Illum previous editions

illum 11.02.18

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/939846

Contents of this Issue

Navigation

Page 23 of 35

illum | Il-Ħadd 11 ta' Frar 2018 24 Rakkont G ħamlet żewġ passi oħra, tgħannaq aktar il- kowt l-oħxon illi kellha madwarha għall-irdoss. Għalkemm ma dawritx rasha lura, setgħet tismagħhom. Passi. U tħaxwix fil-ħaxix li kien hemm fil-ġenb tat-triq. U dak il-ħin, dawret rasha għall-għarrieda lura. U ratu. Kien hemm. Id-dell tiegħu kien qed jidher minn wara s-siġra. U għajnejh setgħet kważi tarahom ileqqu minn bejn il-weraq tal-friegħi. Iħarsu lejha. Jirriflettu minn ġod-dawl baxx li kienet toffri l-lampa skura tat-triq. "Min int? Xi trid minni?" semgħet leħinha jgħajjat. Inħasdet. Leħinha beda' jidwi madwar it- triq vojta, f 'dawk is-sigħat bikrin ta' filgħodu. Għaddiet buffura riħ u ma ratux aktar. Ħasset ġisimha kollu jirtogħod u bla ma kienet taf kif saqajha kienu għadhom ma bdewx jogħtru bil-biża' li kien ħakimha, telqet tiġri b'kemm kellha saħħa lejn id-dar. U malli daħlet, għalqet il- bieb bilmod warajha ħalli ma tqajjimx lil ommha u nfaqgħet tibki, hekk kif bdiet isserraħ rasha mal-bieb. F'dak il-mument, kważi stenniet li tara warda ħamra mal-art, jew fuq il-mejda tas- salott, jew fuq xi biċċa għamara tal-kamra. Jew xi mkien ieħor. Għax issa kienet drat. Kienet saret tibża'. Ma setgħetx issib tarf. Resqet lejn it-tieqa li kien hemm biswit il-bieb, qabdet il-filoxx tal-purtiera bil-mod u ressqitu kemm kemm, ħalli tara jekk kienx għadu jsegwiha. Setgħet tara idha tirtogħod, tisma' l-ħoss aġitat ta' nifisha hekk kif beda jaħbat mal-ħġieġ tat-tieqa u jtappnu. U reġgħet ratu! Kien segwiha sad-dar! Kien ġie warajha! Rat il-figura skura tiegħu, hekk kif kien liebes xi barnuża skura ġo rasu, tgħattilu wiċċu tinżel kokka quddiem il-bieb ta' darha. F'idejh kellu warda ħamra u karta. B'għajnejha mberrqin, ratu jpoġġihom taħt it-tapit oħxon ta' quddiem darha, jagħti titwila lejha donnu kien raha u jitlaq 'il bogħod. Kellha aptit toħroġ u tagħtih tgħajjira. Kellha aptit tqajjem lil ommha u tgħidilha biex iċemplu lill- pulizija. Imma dik żgur ma kinitx teħodha bis-serjetà. Issa żżejjed! Dawn l-affarijiet ma kinux normali! U hekk malli ratu jisparixxi fid-dlam tal-lejl, fetħet il-bieb bil-mod, ħarġet il-warda ħamra u l-karta li kien fiha xi messaġġ fuqha, minn taħt it-tapit u dlonk daħlet malajr ġewwa, qabel ma jerġa' jitfaċċa minn xi mkien! Marret tħaffef għal fuq is- sufan, qalbha tħabbat mija mija. Għalfejn kien qed jagħmlilha hekk? X'ried eżatt minnha? Ried ibeżżagħha. Ried iġenninha. Għax kieku kien jaqta' dawn il-kummiedji u jgħidilha min kien. Jgħidilha għalfejn kien qed jiġri warajha. Għalfejn kien qed iħallilha l-ward kullimkien; quddiem id-dar, fil-loker tal-università, fuq id-desk tal-klassi, maġenb il-basket wara l-lezzjonijiet tal-għawm, mal-ħġieġa tal-karozza... ifhem, kullimkien! U dan il-proxxmu ma kinitx taf min kien! Għalkemm kienet tissusspetta. Iva, kienet kważi ċerta. Darba minnhom kienet ratu. David. Iva, hu. Dak l-innerdjat ta' David. Ħadd aktar ma kellu għalfejn jagħmel dawn il-praspar. Imma hu... hu kien jistħi minnha. Jew forsi kien qed jaħmi xi pjan biex jisraqha. Iva, dak li kien jiktbilha fuq in-noti kien aktar ma jmur qed isir aktar possessiv u tal-biża'! Darba kienet ratu, bilwieqfa ħdejn il-loker tagħha. Darba oħra kien