Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/939846
illum | Il-Ħadd 11 ta' Frar 2018 22 Opinjoni L -umanità dejjem għatxana biex issib lok fejn isserraħ lil qalbha, imma mhux jirnexxilha. Infatti, tmur fejn tmur u dduq xi dduq, għalkemm forsi tissodisfa ruħha għal dak il-mument, terġa' ssibha tħuf biex tara ma' xiex se tiggranfa ħalli terġa' timla lil qalbha battala. Bilkemm kienet għadha spiċċat id-diska 'ninni la tibkix iżjed' li ma bdietx l-għajta: 'Jgħidu x-xjuħ u jgħidu t-tfal, viva viva l-karnival!' Naf li hemm mijiet ta' nies li jaħdmu qatigħ biex jittella' dan l-ispettaklu ta' arti u kreattività; għalihom il- karnival hu s-sena kollha! Infatti mhux l-ewwel darba smajt xi akkanit jgħid li mill-għada li jgħaddu l-jiem tal-karnival, jintefgħu jaħdmu b'ruħhom u ġisimhom għall-karnival tas-sena ta' wara! Għalkemm il-maġġoranza tal-poplu jaħseb li l-karnival hu biss perjodu qasir, limitat għal ċertu żmien, ir-realtà hi li ħafna qed jgħixu l-karnival kuljum! Il-bluha, ix-xalar u t-tiżjin ta' barra li joħolqu l-festa esterna huma biss togħma ta' dak li ħafna minna qed jiċċelebraw internament is-sena kollha! Għal ħafna m'hemmx bżonn jiġi xi żmien partikolari biex jinħlew fil-bluha u x-xalar għax dawn ifittxuhom dejjem, aktar mill-għaqal! Lanqas ma jistennew xi data biex jiżżejnu b'rikkezzi minn barra. Il-maskra jilbsuha s-sena kollha! Huma oqbra mbajda: minn barra jidhru sbieħ, u minn ġewwa mimlija għadam tal-mejtin u kull xorta ta' ħmieġ! Il-kliem ta' fommhom jaf hu doċli u artab aktar mill-butir u aktar żellieqi miż-żejt, imma qalbhom bħal sejf mislut, mimlija bil-ġlied u mibegħda. Forsi jaħsbu li qed jaġixxu hekk biss ma' ċertu nies imma l-verità hi li dak li nagħmlu mal-proxxmu tagħna nkunu qed nagħmluh m'Alla! Jekk qed tobgħod lill-għadu, qed tobgħod lil Alla. Kliem il-Mulej Ġesù hu ċar: 'Dak li tagħmlu mal-iżgħar minn fost dawn ħuti, tkunu qed tagħmluh miegħi'. Ikun inutli nersqu lejn Alla biex inqimuh b'xufftejna jekk qalbna hi bogħod minnu! Ikun inutli ngħidu li nafu lil Alla jekk hu ma jafniex! Ġesù stess qal: "Mhux kull min jgħidli, 'Mulej, Mulej', jidħol fis- Saltna tas-Smewwiet, iżda min jagħmel ir-rieda ta' Missieri li hu fis-smewwiet! F'dak il-jum ikun hemm ħafna li jgħiduli, 'Mulej, Mulej, mhux f 'ismek ħabbarna aħna, u mhux f 'ismek keċċejna x-xjaten u f 'ismek għamilna ħafna mirakli?' Imbagħad jien ngħidilhom, 'Lilkom qatt ma kont nafkom! Warrbu minn quddiemi, intom li tagħmlu l-ħażen!' (Mattew 7:21-23). Xokkanti dal-kliem! Jista' jkun qed nagħmlu t-tajjeb f 'isem Alla imma kulma nafu dwar Alla hu biss ismu! Ħafna jinħbew wara maskra reliġjuża u jipprattikaw it-taparsi biża' jew reverenza lejn Alla meta jaqblilhom jew biss bħala drawwa kull nhar ta' Ħadd! Forsi għadhom ma ntebħux li l-fidi vera hi ħajja dejjem, il-ħin kollu, u allura trid tiġi pprattikata sebat ijiem f 'ġimgħa, ġewwa u barra l-erba' ħitan tal- bini tal-knisja? Kun af li lil Alla ma tista' tagħtih xejn li mhux tiegħu diġà. Ibda billi tagħtih qalbek! gospelhopecommunity@ gmail.com Karnival is-sena kollha! Ħafna jinħbew wara maskra reliġjuża u jipprattikaw it-taparsi biża' jew reverenza lejn Alla meta jaqblilhom jew biss bħala drawwa kull nhar ta' Ħadd! Forsi għadhom ma ntebħux li l-fidi vera hi ħajja dejjem Għal ħafna m'hemmx bżonn jiġi xi żmien partikolari biex jinħlew fil-bluha u x-xalar għax dawn ifittxuhom dejjem, aktar mill-għaqal! Lanqas ma jistennew xi data biex jiżżejnu b'rikkezzi minn barra. Il- maskra jilbsuha s-sena kollha! Marylin Bellizzi