Illum previous editions

illum 28 January 2018

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/933293

Contents of this Issue

Navigation

Page 23 of 35

illum | Il-Ħadd 28 ta' Jannar 2018 24 Rakkont Il-lejl li kienet għamlet ix-xita U bdiet ix-xita. Bejn għax kien nofsu mdamdam bl-inbid kollu li kien għadu kemm niżżel u bejn għax kellu moħħu mistrieħ li ġab umbrella mdaqqsa miegħu, qal lil sħabu li kien sejjer id-dar. "Nieżla ġmielha ta'!" qallu sieħbu, li kien għadu qed ilegleg grokk whisky u jkemmex moħħu għall-kenn tal-fuklar. L-oħrajn, li kienu kollha mxaħxħin fuq is-sufan bil- fliexken tal-birra bdew igergru. Il-kumpanija tiegħu vera kienet togħġobhom. Axel kien l-iżgħar wieħed fosthom, iżda l-aktar wieħed matur u bilgħaqal. Ta' ħamsa u għoxrin sena, kien diġà beda jmexxi d-ditta tal-ħwienet ta' missieru. "Axel... tgħidlix li diġà sejjer?" staqsieh ieħor, li kien sid id-dar. "Għajjien u għada xogħol," weġibhom, hekk kif ħares barra mit-tieqa u induna li ħlief ċpar ma kienx qed jara. Bejn għax il-ħġieġa tal-kamra kienet imtappna bin-nifsijiet sħan tagħhom u bejn għax għajnejh kienu saru żlieġa, berraq ftit għajnejh iżda xorta ma kienx qed jara sew. Għalxejn kien ħalef miegħu nnifsu li llejla ma kienx ser jixrob! Kull meta kien jiltaqa' ma' dawn sħabu dejjem hekk kienu jispiċċaw! U għalkemm kien joqgħod daqs xi siegħa mixi 'il bogħod minn hawn, ma kienx ġie bil-karozza ħalli jekk jixrob ma jsuqx! "Ħallejtkom ħbieb! Għal darb'oħra!" U bla ma ħalliehom jeqirdulu aktar, f 'minuta waħda kien mexa lejn il-bieb, qabad il-pum, dawru, fetaħ l-umbrella u xiref 'il barra. Malli rifes il-bankina u sema' l-bieb jingħalaq warajh ħass l-arja ffriżata ta' barra taħtfu minnufih. In-nifs li beda ħiereġ minn ħalqu kien qed jagħmel daħna żgħira sħuna quddiem wiċċu waqt li beda jisma' l-ħoss tax-xita nieżla madwaru. Id- dlam li kien hawn, kien qed ikanġi bil-kuluri tad-dwal tat- toroq u ta' xi reklam tal-ħwienet li kien hemm kull tant bibien 'l hemm u 'l hawn. Irringrazzja lil ommu f 'qalbu talli kienet saħqitlu biex jilbes ġakketta ħoxna, u kebbisha aktar miegħu hekk kif beda miexi fuq il-bankina, jisma' l-ħoss taż- żarbun jirfes l-għadajjar żgħar li kienu diġà bdew jiffurmaw ma' kullimkien. U erħielha għal għonq it-triq, il-ħin kollu jżomm l-umbrella sew kontra r-riħ ħalli ma tinqaliblux. Dak il-ħin beda jixtieq li kien diġà wasal id-dar, mitfuħ fis-salott t'ommu maġenb il-fuklar bil-gverta fuq saqajh u tazza kamomilla, fil-wens tas-sħana u l-kenn. F'ħakka t'għajn, għaddiet karozza riħ minn miegħu u ħaslitu minn fuq s'isfel! Ma kienx jaf kellux jaqbad isalli jew inkella jħalli l-inbid ikompli jagħmel tiegħu u jinfaqa' jidħaq kemm jiflaħ! U dak il-ħin raha. Għal mument beda jogħrok għajnejh għax ħaseb li kien qiegħed jimmaġina. Iżda le. Ma kienx qed jimmaġina. Hemm kienet. Ħares lejha u hi kienet qiegħda tħares lejh. Għalkemm id-dawl tat-triq trankwilla kien xi ftit nemnieni, ikanġi kemxejn lejn l-oranġjo, seta' jaraha sew. "Int brikkun... tfajla sew taraha avolja fis-sakra!" sema' kważi