qiegħed maġenb il-basket tagħha xħin kienet qiegħda tgħum fil-pixxina waħedha għall-prattika. U darba oħra kienet ratu jħares lejha b'mod stramb fil-brejk tal- lezzjonijiet. U għalkemm kienet qalet lil sħabha, li kienu Kain u Margaret, bdew jidħqu biha u jaqbdu magħha. "U ejja, Ella! Iffissa fuqek! B'daqshekk!" kienet stagħġbet Margaret, tomgħod ħelwa u tbeżlaq magħha. "Xi trid aktar? Iħallilek il-ward?" "Imma dawn mhux affarijiet normali!" kienet qiegħda tinkwieta Ella dakinhar stess filgħodu. "Kieku jħalli warda biss... imma dawn il-messaġġi mhux normali!" U malli kienet uriethom x'kien kitbilha, it-tnejn li huma ħarsu lejn xulxin u biddlu s-suġġett, donnhom bdew jiddejqu jgħidulha li kienu qegħdin jinkwetaw għaliha. Margaret u Kain kienu aħwa. U t-tnejn li huma kienu jilbsu xi ftit ħamallu. Ella kienet tħobb tqaċċat ftit id-dbielet ukoll u mhux darba jew tnejn kienet spiċċat għand l-assistenta li kien hemm fil-fakulta fejn kienu jiġbdulha l-attenzjoni sabiex tilbes ftit aktar diċenti. Speċjalment fl-ambjent tax- xjenza fejn kienet tistudja hi. Hemmhekk kien hemm ħafna serjetà u kulħadd kien jieħu l-kors bis-serjetà. Mhux bħalha. Hi kienet hemm għax kien bagħatha missierha, ftit wara li kienet qabżitlu u telaqhom. Imma almenu kien qed iħallsilha għall-edukazzjoni. "Issa jkollok tmur!" kienet qaltilha ommha, li kemm kienet ilha li kienet sfat waħedha mingħajr ir-raġel, kienet saret donnha aktar irqiqa u debboli. Il-linji li kellha fuq moħħha kienu żdiedu f 'salt. U dan l-aħħar kienet saret monotona u ta' waħedha. Bilkemm kienet għadha tagħti kas bintha, li meta din tal-aħħar kienet sfat vittma ta' dawn l-atti strambi, ma kinitx ħassitha komda tgħid lil ommha. U malli qrat il-kliem ta' fuq il-karta, fid-dawl baxx tal- lampa fis-salott, ħasset ġisimha kollu jiksaħ, hekk kif anke l-kalligrafija mgerfxa b'kulur aħmar kienet drat. "Għażiża Ella tiegħi. Il-jum daqt jasal. Li inti tkun tiegħi. Inti tiegħi biss u ta' ħadd aktar. Ser niġi għalik dalwaqt. Il-maħbub sigriet." Ħasset ix-xifer ta' għajnejha jaħraqha, hekk kif idha kienet għadha qed tirtogħod. B'ġest wieħed mimli nervi, għaffġet il- karta ta' malajr u bdiet iġġebbed u tqatta' fil-fjura. Ma riditx tarahom! Ma riditx tkun taf aktar fuq din l-istorja! Dak żgur David kien! U l-għada, hekk kif fetħet il-loker tal-iskola u ratu kollu karti ħomor bil-forom ta' qlub, warda ħamra fuq il-pitazzi u s-soltu nota li ma kienx fiha ħlief theddid, id-demm tela' għal rasha. U dak il-ħin ratu! Hemm kien faċċata tagħha! Iżebbeġ għajnejh lejha! "Għalfejn qed tagħmilli hekk?" staqsietu, hekk kif marret quddiemu u bin-nervi li kellha fuqha bdiet theżżeż snienha. F'idha kien għad għandha n-nota u l-warda ħamra li kienet għadha kemm sabet tistenniha. "X'inti tgħid?" staqsiha David, iħossu mbarazzat li kienet kisritu quddiem l-istudenti l-oħra kollha. "Naf li inti! Naf!" bdiet kważi twerżaq, tintilef minn sensiha bir-rabja li kienet ħakmitha. "Tkomplix! Taf li m'għandekx ċans miegħi! Int ikrah! Dak li int! Ikrah!" kompliet tgħajjat, bil-vini ta' moħħha jibbuzzaw 'il barra. "Le..." kien qed jipprova jgħidilha. Għamel idu fuq tagħha ħalli jikkalmaha. U dak il-ħin, bla ma kienet taf kif, tagħtu daqqa ta' ħarta fuq wiċċu, inħasdu t-tnejn u telqet tiġri 'il barra mill-università, tibki kemm tiflaħ. U xħin waslet ħdejn il-karozza rat warda oħra, simili għal dik li kien għad