinent Ewropew minn gruppi differenti ta' nies. "Tant ikunu daru l-Ewropa u qishom xebgħu bl-istess affarijiet, li jridu jmorru xi mkien totalment differenti," tispjega Hamilton. 'Il-Maltin saru jħallu għall-aħħar' Yasmin titkellem ukoll dwar iż- żmien li l-Maltin saru jħallu qabel ma jmorru għall-vjaġġ tagħhom. Fil-fatt, meta mqabbel maż-żmien li familja jew grupp kien ikun ilu jippjana, jaħseb u jiddeċiedi dwar safra minn xhur twal qabel, u fil-fatt jagħmel il-booking tiegħu, illum il-ġurnata dan m'għadux il-każ. Hamilton tgħid li fiż-żmien riċenti, il-Maltin ma baqgħux jibbukjaw minn ferm qabel, iżda saru jħallu kollox għall-aħħar. Tgħid kif dan huwa problematiku anke għall-aġenzija tal-ivvjaġġar għaliex fejn is-soltu jkunu jistgħu jippjanaw minn qabel u jagħmlu l-arranġamenti neċessarji, anke mal-kumpaniji tal-ajru, qed ikollhom effetti negattivi fuq il- kumpaniji tal-ivvjaġġar minħabba li dawn xorta waħda jkollhom iħallsu dawk il-postijiet li ma jkunux imtlew. "Bħalissa hawn din it-trend li n-nies jibbukjaw fl-aħħar, u dan ipoġġina fi żvantaġġ kbir lilna għaliex aħna, min-naħa tagħha bħala aġenzija tal-ivvjaġġar ikollna d-deadlines tagħna. Per eżempju dwar titjiriet, aħna nkunu rridu ninfurmaw lil-linja tal-ajru minn tliet xhur qabel bl-ammont ta' nies li se nkunu qed nieħdu. Il-problema hi li ġieli, lanqas biss ikun għadu fetaħ it-tour," tgħid Hamilton, waqt li tgħid li possibbilment in-nies jippruvaw ifittxu prezzijiet iktar vantaġġjużi u jħallu għall-aħħar bit-tama li l-aġenziji jraħħsu l-prezzijiet tagħhom. 'Bil-cruises inbidlet id-dinamika tal-ivjaġġar tal-Maltin' Ir-realtà u faċilità li wieħed imur għal vaganza fuq il-baħar permezz ta' cruise liner inbidlet sostanzjalment fis-snin riċenti. Dan għaliex jekk wieħed jagħti ħarsa lura lejn ix-xena ta' vjaġġi bil-cruises madwar 10 snin ilu jew ftit iktar, wieħed isib li kien ikollu jaqbad ajruplan, u jaqbad il-cruise liner minn xi port ieħor 'il bogħod mill-pajjiż. Minkejja dan, numru ta' snin ilu ġew introdotti l-cruises li jitilqu minn Malta stess. Fi kliem Hamilton, dan kien suċċess kbir fost sezzjonijiet differenti ta' persuni, mhux biss fost dawk li jkunu ta' ċerta età kif forsi hemm l-impressjoni. Fil-fatt tgħid li dan it-tip ta' vjaġġar huwa popolari ferm u hu saħansitra l-għażla tal- koppji miżżewġin frisk għall-qamar il-għasel tagħhom. Dan is-settur jidher li qed iħalli ħafna frott, mhux biss fl-ammont ta' Maltin li qed jagħżlu dan il-mod ta' vjaġġar iżda iktar minn hekk, fin-numru ta' turisti li qed iżuru pajjiżna permezz tal-wasla ta' diversi cruise liners fil-pajjiż. Yasmin Hamilton tgħid kif bl-introduzzjoni tal-cruises, prattikament inħoloq settur ġdid Iktar riċenti qegħdin naraw in-numru ta' nies li jttxu l-avventura u d-destinazzjonijiet iktar eċitanti qed jiżdied " " Veronica Lynn Mizzi vmizzi@mediatoday.com.mt

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 23 April 2017