Illum previous editions

illum 23 April 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/814536

Contents of this Issue

Navigation

Page 3 of 35

Aħbarijiet 4 illum | Il-Ħadd 23 ta' April 2017 Tkompli minn paġna 3 Daphne toħroġ provi ċari li Egrant ta' Michelle L-ewwel xenarju huwa dak li fih, il-blogger Daphne Caruana Galizia tippubblika provi li ma jħallu ebda dubju li l-allegazzjonijiet tagħha dwar Egrant huma veri. Jekk Caruana Galizia, tippubblika provi ċari, inekwivoki u li ma jħallu ebda dubju li a) Michelle Muscat għandha ishma jew hija is-sid tal-kumpanija Egrant u b) li fil-fatt għaddew flus permezz ta' tranżazzjonijiet mill-kumpanija Egrant, il-Partit Laburista jaqla' daqqa politika kbira. Bi provi ċari u provi ċari biss, il-Prim Ministru Joseph Muscat se jkun qed jiġi muri bħala politiku li ma jgħidx il-verità. Din, jiġifieri l-gidba, tista' tkun aktar ta' ħsara politikament milli fil-fatt tkun l-allegazzjoni, jekk pruvata, li mart il-PM għandha kumpanija fil-Panama. Din tkun daqqa politika kbira għal Muscat, l-aktar fost il-floating voters u votanti li mhumiex marbutin ma' partit. Provi ċari li ma jħallu ebda dubju, mhux konġetturi, jistgħu jitfgħu r-rebħa li tant nies kienu jaħsbu li se tkun tal-Partit Laburista f 'periklu mill-aktar serju. Fuq in-naħa l-oħra tal-ispettru politiku, il-Partit Nazzjonalista jkun għamel kisba politika kbira, fis-sens li jkun irnexxielu jipperikola serjament il-maġġoranza li kiseb il-PL fl-2013. Naturalment, l-akbar rebbieħa f 'dan ix-xenarju tkun Daphne Caruana Galizia, għax il-provi jagħtuha spinta qawwija u jsaħħulha jdejha b'mod inkredibbli fil-PN. Il-ġimgħa ta' Egrant – Ħames xenarji Tajjeb jew ħażin, l-allegazzjonijiet ta' Caruana Galizia se jiddeterminaw ix-xenarju politiku lokali fl-immedjat. Naturalment, il-fatt li s'issa għad m'hemm xejn iktar minn allegazzjonijiet ifisser li s-sitwazzjoni hija waħda fluwida ħafna u wieħed jista' jikkunsidra diversi xenarji possibbli li jistgħu jseħħu minn issa sal-elezzjoni. Issa li nfetħu beraħ il-bibien tal-battalja elettorali, kull kelma, kull mossa, kull biċċa informazzjoni u kull stqarrija pubblika se jkollha effett fuq l-opinjoni pubblika kif ukoll fuq ir-riżultat finali f 'elezzjoni ġenerali. L-ILLUM tagħti ħarsa lejn ħames xenarji politiċi differenti u l-effett politiku ta' kull waħda minn dawn fuq il-PN, il-PL u l-individwi li b'xi mod jew ieħor huma marbutin ma' din il-kwistjoni kollha.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 23 April 2017