Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/939846
14 illum | Il-Ħadd 11 ta' Frar 2018 GĦALKEMM il-Karnival ta' Malta għal mijiet ta' snin dejjem kien marbut ma' żmien sabiħ ta' briju u xalar fil-Belt Valletta, partikolarment għat-tfal u ż-żgħażagħ, sfortunatament insibu wkoll Karnival traġiku li seħħ fl-istess belt kważi mitejn sena ilu. Qed nirreferi għal ġrajja li seħħet fil-Karnival tal- 1823, propju bħal-lum fil- 11 ta' Frar u li fiha numru kbir ta' tfal mietu fil- Kunvent tal-Franġiskani, fil-Belt Valletta. Minn riċerka li għamlet dwar din il-ġrajja, Fiona Vella, irnexxielha ssib ħafna mid-dettalji dwar dan l-inċident li jinsabu miġbura fl-arkivji tal-Librerija Nazzjonali tal-Belt. Għal bidu, l-aħbar ta' din it- traġedja twasslet permezz ta' nota miktuba mis-Segretarju Prinċipali tal-Gvern, Richard Plasket, fil-Gazzetta tal-Gvern ta' Malta (Num. 557) tal-14 ta' Frar 1823. F'din l-aħbar huwa jinforma dwar il-ħatra ta' inkjesta dwar dan il-każ. Id-dettalji kollha mbagħad insibuhom imniżżla fis-Suppliment tal- istess ġurnal li jġib l-istess data msemmija tal-14 ta' Frar. Fil-kitba dettaljata tiegħu, is-Segretarju Prinċipali jinkludi ħafna informazzjoni li waslet għandu minn tagħrif li wassallu mingħand l-Isqof ta' Malta; mix-xiehda ta' persuni li dehru quddiem il-Maġistrat tal-Pulizija (fosthom kemm familjari tal-vittmi kif ukoll individwi oħra li kienu preżenti meta seħħ dan l-inċident), u kif ukoll minn rapport mediku relatat mal-każ. Jibda billi jispjega l-oriġini ta' din il-ġrajja u jsemmi illi f 'dawk l-aħħar snin, f 'Malta, kienet nibtet id- drawwa li fl-aħħar jiem tal-Karnival, jinġabru għadd ta' subien tal-età bejn it-8 u l-15-il sena l-parti l-kbira minnhom ġejjin mill-partijiet il-fqar tal-inħawi tal-Belt u tat- Tliet Ibliet (Bormla, l-Isla u l-Birgu). Dawn it-tfal kienu jipparteċipaw f 'din l-attività minn jeddhom. Ġeneralment kienu jinġabru f 'purċissjoni u wara li jittieħdu l-Furjana jew fil-viċinanzi biex jisimgħu quddiesa kienu jingħataw xi ħobż u frott. Dan l-ikel kien jiġi pprovdut permezz ta' ftehim li kien isir apposta bejn il-gvern u xi benefatturi. L-għan ewlieni ta' din l-attività kien biex iżomm lit-tfal 'il bogħod mill-ġlied u mill- konfużjoni tal-Karnival li kien popolari mhux ħażin f 'dawk iż-żminijiet fl-ibliet imsemmija. L-arranġamenti għal din il-purċissjoni kienu jsiru mid-Diretturi Ekkleżjastiċi responsabbli mill-Istituzzjoni li kienet tgħallem il-katekiżmu. Mid-dehra nhar il-10 ta' Frar 1823, skont kif kienet it-tradizzjoni, xi tfal ittieħdu jisimgħu quddiesa l-Furjana u mbagħad twasslu lejn il- Knisja ta' Ġieżu fil-Belt fejn hemmhekk ingħatalhom xi ħobż u frott, mingħajr ma nqala' l-ebda inċident. Iżda l-istess pjan sfratta għalkollox l-għada, meta minkejja li din l-attività kienet ippjanata li tirrepeti ruħha bla problemi, numru ta' żbalji, wasslu għal traġedja kbira li ħadd qatt ma basar li setgħet tiġri. Fil-bidu, nhar il-11 ta' Frar 1823, kollox mexa ħarir u kif suppost. It- tfal inġabru bħal-lejliet u ttieħdu jisimgħu l-quddies il-Furjana. Però jidher li din id-darba, iċ-ċerimonja ntemmet siegħa wara li suppost u għalhekk meta dawn it- tfal twasslu sal-Knisja ta' Ġieżu, iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Karnival kienu laħqu spiċċaw. B'hekk, il-wasla tagħhom ħabtet fl-istess ħin meta n-nies li kienu qed jieħdu sehem fil-briju tal- Karnival, bdew jirritornaw lejn djarhom. Id-diżastru nqala' meta numru ta' tfal u adulti oħra li saru jafu b'din l-attività f 'Ta' Ġieżu, tħalltu bil-moħbi mat-tfal l-oħra ġejjin mill-Furjana, bil-ħsieb li anki huma jieħdu xi ħaġa mill-Kunvent. Skont il-pjan li kien jiġi segwit is-soltu, is-subien kienu jidħlu mill-bieb tas- sagristija tal-Kunvent ta' Ġieżu u joħorġu mill-bieb ta' faċċata li kien jagħti għal Strada Sant'Ursula. Hemmhekk kienu jingħataw il-ħobż u l-frott. Biex ikun evitat li xi tfal jidħlu darbtejn, kienu jitħallew jistennew f 'kuritur u l-bieb tas-sagristija kien jingħalaq warajhom. Ġara li f 'din il-ġurnata tal- 1823, il-bieb tas-sagristija tħalla miftuħ aktar mis-soltu peress li kienu qed jistennew lit-tfal ġejjin mill-Furjana, bil-konsegwenza li nies oħra, minbarra t-tfal li kienu intitolati, baqgħu deħlin ġewwa. Riżultat t'hekk, minflok il-madwar mitt tifel, li kien ikun hemm is-soltu, inġabar ammont ħafna akbar ta' nies. Kulma jmur, din il-folla bdiet timbotta lit-tfal li kien hemm aktar 'il quddiem bil-konsegwenza li dawn bdew jingħafsu kontra bieb li kien inżamm nofsu magħluq, biex it-tfal joħorġu minnu wieħed wieħed. Kif sar il-ħin, min kien responsabbli li jagħlaq, sakkar il-bieb tas-sagristija u peress li kien diġà qed jidlam, ma ndunax li kien irnexxielha tidħol miġemgħa mhux mistennija. Aħbarijiet "Kulma jmur, din il-folla bdiet timbotta lit-tfal li kien hemm aktar 'il quddiem bil-konsegwenza li dawn bdew jingħafsu kontra bieb" Jgħajtu x-xjuħ u jgħajtu t-tfal...darba CLIFFORD GALEA