għandha f 'idha u nota oħra mingħand il-maħbub is-sigriet. Mingħand David. Iva, hu kien. Imma issa kienet issetiljat kollox miegħu u sperat li ma kienx ser jerġa' jdejjaqha! Għax issa b'rasu ddur! U minn dakinhar 'l hemm ma sabitx aktar fjuri. Lanqas noti. Xejn. Donnu l-biċċa kienet ikkalmat. Sakemm kienet qiegħda fil- klabb tax-xorb fejn kienet tħobb tmur meta kien ikollha aptit tiżfen u tissoċjalizza ftit. Dakinhar kienet liebsa libsa sewda qasira, xpakkata ma' ġisimha l-perfett li kellha, par żarbun b'takkuna rqiqa u ġakketta sewda tal-ġilda li kienet xtrat bl-istipendju tax- xahar ta' qabel. Kienet għarqana xraba, tant kemm kienet żifnet u ħasset il- ħtieġa li toħroġ ftit hemm barra għall-arja. Xirfet barra mill-bieb ta' wara tad-diskoteka u sabet ruħha fi sqaq kemxejn mudlam. Billi kienet ilha ma tirċievi noti jew ward, ħassitha kemxejn komda f 'dak l-ambjent mudlam. Ma kinitx għadha tibża'. Donnu David kien qata' qalbu. Iżda malli ħadet nifs twil u ħasset il-pulmun jimtela' arja friska, ratu quddiemha. David. Ma kienx qed jistaħba. Bil-wiċċ vili kien qiegħed hemm quddiemha, iħares lejha. "Int x'int tagħmel hawn?" staqsietu b'mibgħeda kbira. U dak il-ħin, donnu l-ħin beda jieqaf, donnu leħen David beda ħiereġ bil-mod hekk kif ħasset li kienet qiegħda tiġri xi ħaġa kerha! "Ella!" għajtilha persuna oħra li kien feġġ quddiemha bla mistenni. Kien liebes barnuża u f 'idejh kellu pistola. Beda jippuntaha lejn Ella. Kesħet. Tbellhet. U rat subgħajh ta' jdejh jiċċaqlaq bil-mod hekk kif għafas il-grillu ħalli jisparalha. Ma kellhiex ċans taħseb. Lanqas tiċċaqlaq. Iżda David kien resaq quddiemha. Imbagħad qisu wieħed mitluf minn sensih, ħebb għall-persuna tal-pistola u sabbtu mal-art. Il-persuna ħabat rasu mal-art. Instemgħet sparatura. Iċ-ċomb nifidlu sidru b'impatt qawwi. Ratu jissabbat mal-art. David. Rat id-demm jiżdied. Ratu jaqleb għajnejh bl-uġigħ. Ella telqet tiġri lejh, taqbadlu jdejh u tiċċappas b'demmu. "Int, salvajtni..." bdiet tgħidlu. "Tmutx. Żomm sod. Jien, jiddispjaċini." "Int ma jimpurtakx minni Ella... jien ikrah," qalilha. David ħa l-aħħar nifs u ntelaq f 'idejha. Ella nfaqgħet tibki. Bdiet tibki għax kienet waħlet fih. Bdiet tibki għax kien miet biex isalva lilha hu. U telqet tħaffef lejn il-persuna li kien hemm liebsa l-barnuża, bil-pistola għadha mal-art maġenbha, donnha storduta bl-impatt qawwi li kienet sofriet xħin instabtet mal-art. Bdiet tibża'. Riedet tara min kien. Riedet tneħħilu l-barnuża. Riedet tara għalfejn. U bdiet tikxiflu wiċċu bil-mod. Taħt il-barnuża kien hemm il-ħabiba tagħha Margaret. "Int?" stagħġbet Ella bid- dmugħ f 'għajnejha. "X'int tagħmel hawn? Għalfejn għamiltli hekk?" Margaret bexxqet għajnejha għax apparti li ħassitha muġugħa, kienet qiegħda tħossha ħatja ta' dak li kienet għamlet. Il-pjan tagħha kien biss li tbeżżagħha u ma ħasbitx li l-affarijiet kienu ser jikbru daqshekk! Kienet qatlitu! Kienet qatlet bniedem! Il-ħsieb biss kien qed iwerwirha! "Int dejjem kellek dak kollu li jien qatt ma kelli..." qaltilha b'leħen maħnuq. "Ħassejtni ngħir għalik!" riedet tkompli tgħidilha imma għalqet ħalqha għax il-kuraġġ kien telaqha għal kollox. "U jien waħħalt f 'David! David..." Ella ħarset lejn David u indunat min kien verament iħobbha. Imma issa kien tard wisq! Sharon Calleja Il-maħbub sigriet

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 11.02.18