Illum previous editions

illum 28 January 2018

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/933293

Contents of this Issue

Navigation

Page 17 of 35

illum | Il-Ħadd 28 ta' Jannar 2018 Opinjoni 18 D in il-ġimgħa l-editur tagħna, is-sur Albert Gauci Cunningham ħass illi jrid ineħħi ftit minn dak li kellu fuq l-istonku. Ma felaħx il-kritika ta' xi wħud dwar iċ-ċerimonja tal-ftuħ tas-sena tal-Belt Valletta bħala kapitali Ewropea tal-kultura u fuq il-Facebook kiteb dawn il- kliem: "Ma nafx għalfejn hawn min donnu qed jiddejjaq għax it-tema tal-ftuħ Valletta 2018 kienet il-festa.. imma nista' nissoponi għaliex qed jiddejqu. Snobbiżmu kulturali, hux, is- soltu! Il-festi mhux biss huma parti mill-kultura Maltija, huma parti integrali minn ħajjitna, mill-kultura, mit-tradizzjonijiet tagħna, minn dak li aħna llum u minn dak li se nkunu għada... sfortunatament ċerti nies, bħal dak l-anġlu, iħossu li qegħdin fuq xi pedestall, distakkati bid-don tas-supremazija intelletwali. Xi dwejjaq ta' nies! Iqabbduk il-ħakk..." Huma tassew kliem illi jistimulaw id-diskussjoni. Fil-qasam tal-kultura, bħal fi kwalunkwe ħaġa oħra, teżisti mitt opinjoni. Dak li hu sabiħ għal bosta, mhux neċessarjament hu sabiħ għal kulħadd. Kulħadd għandu dritt għall- opinjoni tiegħu imma ma naħsibx illi l-kritika illi saret fir-rigward taċ-ċerimonja tal-ftuħ għandha tiġi ttimbrata bħala stqarrija ta' snobbiżmu kulturali. Id-dibattitu jekk manifestazzjoni kulturali hijiex populari jew le hu ferm qadim. U ċertament m'hemm xejn ħażin illi manifestazzjoni kulturali tkun populari. Il-fatt li wieħed jipparteċipa f 'manifestazzjoni populari bħalma hi l-festa tar-raħal biex insemmgħu waħda mill-aktar imfittxija ma teskludix illi wieħed igawdi minn forom oħra kulturali. Li tipparteċipa fil-festa tar-raħal ma jfissirx illi wieħed qiegħed jitbaxxa. Imma mbagħad ejjew ma nesaltawx ruħna u nqisu l-festi populari bħala l-qofol tal-ħajja kulturali tagħna. U l-fatt illi f 'Malta niddedikaw tant ħin u enerġija lill-festi populari ma jikkwalifikaniex bħala nies ta' kultura kbira. Jiena jkolli ngħid illi l-ftit li rajt taċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-V18 kien tassew impressjonanti. Imma lil hinn mill-aspett viżiv ma nafx x'impatt ħalla fuq l-ispettaturi. Għax jiena nħoss illi kwalunkwe manifestazzjoni kulturali sew jekk tisma' marċ tal-banda, sewwa jekk tħares lejn pittura, sewwa jekk tisma sinfonija, sewwa jekk issegwi opra u sewwa jekk tara ballet għandha tqanqal l-emozzjonijiet tiegħek, għandha tħalli fik sens ta' arrikiment spiritwali, sens illi r-ruħ tiegħek stagħniet. Jiena ma nistax niġġudika jekk il- manifestazzjonijiet li saru bħall- bieraħ ġimgħa fil-belt Valletta serħux ir-ruħ ta' min assista għalihom peress illi ftit li xejn segwejt. Il-ftit li rajt, bħas-son et lumiere mal-faċċata ta' Kastilja, għalkemm teknikament kienu ta' livell mhux traskurabbli, fl-opinjoni fqira tiegħi ma rnexxilhomx jiġġeneraw l-livell emotiv mixtieq fl-udjenza. Bl-ebda mod ma rrid immaqdar l-isforzi kbar tal- Fundazzjoni V18 illi nidew manifestazzjoni fuq skala tremenda kemm għal pajjiżna kif