Illum previous editions

illum 7 May 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/820806

Contents of this Issue

Navigation

Page 22 of 35

Il-Ħadd 07 ta' Mejju 2017 | illum 23 Rakkont "NANN.....? " In-nanna kienet qiegħda eżatt maġenb it-tieqa tal-kmajra umduża, taqra l-ġurnal tat-talb bil-paġni mikulin minn taħt l-ilsien. Il-kitla tal-misħun kienet ilha xi kwarta ssaffar iżda n-nanna tant kemm kienet medhija fil-ktieb, li lanqas biss kienet qiegħda tagħti kasha. Kien sebaħ jum ieħor. Suppost kienet diġà lesta għall-iskola. Iżda n-nanna kienet xjaħet wisq. Dan l-aħħar lanqas kienet għadha tiflaħ twassalha sal-karozza tal-linja għax kienet saret tgħejja wisq. "Nanna?" reġgħet għajtitilha Caroline, li kienet liebsa l-uniformi tal-iskola bil-lest. Il-qmis kienet nofsha 'l barra minn taħt id-dublett, għax hi ma kinitx taf tilbisha sew u nannitha bilkemm kienet għadha tara. Għajnejha kienet għarrqithom fuq dak il-ktejjeb iċ-ċkejken tat- talb. Kienet diġà sejħitilha xi ħames darbiet oħra iżda nannitha kienet saret tinsa wkoll. Kien propju dak il-ħin li tatha daqqa t'għajn ħafifa, in-nuċċali li kien fil-ponta ta' mneħirha jiżżerżaq ftit 'l isfel għal fuq il-ktejjeb ta' quddiemha. "Ara xi ġrali minħabba fik!" gergret in-nanna. Caroline ħadet nifs twil, qamet bilwieqfa u marret fil- kċina titfi l-kitla kif kienet taf hi. "Qatt ma tħallini nagħmel xejn......" kompliet tgerger nannitha hekk kif qamet minn fuq is-siġġu u marret tagħmel żewġ kikkri te. "Issa trid tibda titgħallem....." Caroline ħarset lejn nannitha u ggustatha. Għalkemm ftit li xejn kienet tkellimha, din kienet l-unika persuna li kellha f 'ħajjitha. Ommha u missierha kienu ħallewha f 'inċident tat- traffiku, meta hi kienet għadha tarbija u nannitha kienet ġabitha hawn f 'dawn iż-żewġt ikmamar, toqgħod magħha. Illum, Caroline kellha sitt snin skorruti. "Nann......ilbieraħ jien u ġejja mill-iskola fuq il- karozza tal-linja, rajt raġel liebes kowt iswed u kappell." "Allura?" staqsietha nannitha tħares lejha b'suspett. Ma kellhiex aptit priedki u ħafna paroli. Dawk il-kliem żgħar tal-ktejjeb donnhom kienu weġġgħulha rasha. "Kien qed iħares lejja." Semgħet lil nannitha tisgħol u tidħaq fl-istess ħin. "L-għajnejn għalhekk qegħdin binti......" "Imma dan....." In-nanna kompliet tidħaq waħedha. Caroline ħassitha tinkwieta kif nannitha ma kinitx qiegħda tifhimha. Dan ir-raġel kien qagħad iħares lejha triq sħiħa u kienet beżgħet minnu. Caroline baxxiet rasha u għalqet ħalqha. Kienet diġà qaltilha kemm-il darba. Iżda nannitha kienet insiet. Ħadu t-te fis-skiet. Iż- żgħira qabdet il-basket tal-iskola, libset iż-żarbun u eżatt malli waslet maġenb il-bieb ta' barra, tat ħarsa ħafifa lejn nannitha li kienet reġgħet sabet postha fuq is-siġġu maġenb it-tieqa, bl- istess ktejjeb f 'idha. "Tkellimx stranġieri, Caroline," qaltilha nannitha b'vuċi soda. Għalkemm kienet taf li nannitha ma kinitx ratha, għamlitilha iva b'rasha u telqet tiġri 'l barra mid- dar, tħaffef lejn l-istejġ fejn kienet tgħaddi l-karozza tal- linja għaliha. Xħin ix-xarabank tfaċċat, Caroline poġġiet bilqiegħda fuq quddiem nett, donnha tibża' tħares lura għax tara lilu hemm. Ma ħarsitx. Anzi, żammet rasha dritta 'l quddiem taparsi mhix qiegħda tiddejjaq. Xħin waslet maġenb l-iskola, telqet