Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/992525
15 Il-Ħadd 10 ta' Ġunju 2018 | illum Valletta Protagonista tal-ġrajjiet tas-Sette Giugno urtaw ruħhom bl-għażla tiegħu, tant li r-rappreżentanti tal- poplu fl-Assemblea Nazzjonali ddeċidew li ma jiħdux sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet. Dan il-fatt kabbar sew it- tensjoni u l-għadab tal-poplu. Fil-fatt meta l-Assemblea Nazzjonali ltaqgħet fil-25 ta' Frar folol kbar daħlu l-Belt Valletta u għamlu dimostrazzjoni kontra l-Gvern Ingliż. Ftit jiem wara, xi studenti tal-liġi kienu qed jipprotestaw minħabba tibdil fil- kors tagħhom. Ħin minnhom raw lil dan Ċikku Azzopardi u bdew jgħajruh u jgarawlu l-bajd. Wara dan l-inċident Azzopardi rriżenja mill-kumitat taċ-ċelebrazzjonijiet tar-rebħa. F'April folla mdaqqsa ta' Maltin reġgħet inġabret il-Belt quddiem il-Każin Malti (ħdejn Cordina tal-ħelu) u bdiet titlob biex jitnaqqas il-prezz tal-ħobż. Il- folla ħaditha kontra ċertu Cassar Torregiani li kien importatur ewlieni tal-qamħ u President tal-Bord tal-Prezzijiet. Wara li l-Assemblea Nazzjonali bagħtet it-talba tagħha għal gvern awtonomu, ir-risposta min-naħa Ingliża kienet li l-Maltin kellhom jistennew lill-Gvernatur il-ġdid biex jistudja s-sitwazzjoni. Din ir-risposta ġabet qasma fost ir-rappreżentanti tal- Maltin. Fortunato Mizzi u sħabu tal-Comitato Patriottico riedu lill-Assemblea tirrifjuta din ir-risposta filwaqt li kien hemm dawk, fosthom Filippo Sciberras li riedu l-affarijiet isiru b'iktar kalma u jistennew x'kellu jgħid il-Gvernatur il-ġdid. Qbil fl-Assemblea ma ntlaħaqx dwar x'risposta kellha tinbagħat lill-Gvern Ingliż u ġie deċiż li l-Assemblea Nazzjonali terġa' tiltaqa' nhar is-7 ta' Ġunju biex tittieħed deċiżjoni finali. Fl-istess waqt il-poplu ġie mħeġġeġ biex dakinhar tas-7 ta' Ġunju jitla' l-Belt bi ħġaru ħa juri appoġġ lill-Assemblea Nazzjonali u l-għadab tiegħu kontra l-Gvern Ingliż. Fis-7 ta' Ġunju folol kbar ta' nies inġabru ġewwa l-Belt u l-qiegħa ma damitx ma saħnet sew. F'ħin minnhom ġemgħa nies ħabtet għall-ħanut A la Ville de Londre quddiem il- Palazz. Sid dan il-ħanut bi sfida kien ħalla l-ħanut miftuħ meta kienet iltaqgħet għall-ewwel darba l-Assemblea Nazzjonali u dakinhar kissrulu l-ħtieġa tal- vetrina. Il-folla baqgħet tiftakar u minkejja li din id-darba l-ħanut kien magħluq, kellu tperper fuq il-bejt il-bandiera Ingliża. Il-folla qieset dan bħala sfida oħra u xi wħud telgħu u qaċċtu l-bandiera. Wara l-istess folla niżlet ftit metri 'l bogħod ħdejn il-Union Club li kien il-każin tas-sinjuri, negozjanti u nies ta' klassi għolja li kienu jissimpatizzaw mal-Ingliżi. Il- każin baqa' miftuħ u l-folla bdiet tgara kulma sabet taħt idejha lejn il-każin u wara ftit ħin kellu jagħlaq. Il-folla malajr tilfet il-kontroll, u kull fejn bdiet tara bandiera Ingliża bdiet tqattagħha u taħraqha, azzjoni li kienet insult kbir lejn l-Ingliżi. Wara l-Union Club mess lill-bini tad-Daily Malta Chronicle, ġurnal bl- Ingliż li dejjem żamm mal- Gvern Imperjali. Il-folla daħlet fl-istamperija ta' dan il-ġurnal u għamlet ħerba. Folla oħra ħabtet għad-dar ta' Ċikku Azzopardi u wara għal dik ta' Cassar Torregiani li kien responsabbli għall-għoli fil-prezz tal-ħobż u l-kwalità ħażina tiegħu. Il-pulizija tilfet kull kontroll tal- irvell u l-Gvernatur kellu jibgħat rinforz ta' suldati Ingliżi biex jgħassu l-postijiet imsemmija qabel fil-Belt Valletta. Kif il-Maltin lemħu s-suldati aktar saħnu u bdew igarawlhom ġebel, injam u kulma sabu. Is- suldati nqabdu f 'paniku u fetħu n-nar fuq il-folla. Mal-ewwel sparaturi nqatlu Manwel Attard minn Tas-Sliema u Ġużeppi Bajjada mix-Xagħra, Għawdex. Quddiem l-istamperija tad- Daily Malta Chronicle kien hemm ħuġġieġa ta' karti u injam u mill-istamperija bdiet ħierġa riħa ta' gass. Beżgħan li kienet se sseħħ xi splużjoni, uffiċjal Ingliż ordna lis-suldati biex jisparaw lejn il-ħuġġieġa biex iferrxu