s-subkonxju jgħidlu minn taħt. Imma le. Din kienet tfajla differenti minn kull tfajla li qatt kien ra. Kellha xi ħaġa, kellha xi ħaġa li donnha kienet sammritu u ġabitu f 'tiegħu. Ħaġa tal- iskantament, donnu lanqas tazza waħda ma kien xorob illejla! Kienet bilwieqfa fix-xita, b'għajnejha mbexxqin ħalli ma jixxarbux, liebsa xi libsa perpura u żżomm spallejha. Xħin resaq lejha, Axel induna li kienet qiegħda tirtogħod. "Inti owkej?" staqsieha. "Għandek bżonn l-għajnuna?" "Le, grazzi." Leħinha. Leħinha kien ħelu daqs iz-zokkor. "X'inti tagħmel hawn waħdek fix-xita?" staqsieha. Resaq qribha u għolla ftit l-umbrella ħalli tistkenn miegħu taħtha. Kienet tidher għasra. "Nistenna l-karozza tal-linja ħalli mmur id-dar," weġbitu. Għal mument, Axel dawwar ħarstu biex jara jekk kienx hemm stejġ fejn tieqaf il- karozza tal-linja iżda ma ra xejn. Forsi frott l-inbid. Forsi għax kienet fid-dlam. Jew forsi... forsi għax kienet qiegħda tigdeb. "Fejn toqgħod?" staqsieha. Flietu. Donnha kienet qiegħda tiddejjaq tgħidlu. "Triq Dolores... Dar il-Friefet." "Bis-serjetà?" staqsieha kważi jixraq fil-bżieq. "Dik it-triq ta' wara tagħna! Ejja miegħi! Ħalli ma toqgħodx hawn tistenna waħdek! Dal-ħin..." Ħarset lejh u ma weġbitux. "U..." kompla jgħidilha. Axel neża' l-ġakketta u dawwarha magħha. Hekk ma tkomplix tirtogħod bil-bard. "Hekk tħossok aħjar! Ejja!" U dak il-ħin daħqitlu. Ma kienx jaf għala iżda malli ra t-tbissima fuq wiċċha, ħass qalbu tħabbat mija mija u kien jaf li kieku ltaqgħu taħt ċirkostanzi differenti, kien isaqsiha toħroġ miegħu. Imma hekk beża' li jgerrixha. U telqu flimkien. Jimxu taħt umbrella waħda. Hi mgeddsa fil-ġakketta tiegħu u hu mitluf jitkellem magħha. Sakemm waslu fit-triq ta' fejn qaltlu li kienet toqgħod hi, kien diġà qalilha l-istorja ta' ħajtu, irrakkuntalha fid-dettall dwar xogħlu u l-karozzi li kien biddel u anke fuq in-nisa li kellu qabel! "Jien se nħallik..." qaltlu. Waqfu bilwieqfa quddiem xulxin, Axel għadu jżomm l-umbrella f 'idu. "Ħadt gost nitkellem miegħek," qalilha. Axel isserja. Qatt ma kien ħassu daqshekk komdu jitkellem ma' xi ħadd. Kien ħa grazzja magħha. Iva, il-mod ta' kif kienet ħarset lejh tul it-triq, ta' kif tbissmet u kompliet miegħu hu u jirrakkontalha u kif kellmitu... "Ħudha, grazzi," qaltlu hi u tibda tinża' l-ġakketta minn fuqha. "Le!" waqqafha. "Ma tarax! Tieħu riħ!" Infaqgħu jidħqu. "Isma'... għada ejja għaliha, ejja u ħudha lura." "Niġi. Niġi żgur." Għal mument ħarsu f 'għajnejn xulxin u Axel kien jaf li f 'dan il- preċiż mument kienu qalu ħafna affarijiet lil xulxin mingħajr ma lissnu kelma waħda. Ma kienx hemm bżonn kliem. Kienu qasmu mument intimu bejniethom li ma kien ifisser xejn u fl-istess ħin kien ifisser ħafna. "Narak għada, Nadia!" qalilha. Rasset il-ġakketta tiegħu magħha u telqet tiġri. Axel baqa' hemm bilwieqfa. Jitbissem. "X'int tagħmel hawn fix- xita qisek baħnan?" sema' s-subkonxju jerġa' jgħidlu. Nadia. Kemm xtaq jerġa' jaraha! Kemm kien ħerqan li jasal għada ħalli jmur għandha bl- iskuża tal-ġakketta! U telaq iħaffef lejn