ukoll għal kwalunkwe belt oħra. U jekk wieħed jifli ftit is- sit tal-Fundazzjoni mill-ewwel jinduna kemm hemm ippjanati inizjattivi illi għandhom appell ferm aktar ristrett minn dik tas-serata tal-ftuħ. Nistgħu nsemmu films li ser isiru fuq xogħlijiet litterarji Maltin, opra bil-Malti u kompetizzjoni sabiex tistimula l-kreattività fost iż-żgħażagħ ta' taħt id-19-il sena. Li ma nistax nifhem imma għax forsi jien ma tantx segwejt il-preparamenti għal din is-sena hu jekk hux ser ikun hemm xi leitmotiv għal dawn l-attivatijiet, xi tema ċentrali li madwarha ser jiżvolġi kollox. U jekk tali tema ċentrali ma tiġix identifikata, naħseb illi dan ikun nuqqas. Lil hinn minn V18, jeħtieġ tassew ikollna politika kulturali serja għal dan il-pajjiż. Jeħtieġ fuq kollox nifhmu illi d-dinja kulturali mhux biss isseddaq ir-riservi spiritwali tal-pajjiż imma anke l-ġid materjali tiegħu. Studju li ġie ppubblikat f 'Diċembru 2015 mid-ditta kbira ta' awdituri EY fuq kummissjoni tal-Konfederazzjoni Internazzjonali tas-Soċjetajiet tal-Awturi u Komposituri (CISAC) u l-UNESCO sab illi l-industriji kulturali u kreattivi jiġġeneraw 3% tal-Prodott Gross Domestiku tad-dinja bi dħul ta' $ 2,250 biljun u jimpjegaw 29.5 miljun ruħ (1% tan-nies fix-xogħol). Id-dħul ta' dawn l-industriji kreattivi jiżboq dak tas-servizzi tat-telekommunikazzjoni u jimpjegaw aktar nies mill- industrija tal-karozzi fl-Ewropa, Ġappun u l-Amerika (29.5 m kontra 25 m). Qed ngħid dan kollu biex ħadd ma jaħseb illi l-qasam kulturali hu xi Cinderella imma wieħed irid iżomm f 'moħħu illi hu qasam illi jista' jiġġenera ħafna ġid materjali, barra spiritwali, u anke jattira ħafna turiżmu lejn pajjiżna. Ma nistax naħseb f 'eżempju aħjar fir-rigward minn dak tal-Festival tal-Barokk li ntemm ilbieraħ wara ħmistax ta' attivitajiet stupendi. Kelli l-privileġġ li attendejt bosta mill-manifestazzjonijiet ta' dan il-festival u jkolli nistqarr illi l-livell kien kważi dejjem wieħed eċċezzjonali. Ma rridx ninsa nsemmi l-kunċert ta' mużika ta' Handel mill-Kor Ghislieri fil-konkatidral ta' San Ġwann, dak tal-Kastell Verdala minn ensemble barokk Naplitan u l-Vespro della Beata Vergine ta' Claudio Monteverdi illi sar nhar il-Ħamis fil-knisja taż-Żejtun bil-parteċipazzjoni ta' kantanti u mużiċisti Maltin u Taljani. F'dan il-festival ħadu sehem bosta solisti promettenti jekk m'hux stabiliti Maltin bħal Clare Debono, Clare Ghigo, Gillian Zammit u Francesca Aquilina. Kienu ħmistax ta' festa ta' mużika barokka illi issa drajna fil-bidu ta' kull sena grazzi għall-viżjoni u l-enerġija ta' Kenneth Zammit Tabona. Wieħed ma jippretendix illi kulħadd għandu jmur jisma' l-mużika barokka għalkemm nassigura lill-qarrejja li qed jitilfu ħafna. Bħalma wieħed ma jippretendix illi kulħadd imur għal Isle of MTV jew għall-kunċerti ta' Joseph Calleja. Imma li jħallini dejjem b'togħma tassew qarsa hi l-attendenza tassew fjakka ta' Maltin f 'dawn l-attivatijiet. U l-istess jista' jingħad għal festivals eċċellenti li jsiru f 'Għawdex, Gaulitana u l-Victoria International Arts Festival. Li qatt ma fhimt hu għala meta hawn tant mużiċisti, bandisti, koristi, studenti