Illum previous editions

illum 23 April 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/814536

Contents of this Issue

Navigation

Page 20 of 35

Il-Ħadd 23 ta' April 2017 | illum Editorjal ILLUM, MEDIATODAY LTD, VJAL IRRIĦAN, SAN ĠWANN SĠN 9016 Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075 Ittri u Kummenti, Imejl: illum@mediatoday.com.mt Jalla s-sewwa jirbaħ żgur G ħalkemm l-elezzjoni hija l-qrib, tant li jidher li hija possibilità li din saħansitra ssir qabel is-sajf, it-temperatura politika splodiet din il-ġimgħa bil- blogger Daphne Caruana Galizia tallega li għandha informazzjoni li Egrant hija ta' Michelle Muscat. Għamel min għamel l-allegazzjoni, din hija gravissima. Gravissima, qabel kollox, għax jekk vera, joħorġu lill-Prim Ministru ta' giddieb. Imma ejja nibdew biċċa, biċċa. L-ewwel nett, qajmu kemm qajmu furur dawn l-allegazzjonijiet, se jibqgħu allegazzjonijiet sakemm ma jkunux pruvati li huma iktar minn hekk. Caruana Galizia donnha ħaditha ftit bi kbira li kien hemm u hawn min qed jistaqsi għall-provi. Forsi, fil- każ ta' dawn l-allegazzjonijiet iktar minn kull allegazzjoni li qatt setgħet saret minnha stess, hemm bżonn urġenti ta' dokumentazzjoni u provi ċari li jirriflettu l-gravità tal-allegazzjoni u l-implikazzjonijiet tagħhom. Żewġ persuni bil-bagalji f 'idejhom mhix prova. Dokument ikkupjat f 'artiklu, mhux prova. Prova tmur lil hinn minn hekk. Prova turi tranżazzjonijiet lejn il-kont Egrant. Dik tkun prova ċara, għax ma jkun jista' jmeriha ħadd. Prova ċara tkun dokument awtentiku li juri li mart il-PM fil-fatt hija sid il-kumpanija Egrant. Lil hinn mill-provi, se jkun hemm min jgħid li l-kelma ta' Caruana Galizia għandha titwemmen għax kienet hi li kixfet il-fatt li l-Ministru Mizzi u Keith Schembri kellhom kont fil-Panama. Dan huwa minnu u mingħajr dubju, dik kienet kisba ġurnalistika għall-istess blogger. Imma Caruana Galizia ma bdietx mal- Panama Papers lanqas. Kienet hemm qabel l-elezzjoni tal-2013 u kien hemm stejjer fejn kellha raġun, imma kellha 'stejjer' oħrajn li l-unika raġuni li ppubblikathom kienu biex iħammġu u jikkalunjaw lin-nies mingħajr provi. Imma, provi jew le, fir- realtà, Caruana Galizia tirbaħ tista' minn din l-istorja kollha. Kif għidna fl-analiżi (ara paġni 3, 4 u 5), din l-artikolista għandha bażi leali ta' qarrejja li se jemmnuha, provi jew le. Mhux l-istess jista' jingħad għall-Partit Nazzjonalista. Għall-PN, dawn l-allegazzjonijiet jaqbel li jkunu minnhom u jkunu ppruvati. S'issa, mid-dubji serji li qed jitfgħu fuq l-inkjesta Maġisterjali, ma tantx jidher li l-PN huwa kunfidenti li quddiem il- Qorti, suprema u awtonoma, se jinstabu provi li jagħtuh raġun. Għall-benefiċċju politiku tiegħu, ikun jaqbel li le. Għax jekk provi ma jinstabux, imbagħad x'se jgħid il-PN? Temmnux il-Qorti imma emmnu lilna? Emmnu li f 'dawk il-bagalji kien hemm il-files u temmnux li dan il-bank, bħal kull bank ieħor jagħmel tranżazzjonijiet b'sistema elettronika? Temmnu lil ħadd u eleġġu lilna ħalli nagħmlu ġustizzja? U kieku nemmnu li vera sar 'tbagħbis' tal-provi, kif se ssir ġustizzja? Kif se jitreġgħu lura dawn il-files, li suppost għosfru f 'dawk il-famużi bagalji? Għalhekk qed issir din l-inkjesta, u l-fatt li Caruana Galizia ddeċidiet li ma tridx tidher quddiem l-inkjesta fejn tkun obbligata turi l-provi u li Simon Busuttil donnu qed jidher skomdu jagħmel il-'prova' ta' Caruana Galizia tiegħu, ma tantx jawgura tajjeb. Imbagħad hemm il-Prim Ministru u l-Gvern Laburista. Għidnieha darba, darbtejn minn dan l-editorjal u se nibqgħu ngħiduha. Il-każ tal- Panama mhux se jitħassar, bl- ebda ammont ta' xogħol tajjeb li jsir minn Ministri oħrajn, bl-ebda ammont ta' żmien li jgħaddi. Kellu raġun Muscat jgħid fuq Xarabank li ħafna nies ma qablux miegħu u mal-azzjoni li ħa fil-konfront ta' Kontad Mizzi. Fost dawk, hemm dan l-editorjal. Il-fatt li Muscat ma kienx deċiżiv biżżejjed mal- Ministru Mizzi, li lanqas biss kellu d-diċenza jitlaq minn jeddu, illum qed tilgħab f 'idejn l-Oppożizzjoni. Illum, il-fatt li Muscat ma kienx iebes biżżejjed u deċiżiv biżżejjed dakinhar, qed tintuża bħala għodda biex l-Oppożizzjoni takkuża lil Muscat ukoll. Il-każ Panama għadu ma ngħalaqx u se jibqa' jiġri wara Muscat bħal fatat, jirbaħ jew jitlef l-elezzjoni. U l-ġid li nħoloq matul dawn is-snin u l-liġijiet li ddaħħlu u l-progress li sar, jista' jaqbad u jagħmlu karta li timsaħ biha għax in-nies jibqgħu jiftakru dan il-każ u dan il-każ biss, jekk ma jingħalaqx. Jekk fil-fatt Caruana Galizia għandha raġun u għandha l-provi, u jekk il-Qorti ssib li Egrant verament kienet ta' Michelle Muscat u huwa vera li għaddew miljuni lejn dan il-kont, mela allura nkunu qed inħarsu lejn daqqa fatali, kemm għal Muscat u anke għall-Partit Laburista. Dan huwa żmien iebes ħafna għall-Partit Laburista u għal Muscat. Imma għadu kmieni u l-istorja għad trid tiżvolġi, ħafna u ħafna iktar. Li hu ċert huwa li xi ħadd se jkollu jwarrab jew idendel rasu 'l isfel bil-mistħija. Issa jew se jkun il-Prim Ministru għax joħroġ ta' giddieb, jew inkella Busuttil għax ikun emmen u rabat il-karru tiegħu ma' gidba. Jiġri x'jiġri, jalla s-sewwa jirbaħ żgur. Editur: Albert Gauci Cunningham 21

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 23 April 2017