tiġri 'l barra mingħajr ma ħarset 'l ġewwa, tieqaf eżattament bilwieqfa, tħares lejn il- karozza tal-linja titbiegħed. Qalbha għamlet tikk. Ratu. Raġel liebes skur u kappell. Kien jidher fuq wara nett tal-karozza tal-linja u għal dak il-frazzjon ta' mument, għajnejhom iltaqgħu. Caroline ħasset il-kesħa tiela' 'l fuq minn saqajha lejn għonqha. Tgħid kien qed isegwiha? "Tkellimx stranġieri, Caroline," ftakret f 'leħen nannitha. "Jekk ma nkellmux, ma jiġrili xejn....." qalet lilha nnifisha hekk kif telqet tħaffef lejn l-iskola. Iżda dakinhar stess filgħaxija kienet qiegħda terġa' tħossha tibża' milli tirkeb il-karozza tal-linja. Beżgħet, iva beżgħet minnu! Kien qed ikun hemm ta' spiss! Kieku setgħet, kienet timxiha! Iżda kellha biċċa triq mhux ħażin u n-nanna kienet tkun qed tistenniha b'dik il-borma minestra jew brodu b'togħma bnina. Waslet ix-xarabank. "Narak għada Caroline!" qaltilha Shelley, ħabiba tagħha, hekk kif infirdu malli Caroline telgħet l-ewwel staffa b'qalbha tħabbat sitta sitta. Dawret ħarsitha lejn in- nies kollha li kienu rekbin. Ħadet nifs twil u ħassitha aħjar. Ma kienx qiegħed hemm illum! F'dak il- mument, ħassitha ferħana. Ajma, għall-erwieħ! Tbissmet waħedha hekk kif ħarset 'il barra mill-ħġieġa tal-karozza tal-linja, tifli ġnien sabiħ li kien hemm fil-viċinanzi. Kellha seba' mitt sena sakemm tasal id- dar! "U tifla sbejħa bħalek xi tkun qiegħda tagħmel fuq tal-linja waħedha?" semgħet leħen maskili jgħidilha minn taħt l-ilsien, eżatt maġenb widnitha. Iffriżat. Ma ċċaqalqitx. Ma kellhiex għalfejn iddur tħares lejh. Kienet taf li kien hu. Mhux għax riedet imma ħasset in-nifs fietel tiegħu jaħbat mal-ġilda fina li kellha wara widnejha u ġisimha qam xewk xewk. Mingħajr ma ċaqalqet rasha, għajnejha daru 'l hemm u 'l hawn ħalli tara kienx hemm xi ħadd li kien qed jinnota s-sitwazzjoni stramba illi kienet qiegħda fiha hi. Iżda donnu ħadd ma kien qed jagħti kashom. Caroline għalqet għajnejha u għaqqdet idejha ponnijiet. Minn fejn kien ġie? Kif ma kinitx ratu? "Jien taf kemm togħġobni tifla sabiħa bħalek?" qalilha. Dan għax kien qed jgħidilha hekk? X'ried minnha? Kienet se ddur u tistaqsih. "Tkellimx stranġieri, Caroline." Fetħet għajnejha u berrqithom. Iva, jekk ma tkellimx stranġieri kollox kien se jkun owkej. U dak il-ħin ratha! Maġenbha, in-naħa l-oħra tal-karozza tal-linja lemħet mara ftit imdaħħla fiż- żmien, tħares lejhom b'kurżità. Caroline fetħet ħalqha bilmod. Indunat li l-mara kienet għadha qiegħda tiflihom. Bil-biża' li kellha fuqha, Caroline kienet qiegħda tirtogħod u l-għaraq kien qed ixoqq għaliha. "Għinni!" għamlet mossa b'xufftejha lejn il-mara. "M'intix ser tkellimni?" reġa' nsista. Eżatt malli x-xarabank waqfet ħalli joħorġu ftit nies minn ġo fiha, Caroline ħatfet il-basket tal-iskola li kienet waddbet maġenbha, qamet bilwieqfa u telqet tiġri 'l barra b'kemm kellha saħħa. Għal mument bdiet tħaffef minn ġon-nies ħalli titlaq 'il bogħod kemm jista' jkun. Ġriet u ġriet. Eżatt malli daret il-kantuniera, serrħet daharha mal-ħajt u daret tħares lura. Ħadet nifs twil. It-triq kienet vojta. Iżda eżatt malli ġiet biex tkompli timxi, ħasset lil xi ħadd jiġbidha mill-basket tal- iskola li kellha mdendel ma' daharha. "Caroline......." qalilha. Maħkuma b'biża' kbir, daret tħares