tal-mużika u ma nafx xiex kif l-attendenza f 'dawn il- manifestazzjonijiet mill-Maltin tkun daqsekk fqira. Donnu kulħadd ħsiebu fin-niċċa tiegħu u ftit jinteressah l-isforzi ta' ħaddieħor u speċjalment jekk ikunu barranin. Għaldaqstant ma tantx għandna nalludu ruħna illi aħna xi gżira partikolarment kulturali. Ċertament hawn ħafna enerġiji posittivi li jeħtieġ jiġu sfruttati aħjar. Imma fuq kollox jeħtieġ illi jikber l-apprezzament kulturali fost il-poplu inġenerali. Mhux kulħadd ser jispiċċa japprezza l-opri u l-kunċerti sinfoniċi jew il-pittura astratt jew barokka imma l-apprezzament ta' dawn il-ġeneri kulturali ma tappartjenix biss lil xi elite borġiża. Jekk nitilqu b'tali idea, inkunu qegħdin nammettu mill-bidu nett illi tlifna l-qaleb u l-ġbejna. Politika kulturali trid isseddaq l-apprezzament ta' kull ġeneru kulturali fost il-poplu inġenerali. U m'hemm xejn aħjar milli tibda mill-qasam edukattiv. Tassew niskanta kif qatt ma nara studenti tal-iskejjel tal-mużika fil-bosta kunċerti li jsiru anke mill-orkestra tagħna illi l-livell tagħha dejjem qed jitjieb. Jidher illi m'għandniex il-prijoritajiet tagħna sew: fil-waqt illi saru sforzi kbar biex jitlesta Putirjal, il-proġett tal-Mużew tal-Arti baqa' ma tlestiex. Kien ikun rigal sabiħ lill-poplu Malti kieku tlesta għall-V18. Rigal ikbar lill-poplu Malti jkun it-tkomplija tat-Teatru Rjal wara l-proġett ta' Piano u l-bini ta' auditorium sura għall-Orkestra Nazzjonali. Tassew ħasra li m'għandhiex auditorium ta' kwalità fil-pajjiż. Bosta ser jgħidu li l-pajjiż ma jiflaħx dawn il-proġetti: ma ninsewx imma kemm jistgħu joħolqu xogħol. Immaġina jekk il-cruise liners jibdew jiġu Malta ħalli l-passiġġieri ta' ċertu età jisimgħu l-kunċerti u jaraw l-opri kif qed jagħmlu fil-festival tal-Barokk. Imma fuq kollox fuq il- qasam edukattiv illi l-politika kulturali trid tagħfas. Jiena għadni niftakar iż-żjajjar li konna nagħmlu bħala tfal tal-iskola fit-tempji preistoriċi, għadni niftakar l-ewwel kunċert sinfoniku ta' sittax-il sena. Kienet is-sinfonija Mid- Dinja l-Ġdida, id-disa' waħda ta' Antonin Dvorak. Minn dakinhar bdejt vjaġġ faxxinanti illi qed dejjem iwassalni għal xtut u orizzonti ġodda. Nawgura li t-tfal u ż-żgħażagħ tal-lum ukoll jimbarkaw fuq vjaġġ bħal dan. Il-kultura hi ta' kulħadd u l-ħajja mhux biss dwar poter, flus u xogħol. Xejn ma jindirizza d-dimensjoni spiritwali tal-bniedem daqs l-attivatijiet kulturali ta' kull tip u ġeneru. Il-gvern għandu jagħmel minn kollox biex itambar dan il-messaġġ fost iż-żgħażagħ li qed jiffurmaw. Dan hu messaġġ ferm pożittiv alternattiv għal bosta messaġġi negattivi illi tibgħat id-dinja tal-lum u li m'għandix għalfejn noqgħod insemmi. Enfasi akbar fuq il-kultura ġid żgur ser iħalli fil-pajjiż u fid- dinja ta' madwarna. ellisjoseph@gmail.com Kultura għal kulħadd JOE ELLIS Li qatt ma fhimt hu għala meta hawn tant mużiċisti, bandisti, koristi, studenti tal-mużika u ma nafx xiex kif l-attendenza f 'dawn il- manifestazzjonijiet mill-Maltin tkun daqsekk fqira

Articles in this issue

Links on this page

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 28 January 2018