Illum previous editions

illum 7 May 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/820806

Contents of this Issue

Navigation

Page 6 of 35

Elezzjoni2017 7 Il-Ħadd 07 ta' Mejju 2017 | illum 2017 nħasad...imma kkarga f 'Għawdex Għawdex, wieħed għaż- żgħażagħ u l-ieħor ikun dak ewlieni. Il-Partit Laburista, prattikament għandu headstart ta' ġimgħa fuq il-Partit Nazzjonalista, sakemm dan tal-aħħar jilħaq jirranka sew, 'jixgħel il-magna elettorali tiegħu' u jaqbad ir-ritmu ta' elezzjoni li ġiet fuqu bla mistenni. Minkejja dan, huwa fatt magħruf, li kif jgħidu, 'a week is a long time in politics', u allura, l-Partit Nazzjonalista għandu żmien sabiex jirranka u jipprova jlaħħaq l-isforzi li diġà saru mill-PL, anke jekk din hi kampanja elettorali qasira immens, waħda mill-iqsar kampanji elettorali ta' pajjiżna, bi ftit iktar miż-żmien minimu li Gvern ikun obbligat li fiha jħabbar elezzjoni. Minkejja l-bidu kajman li rat il-kampanja elettorali tal-Partit Nazzjonalista, dan il-partit beda jirranka bil- mod il-mod f 'Għawdex. Wara konferenzi tal-aħbarijiet u mass rally li donnhom kienu ppreparati fl-aħħar minuta, nhar l-Erbgħa filgħaxija, b'attività politika taħt it-tinda l-PN deher li kien qed ibiddel ir-rotta u jadatta iktar għal kampanija elettorali. Għaliex Għawdex? Huwa fatt magħruf, u anke storiku li Għawdex minn dejjem kien fortizza Nazzjonalista. Biżżejjed wieħed iħares lejn ir-riżultati elettorali fl-aħħar snin, anke mill-Indipendenza lil hawn. Il-PN dejjem kellu s-sostenn tal-maġġoranza tal-Għawdxin, anke fl-aħħar elezzjoni, għaliex minkejja li s-siġġijiet parlamentari juru mod ieħor, il-maġġoranza tal-voti tat-tlettax-il distrett marret għall-PN. Għaldaqstant, Simon Busuttil u l-Partit Nazzjonalista għażlu li jibdew jikkampanjaw propju minn fejn għandhom fost l-aqwa sostenn. Iżda din l-elezzjoni f 'Għawdex hi differenti minn dawk tal- aħħar 30 sena, hekk kif għall- ewwel darba sa mill-1987, id- deputata u eks Ministru għal Għawdex Giovanna Debono mhux se tkun qed tikkontesta l-elezzjoni ġenerali. Indubbjament, dan iħalli vojt kbir fost il-lista ta' kandidati li qed jippreżenta l-PN, li huwa nieqes mill-heavy weights, u li għajr għal Chris Said, m'għandux 'kandidati stilla'. Dan minbarra li huwa sigriet magħruf li l-Għawdxin 'ta' Giovanna', minkejja li Nazzjonalisti xorta, ma jaslux jivvutaw għal Chris Said minħabba li huma żewġ fazzjonijiet differenti ta' Għawdxin. Minħabba dan il-vojt li se tkun qed tħalli Debono, jidher li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jiffoka b'mod partikolari fuq din il- gżira. Dan fost l-oħrajn, bi programm elettorali speċifiku għal Għawdex u billi ddeċieda li jibda l-kampanja tiegħu minn hemm, waqt li l-ewwel proposti li semma kienu dwar din il-gżira. 'Ministru għal Għawdex għandu jkun skrurinat mill- Kunsill Reġjonali' Fil-fatt, uħud minn dawn il-proposti jaċċentwaw ċertu nuqqasijiet li l-poplu tat-tliet għoljiet, ħass matul dawn l-aħħar erba' snin ta' gvern Laburista. Ewlenin fosthom, kien hemm il-proposta tal- Kunsill Reġjonali li għandu jikkumplimenta l-ħidma tal-Ministru ta' Għawdex. Waqt li kien qed jitkellem dwar din il-proposta fix- Xagħra u fiċ-Ċittadella, Simon Busuttil qal li jekk il-Partit Nazzjonalista jiġi elett, ikun qed jagħti l-poteri mill-ġdid lill-Ministru ta' Għawdex. Dan jikkumplimenta sew kritika li kienet spiss issir fil-konfront tal-Ministru preżenti għal Għawdex, li l-ILLUM ukoll kienet irrappurtat dwarha lura fl-2015, fejn intqal kif il-Ministeru għal Għawdex kien spiċċa bħala Ministeru mnaqqar meta tneħħew minn taħt ir-responsabbiltà tiegħu għadd ta' responsabbiltajiet, li qabel kienu jaqgħu taħt il-Ministru għal Għawdex, bħall-enerġija, is-saħħa u l-edukazzjoni. Fid-diskors tiegħu dwar Għawdex, Busuttil semma wkoll kif il-Ministeru mbagħad, jibda jkun taħt l-iskrutinju tal-Kunsill Reġjonali li mistenni jinħatar meta l-gżira tibda tiġi meqjusa bħala reġjun. Hawnhekk, jattakka l-mod tal-operat tal-Ministeru għal Għawdex preżenti u jgħid li dan il-kunsill reġjonali għandu jġib il-bidla meħtieġa, għalhekk jirkeb fuq is-sentiment negattiv ta' sezzjoni ta' Għawdxin kontra n-nepotiżmu li hemm fil- gżira. Dan is-sentiment ta' nepotiżmu u, 'mur għand il-Ministru ħalli jaqdik', kienet irrappurtat dwaru din il-gazzetta iktar kmieni din is-sena f 'Marzu, meta tkellmet dwar kif il-Ministeru għal Għawdex, 'kien dar qisu l-ETC', bl-ammont ta' persuni li kien qed jimpjega fi ħdanu, partikolarment f 'diversi oqsma, bħad-90 impjegat fiċ-Ċittadella, li kienet żvelat ukoll l-ILLUM. "Mhux ikollok Ministru li ħadd ma jaf x'qed jagħmel u jħawwad waħdu, kif għandna llum, imma l-Kunsill Reġjonali jżomm lill-Ministeru taħt il-lenti u l-iskrutinju ta' kunsill reġjonali, waqt li l-ministru jkollu l-poteri mill-ġdid," sostna Busuttil f 'Għawdex din il-Ġimgħa. Proposta oħra mill-ħamsa li nieda l-PN għal Għawdex kienet dik li jagħti inċentiv finanzjarju ta' €10,000 fil- forma ta' għotja lil dawk il-koppji li jiddeċiedu li jibdew il-familja tagħhom fil-gżira Għawdxija. Dan, sostna l-PN, bil-għan li jerġa' jippopola l-gżira u ma jħallihiex issir gżira tal-anzjani. Minkejja dan, meta mistoqsi għal iktar dettalji mill-ġurnalisti, li ppreżentaw għadd ta' domandi leġittimi dwar proposta bħal din, fost l-oħrajn, kif se tiġi skrutinizzata din l-iskema u żgurat li l-persuni li jingħataw dawn il-flus, effettivament ikunu qed jgħixu f 'Għawdex, ir-risposta ta' Busuttil kienet li iktar dettalji u t-tnedija ta' din l-iskema se jingħataw wara l-elezzjoni, fl-ewwel 100 jum tat-tmexxija ta' Busuttil jekk dan jitla' fil-Gvern. Ritratt: James Bianchi

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 7 May 2017