Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/992525
illum | Il-Ħadd 10 ta' Ġunju 2018 I t-tifla ċkejkna fetħet iċ-ċoff u ħarset b'ħalqha miftuħ lejn ir-rigal li kienet għadha kemm qalgħet għal għeluq sninha. Pupa sabiħa. Pupa eżatt bħalha. Xagħar, għajnejn, idejn, xufftejn, il-kulur tal-ġilda… saħansitra anke l-libsa li kellha fuqha kellha waħda bħalha preċiż! "Kemm hi sabiħa!" stagħġbu l-mistednin li kienu fil-kamra tal-ikel. Żiffa ħelwa li mliet il-kamra propjament dak il-ħin, ħarġet barra mit-tieqa u baqgħet sejra 'l fuq, tintilef mal-arja pura u nadifa ta' dak ir- raħal ċkejken u moħbi qalb il-kampanja, b'għolja kbira fuq naħa minnhom li kienet tiddomina dawn l-inħawi, b'binja prominenti fuq nett, imxejna bil-paletti li kienu jduru mar-riħ; il-mitħna sabiħa fejn kienet toqgħod dik li kienet tagħmel il-pupi. Kulħadd kien iħobbha. Kollha kemm huma. Hekk malli ż-żiffa tar-riħ telgħet s'hemm fuq nett, semgħet l-ilħna ferrieħa tal- festin jifirħu bil-pupa li tant kienet ħadet ħsieb tagħmel b'reqqa. Tant dettall. Tant imħabba u għożża. Kienet tieħu gost tarahom ferħanin. U billi kienet tagħmlilhom l-isbaħ pupi li qatt raw, eżatt bħalhom stess, kienet taf li r-raħħala li kienu joqogħdu hemm isfel, kienu jkunu qegħdin jistennew dik il- ġurnata li fiha kien ikun ser ikollhom okkażżjoni, ħalli jitilgħu l-passaġġ mimli ġebel u mserrep li kien jagħti sa fuq nett tal-għolja u jordnaw pupa. Ħadd ma kien jaf x'jisimha. Ħadd ma kien jaf ommha u missierha min kienu, kinitx trabbiet waħedha, kellhiex ħutha, kellhiex ħbieb jew qraba. Iżda meta kienet tinżel fir-raħal biex tagħmel xi qadja, dejjem waħedha rawha. U għalkemm kienet tfajla sabiħa, xuxitha kulur id- deheb, b'par għajnejn kbar, kbar kannella, ħadd qatt ma kien irnexxielu jagħmel diskursata magħha. Kienet ta' ftit kliem. U kull darba li kienu jifirħulha tal-pupi sbieħ li kienet tagħmlilhom, kienet titbissem ftit, tbaxxi rasha u titlaq tiġri 'l barra. Barra minn hekk, anke meta kienu jiġu biex imorru s'għandha, għalkemm kienu jkunu jridu jqabbduha għax- xogħol, fl-istess ħin kienu jistkerrhu l-kruha tat-triq wieqfa u mserrpa, li n-naħa ta' barra tagħha kienet taqta' għal isfel, u kienu aktar u aktar jistkerrhu lilha. Mhux darba jew tnejn telgħu jordnaw pupa u sabbtitilhom il-bieb f 'wiċċhom! Iżda oħroġ il-għaġeb, qatt ma naqsithom. Kull darba li kienu jkunu ordnaw pupa mingħandha, dakinhar miftiehem, kienu jsibu kaxxa kbira kkulurita u mgeżwra quddiem il-bieb ta' darhom! U ġo fiha kien ikun hemm pupa isbaħ minn dik ta' qabilha! Din l-istorja kien ilha għaddejja ġmielha. It-tfajla li kienet tagħmel il- pupi kienet ilha tagħmlilhom pupi sbieħ għal dawn l-aħħar sitt snin u kulħadd kien jirrispettaha. U kulħadd kien ikun ħerqan ħalli jmur jordna mingħandha. Magħhom kienu jtellgħu l-flus, ritratt sabiħ u jmorru jistennew l-isbaħ pupa! Sa dakinhar. Sa dakinhar li ġrat dik id- diżgrazzja. Petra kienet tifla ta' ħames snin. Ovvjament meta kien ser ikollha jum għeluq sninha, missierha kien ħaseb biex jitla' għand it-tfajla li kienet tagħmel il-pupi sabiex jordnalha waħda. Wara li t-tfajla li kellha xagħarha twil iżżejjed, kemxejn imħabbel u kienet liebsa ħwejjeġ qodma ta' ġewwa, għamlitlu iva b'rasu u għalqet il-bieb f 'wiċċu, il- missier niżel iħaffef in-niżla, qalbu mimlija ferħ, b'seba' mitt sena fuqu ħalli jara pupa eżatt bħal bintu lesta għal dakinhar tal-festin. Iżda x-xorti riedet mod ieħor. Sebaħ dak il-jum misħut. Il-missier mar iħaffef lejn il-bieb ta' barra. Fetaħ il-bieb. Sab il-kaxxa, daħħalha ġewwa. Bintu fetħet il-kaxxa waqt il- festin u t-tifla ferħet mhux ftit bil-pupa! Iżda dak il-lejl, hekk kif iċ- ċkejkna kienet rieqda flimkien