lejh. Kien jaf x'jisimha! "Int kif tafni?" staqsietu. "Iżjed milli taħseb inti....." weġibha. Qalbha għamlet tikk. Reġgħet bdiet tirtogħod. Kien sabha! Kien qed iżommha mill-basket! F'sekonda waħda, ippruvat tinħall mill-basket tagħha li kien f 'idejh u ppruvat titlaq tiġri b'kemm kellha saħħa. Iżda r-raġel tal-kappell ġibidha lejh. "Int għal miegħi!" qalilha. Caroline bdiet twerżaq. Għamel idejh fuq ħalqha. Ratu jberraq għajnejh lejha, il-kappell li kellu fuq rasu kważi jaqagħlu mal-art bit-taħbit li kienet qiegħda titħabat. Imma kien qed iżommha sew. Ma kienx ser jirnexxilha taħrablu! Daqqa. Telaqha. Xi ħadd kien tah xi daqqa min-naħa ta' wara ta' rasu. Il-mara ta' fuq ix-xarabank! Ir-raġel dar iħares lejn ix-xwejħa li kienet qiegħda tħares lejh biċ-ċiera. "X'int tagħmlilha? Povra tifla?" staqsietu. Kienet għadha kemm tatu daqqa ta' umbrella fuq rasu. Ir-raġel twerwer u telaq 'il bogħod minnhom. "Kollox sew?" staqsietha x-xwejħa. "Owkej," weġbitha t-tifla. "Ejja għandi, ħalli nċemplu lill-pulizija. Jien noqgħod hawn wara," qaltilha x-xwejħa. "X'affarijiet dawn!" Dawru ħarsithom lejn tarf it-triq u raw l-profil tar- raġel tal-kappell jitbiegħed minnhom. "Grazzi, miss....." qaltilha t-tifla, hekk kif kienet qiegħda bilqiegħda fuq is-sufan tas-salott tad-dar tax-xwejħa. Kemm kienet mara twajba! Kienet ċemplet lill-pulizija u issa kienet għadha kemm għamlitilha belgħa te. Caroline tbissmitilha hekk kif ħarset lejn il-fwar ħiereġ minn ġol-kikkra tal-te li kien hemm fuq mejdina bejniethom. "Kieku ma kontx inti......" "Inti għadek żgħira biex toqgħod tiġri waħdek bil- karozza tal-linja," qaltilha. "Narak ta' spiss jiena f 'tal-linja ġejja u sejra lejn l-iskola." "Imma jien m'għandi lil ħadd min jiġi għalija. Nannti issa xiħa ftit." Caroline ħassitha tieħu r-ruħ hekk kif bdiet tħares lejn il-wiċċ ġentili tas- sinjura li kienet salvatilha ħajjitha. Dawret ħarsitha lejn il-kamra u ħassitha komda f 'din id-dar. Kollox kien sabiħ. Purtieri ffjuriti u rrakkmati, sufani ġodda, tapiti, inkwadri sbieħ... "Kemm xtaqt kont noqgħod ġo dar sabiħa bħal din," qaltilha Caroline. "Ħu t-te għax jiksaħlek!" qaltilha bid-daħqa. Kien propju dak il-ħin li ħabbat il-bieb. "Ġie l-pulizija tgħid?" qaltilha l-mara. Caroline tbissmitilha. Il-mara qamet bilwieqfa bi ftit tbatija u Caroline semgħetha timxi bilmod lejn il-bieb, tiftħu u titkellem ma' xi ħadd li kien għadu kemm wasal fil-kamra ta' maġenbhom. "Caroline......" għajtitilha x-xwejħa, dak il-ħin. "Isma'..." Caroline qamet bilwieqfa minn fuq is-sufan. Kien eżatt dak il-ħin li ħasset is-suf ta' jdejha jqum 'il fuq u l-kesħa taħkmilha ġisimha kollu. Din il-mara...kif kienet taf x'jisimha? Hi ma kinitx qaltilha... Ma kinitx qaltilha x'jisimha! "Ejja Caroline?" reġgħet għajtitilha x-xwejħa. Caroline ħasset saqajha jogħtru hekk kif fil-bieb ratu. Mhux il-pulizija. Le, mhux il-pulizija kien ġie. Ir-raġel li kien qed isegwiha ftit ilu daħal ġewwa u għalaq il-bieb warajh. "Kemm domt ma ġejt..." gergritlu x-xwejħa minn taħt. "Intom...?" "Tkellimx stranġieri, Caroline." Leħen nannitha beda jidwi madwar il-kamra. "Għadek trid tieħu t-te," qaltilha x-xiħa b'leħen trankwill. Sharon Calleja "Tkellimx stranġieri, Caroline"

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 7 May 2017