l-folla. B'xorti ħażina intlaqat f 'rasu Wenzu Dyer li waqa' mejjet fil-post f 'għadira demm. Fil-paniku l-Maltin komplew jisfidaw lis-suldati. Il-katavru ta' Wenzu Dyer flimkien ma' dawk ta' Maltin oħra midruba ttieħdu Strada Stretta fejn jingħad li l-ġisem mejjet ta' wieħed mill- vittmi ġie mgeżwer f 'bandiera Maltija. Meta l-Assemblea Nazzjonali semgħet b'dan kollu temmet il-laqgħa ħesrem u xi wħud minn dawk preżenti ħarġu jiġru biex jikkalmaw is-sitwazzjoni. B'hekk il-folla kkalmat u kulħadd telaq lura lejn daru. L-għada filgħodu l-Maltin reġgħu telgħu l-Belt bil-ħsieb li jpattuha lill-Ingliżi u l-inkwiet reġa' beda. L-ewwel vittma dakinhar kien suldat Ingliż li ġie taħt idejn il-Maltin li tawh xebgħa kbira. Is-suldat li kien marid miet l-isptar xi xahar wara. Il-folla reġgħet ħebbet għad-Daily Malta Chronicle u l-istamperija ngħatat in-nar u reġa' ġie attakkat ukoll il-Każin Malti. Wara ftit ħin li s-sitwazzjoni dehret ħa tikkalma, ċorma nies ħebbew għad-dar tal-Kurunell John Francia importatur tal- qamħ u President tal-Kamra tal-Kummerċ. Kien ieħor minn dawk responsabbli għall-prezz għoli tal-ħobż. Il-folla daħlet fid-dar tiegħu (Palazzo Ferreria quddiem it-Teatru Rjal) u għamlitha ħerba, kien hemm ukoll min ħa l-opportunità biex jisraq affarijiet prezzjużi. Issejħu suldati Maltin tal-King's Own Malta Regiment li iżda ma setgħux jikkontrollaw il-folla. Malajr waslu wkoll fuq il-post stakkament ta' baħrin Ingliżi. Fil-konfużjoni ndarab Karmenu Abela li kien hemm mhux biex jipprotesta imma biex ifittex lil ibnu. Baħri Ingliż ordna lil Abela jitlaq mill-post iżda dan irrifjuta u l-Ingliż tah daqqa ta' bajunetta. Karmenu Abela miet xahar wara bil- ferita li ġarrab. Filgħaxija ġie attakkat ukoll ċertu Farrugia li kellu magna tad-dqiq fil- Ħamrun u l-għada, fid-9 ta' Ġunju xi Maltin ħebbew ukoll għal magni tad-dqiq fil-Marsa, fiż-Żejtun, f 'Ħal Qormi u fir-Rabat fejn serqu b'kollox mal-mitejn xkora dqiq. Il-funeral ta' tlieta mill-vittimi sar it-Tnejn 9 ta' Ġunju u dakinhar il-ġurnali ġew ordnati mill-Gvern biex ma jiktbu xejn dwar dak li ġara. Iżda dan ma waqqafx lill-eluf kbar ta' Maltin li ħonqu t-toroq ewlenin tal- Belt biex jagħtu l-aħħar tislima li dawk l-Maltin li xerrdu demmhom għal pajjiżhom. Wara dan l-avveniment, il-Gvern Ingliż ried jikkalma s-sitwazzjoni. Bagħat Gvernatur ġdid; Lord Plumer, u fl-1921 Malta ngħatat kostituzzjoni ġdida. F'din il-kostituzzjoni l-Maltin kisbu Gvern immexxi mill-Maltin li għall-ewwel darba seta' jagħmel liġijiet fi ħwejjeġ lokali. Dan jissejjaħ Gvern Responsabbli (Self-government). Għall- ewwel darba wkoll Malta kellha Prim Ministru u Ministri. L-ewwel Prim Ministru kien Joseph Howard tal-Unione Politica Maltese.' F'din il-kostituzzjoni l-Gvernatur xorta baqa' fuq il-kostituzzjoni u seta' jirtiraha meta jħoss il-bżonn. Hekk ġara fl-1933, meta l-Gvern Ingliż ħa l-kostituzzjoni minħabba li ħass li l-Partit Nazzjonalista, li kien fil-Gvern, kien qed jagħmel wisq propoganda favur il-lingwa Taljana. Hekk kif l-Ewropa kienet riesqa lejn it-Tieni Gwerra Dinjija u l-Italja kienet immexxija minn Mussolini, il-Gvern Ingliż ra li din il-kostituzzjoni kienet tagħti wisq poter lill-Maltin u dan seta' jkun ta' periklu għal Malta bħala kolonja Ingliża. Nixtieq nagħlaq b'appell hekk kif ninsabu fuq l-għatba ta' sena speċjali meta pajjiżna jfakkar l-ewwel ċentenarju minn dawn il-ġrajjiet storiċi li mmarkaw l-istorja moderna ta' pajjiżna. L-appell tiegħi jmur lill-forzi politiċi f 'pajjiżna biex f 'din l-okkażjoni jwarrbu d-differenzi politiċi tagħhom u jaħdmu flimkien għal tiġdid tal-ispirtu u tal-qafas tal- kostituzzjoni tagħna "fi spirtu ta' lealtà mibnija fuq l-imħabba ġenwina għal pajjiżna". Dan jista' jkun l-iktar mod konkret u l-aqwa monument ta' ġieħ u ħajr li nistgħu nroddu lill- martri tas-7 ta' Ġunju, u lil kull min bata biex aħna, uliedna u wlied uliedna ngawdu lil Malta tal-lum.