mal-pupa li kienet eżattament il-fotokopja tagħha, ħasset xi weġgħa kbira f 'sidirha u ħalliet din id-dinja ħesrem. Il-missier beka mhux ftit. Għalkemm lanqas it-tobba ma kienu taw verifika eżatt ta' biex kienet mietet bintu, dan l-imbierek daħħalha f 'rasu li l-pupa kienet ġabitilhom is-saħta. Dakinhar filgħodu ħareġ jiġri bil-pupa f 'idu, qisu wieħed mitluf minn sensih u beda jgħajjat u jwerżaq mar- raħal kollu. "Qatlitha! Il-pupa misħuta! Dik li tagħmel il-pupi hemm fuq misħuta!" beda jgħajjat u jsabbat il-pupa 'l hawn u 'l hemm. Ma tantx taw kasu. Bdew jaħsbu li kien qed iġib ruħu hekk għax kien imweġġa' bil-mewt tat-tifla. Iżda lanqas biss laħqet għaddiet ġimgħa, li raġel ieħor li kien mar jordna pupa oħra għan-neputija tiegħu mingħand dik li kienet tagħmel il-pupi, ma ġralhomx l-istess traġedja! Pupa. Uġigħ. Mewt ta' tifla! Issa r-raħħala bdew jaħsbu ħażin. Kien propju dak il-ħin li donnhom lil dik li kienet tagħmel il-pupi bdew jistkerrhuha! Ħareġ wieħed minnhom jgħajjat kemm jiflaħ li l-pupi kienu qegħdin iġibu s-saħta. U kull min kellu pupa ħariġa barra fil-pjazza u għalkemm kienet ħasra kbira, għamluhom kollha fuq xulxin u tawhom in-nar! Ħuġġieġa! Jien kont hemm. U kont waħda minnhom. Iżda jew forsi għax ma bdejtx nemmen fis-saħta jew forsi għax il-pupa li kelli kienet wisq għal qalbi, tiegħi ma ħriġthiex magħhom. Anzi, tfajtha ġo kaxxa u ħbejtha. Kont hemm fil-pjazza u rajthom jaħarquhom u bdejt inxomm ir-riħa tad-drappijiet u xagħarhom jieħdu n-nar. U propju dak il-ħin, ilmaħt bħal dell fuq l-għolja. Dell ta' tarf ta' libsa twila skura, li donnha kienet qiegħda tosserva kollox minn fuq. U xi erbat ijiem wara niżlet l-għolja biex tixtri u tgħidx kemm għajjruha u ħammġulha unurha, dawk l-istess nies li sa ftit qabel kienu jfaħħruha. U issa kienu għaddew xi għaxar snin minn dakinhar. U hi… hi qatt ma reġgħet dehret 'l hemm. Ħadd qatt ma reġa' raha. Min jaf x'kien sar minnha? Uħud kienu jgħidu li kienet mietet fil-mitħna hemm fuq. Oħrajn kienu jgħidu li tant ħaditha bi kbira, kienet telqet minn hemm. U llum ġietni l-kurżità. U ridt nitla' fuq biex nara. "Ejja miegħi," għidt lil Maria. Maria kienet qisha oħti. Dejjem flimkien. Konna sirna ħbieb xi ħames snin ilu, meta kienet ġiet tgħix f 'dan ir-raħal. "Aħjar le…" qaltli. U dak il-ħin rajt xufftejha jiġġebdu donnha kienet qiegħda tibża'. "U ejja!" għidtilha. Kważi ġbitha 'l fuq. Tlajna l-għolja. Wasalna quddiem il- mitħna. Ħassejt qalbi tħabbat mija mija. Il-pupa li kienet għamlitli kienet għadha fil- moħba, sabiħa daqs li kieku kienet għadha ġdida. Il-paletti tal-mitħna kienu mikulin u kien hemm xi rwejjaħ mhux pjaċevoli. Jien ersaqt lejn il-bieb, indunajt li kien imsakkar u mbuttajtu ftit. Infetaħ. Għal mument, kont ser indur lura għax bdejt nibża'. Iżda Maria kienet warajja u donnha issa riedet tidħol. Ersaqna mal-bieb u ttawwalna 'l ġewwa. Imbuttat il-bieb u dħalna. Bdejt nirtogħod. Bdejt nibża'. "Dik x'inhi?" staqsejt lil Maria. Rajt qisha forma ta' mara fuq is-siġġu. Donnha kienet iċċassata tħares 'il quddiem. Qalbi għamlet tikk. Pupa. Kienet pupa. Eżatt bħalha. Eżatt bħalma kienet hi. Xagħar kulur id-deheb. Par għajnejn kbar kannella. Kont insejt kif kienet. Iż-żmien inessi. Imbagħad dort inħares lejn Maria. Maria kienet qiegħda tħares lejja b'mod mhux tas- soltu. U indunajt. Maria resqet eqreb lejja. Għamlet subgħajha l-werrej quddiem xufftejha. "Xxxxxxxxxx," qaltli. "Tgħid lil ħadd." Neħħiet il-parrokka u n-nuċċali tal-vista. U ħarist lejn xuxitha dehbi u għajnejha kbar kannella. U kont naf. Kont naf li kont qed inħares lejha. Lejn dik li xi darba kienet tagħmel il-pupi. 20 Rakkont Dik li kienet tagħmel il-pupi Sharon Calleja