daru jkanta xi melodija ma tagħmilx sens. U l-għada tgħidx kemm ħaseb fuqha xħin kien qiegħed ix- xogħol! Fuq din l-imbierka Nadia! U kellu seba' mitt sena sakemm jagħlaq il-bieb tal- uffiċċju u jitlaq lejn darha. U fil-fatt hekk għamel. Daħal fil-karozza, saq lejn Triq Dolores u sab id-dar il-kbira li kienet eżatt fil-kantuniera. Għajnejh xegħlu malli ra isem id-dar. "Dar il-Friefet," qal b'leħen għoli, hekk kif ipparkja malajr u bla ma qagħad jaħli l-ħin telaq jiġri lejn ir-rixtellu, fetħu u beda jdoqq il-qanpiena. Stenna. Beda jisma' l-passi ġejjin minn wara l-bieb. Infetaħ. Wara l-bieb dehret mara kemxejn irqiqa iżżejjed, b'karnaġġjon ċar u b'għajnejn żgħar skuri, tħares lejh. Axel sogħol ftit ħalli jkun jista' jitkellem ċar. "Ġejt... ġejt biex inkellem lil Nadia." Il-mara ma ċċaqalqitx. Induna li bdiet tagħfas subgħajha mal- bieb għax bjadu. "Skużi... ġejt biex..." reġa' qalilha bil-mod. "Int trid tiċċajta jaqaw?" staqsietu. "Sinjura... mela ma toqgħodx hawn Nadia?" infixel. "It-tifla ilha mejta diġà sentejn," qaltlu bla ma qagħdet togħmodha. Kesaħ. Immuta. Beda jżomm mal-ħajt għax saqajh ħasshom jinqatgħu minn ġewwa. "Naħseb għandek żball..." qalilha. "Ilbieraħ iltqajt magħha, qaltli li toqgħod hawn u jien tajtha l-ġakketta tiegħi. U qaltli biex niġi neħodha lura llum!" "Ma jistax ikun," qaltlu, wiċċha abjad karti. "Ejja miegħi." Daħlet fid-dar b'Axel warajha. Imxiet tul kuritur twil u waslet quddiem bieb. Għalkemm id-dar kienet tidher klassika u armata b'għamara sabiħa, malli fetħet dan il-bieb, li beda jżaqżaq, kulma ra kienet kamra vojta b' kaxxa kbira tal-injam fin-nofs, b'riħa ta' moffa taqsam ma' kullimkien, trab u ħmieġ. "Din kienet il-kamra tagħha. Dak kollu li kellha, qiegħed f 'dik il-kaxxa," qaltlu. "Ma niflaħx nara... memorji..." Daħlet fil-kamra mdallma. Axel mar warajha. Il-kaxxa kienet magħluqa. "L-aħħar li dħalt hawn, dakinhar tal-funeral..." qaltlu mbikkma. Fetħet l-għatu tal-kaxxa u Axel resaq 'il quddiem. Ħarġet album tar-ritratti u tathulu. Għal mument ħass għoqla fi griżmejh u xtaq li r-ritratti kien fihom persuna oħra. Persuna oħra li ma kienx iltaqa' magħha l-lejl ta' qabel. B'idu tirtogħod beda jiftaħ l-album. Nadia. Kienet hemm. Titbissem fir-ritratti, isbaħ milli kien qatt immaġina! Ta' etajiet differenti, f 'sitwazzjonijiet differenti. Ma' nies differenti. "Biex mietet?" Kellu jsaqsiha. Ried ikun jaf. "Inċident tat-traffiku. Tajritha karozza waqt maltempata bħal tal-bieraħ..." bdiet tgħidlu ommha. U dak il-ħin raha. Resaq 'il quddiem u ħass nifsu jinqata'. Il-ġakketta tiegħu. Il-ġakketta tiegħu kienet mitwija pulita fil-wiċċ tal- kaxxa, fost oġġetti oħra. U malli qabadha b'idejh tirtogħod induna li kienet għadha niedja. "Isma'... għada ejja għaliha, ejja u ħudha lura," sema' leħinha jidwi f 'widnejh. Tgħid x'kien ġara eżatt? X'kien ġara, f 'dak il-lejl li kienet għamlet ix-xita? "Nadia," lissen minn taħt u waqgħet demgħa minn ma' wiċċu għal fuq ir-ritratt tagħha. Sharon Calleja

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 28 January 2018