Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1499168
kotba Ġimgħa wara l-inkurunazzjoni tar-Re Karlu III fl-Ingilterra, Noel Tanti jaqbad f'idejh ir-rumanz Ir-Re Borg ta' Aleks Farrugia. Imma Malta lesta għal re ġdid? 'Dan huwa rumanz li pajjiżna għandu bżonn.' David Aloisio, kittieb u akkademiku, endorsja Ir-Re Borg t'Aleks Farrugia b'dan il-mod. Hija stqarrija b'saħħitha. Il-kelma 'bżonn' tispikka għax qed tgħidilna li dan ir-rumanz imur lil hinn mis-sempliċi gost li taqra rakkont fittizju u li, b'xi mod, jimpatta l-ħajja tagħna ta' kuljum. Ir-Re Borg (SKS, 2022) huwa rumanz politiku u waħda mill- karatteristiċi ewlenin ta' dan il-ġeneru hija li jindirizza temi kurrenti mil-lenti ta' personaġġi mistħajla u b'dan il-mod iqanqlu diskors dwar in-natura tal-poter, it-tmexxija ta' pajjiż u l-bidla soċjali. Hemm fergħat oħra f 'dan il-ġeneru, bħalma huma r-rumanzi distopiċi u r-rumanzi storiċi, imma f 'dan il-każ, Farrugia ppreżentana b'satira. Is-satira soċjopolitika għandha tradizzjoni rikka fil-letteratura Maltija. Hemm pereżempju Il-Qarċilla (1760) ta' Dun Feliċ Demarco; Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka (1930-31) ta' Juann Mamo; Il-Manifest tal-Killer (2006) ta' Karl Schembri; What happens in Brussels stays in Brussels (2013) ta' Ġużè Stagno; u bosta oħrajn. Permezz tal- umoriżmu, l-ironija, l-iperbole u xi kultant anki r-redikolu, dawn il-ġrajjiet iperrċu, sabiex jikkritikaw l-isfond politiku u kulturali ta' meta nkitbu. Għalhekk ma jservux biss ta' tingiża lill-qagħda kurrenti tal- pajjiż iżda huma wkoll ritratt tas-soċjetà fi żmien partikolari. X'għandu x'jgħid Ir-Re Borg dwar is-soċjetà u l-kuntest politiku li qed ngħixu fih bħalissa? Il-karattru prinċipali tar- rumanz huwa Mikiel Borg, magħruf bħala ċ-Chopper. Għandu ħanut żgħir tal-merċa u minħabba nuqqas relattivament venjali ta' natura fiskali, jispiċċa maqbud f 'tagħsida burokratika li tħallih mingħajr xogħol u f 'dipressjoni akuta. Fuq ir-riħ ta' esperjenza epifanika li tinvolvi l-film Gladiator u maratona dokumentarji dwar Pietru l-Kbir, iz-Zar tar-Russja, Mikiel jitwebbel li jrid joħloq partit politiku ġdid sabiex jirranġa 'l Malta: il-Partit Monarkiku Malti. Mikiel jidħol għal din l-intrapriża b'ruħu u b'ġismu u, kontra l-aspettattivi ta' kulħadd, dak li beda b'miting minn fuq kaxxa ta' vann jispiċċa theddida kredibbli għaż-żewġ partiti dominanti. Il-bidu ta' dil-ġrajja rajnieh iseħħ kemm-il darba fl-istorja politika Maltija. Personaġġi bħal Spiru Sant, Richard Sultana (Tal- Farfett) u Żaren tal-Ajkla kienu kandidati indipendenti li qiesu lilhom infushom is-soluzzjoni għall-problemi tal-pajjiż. Iżda jekk fil-verità lil dawn il-proxxmi ħadd qatt ma ħadhom bis-serjetà, u l-popolarità tagħhom kienet biss distrazzjoni mill-intensità tal-kampanja elettorali tal-partiti prinċipali, Mikiel Borg huwa storja oħra. Farrugia jagħni lil Borg b'għaqal li għall-ewwel ma nkunux qed nistennewh. Dan ir-raġel sempliċi jgħix ħajja sempliċi: m'għandux ambizzjonijiet kbar u l-involviment soċjali tiegħu ma jixrifx 'il barra mill-erba' ħitan tal-ħanut u tad-dar tiegħu. Mikiel mhuwiex bniedem li jieħu r-riedni f 'idejh, li jistagħna sabiex jattwa viżjoni ta' x'ħajja għandu jgħix. Jilgħab bil-karti li firxulu quddiemu u jekk il- mazz ma jogħġbux, m'hemmx x'tagħmel. Iżda hu u jaħdem għall- partit tiegħu, niskopru li Mikiel għandu kuxjenza, prinċipji li jemmen fihom bis-sħiħ u b'integrità. Dawn il-karatteristiċi jiddistingwuh mill-bqija tal- politiċi u l-kandidati l-oħra. Mikiel ma qabadx it-triq tal- politika sabiex jagħmel gwadann personali jew jikseb il-poter. Bin-nuqqasijiet u l-inġenwitajiet kollha tiegħu, it-twemmin politiku ta' Mikiel nibet minn post ġenwin li jipprijoritizza fuq kollox il-benesseri taċ-ċittadin. Mikiel hu fiduċjuż li jekk lill- poplu toffrilu alternattiva għall- qerq u l-ipokrezija li jimxu id f 'id mal-politika, dan se joħodha. Sfortunatament, mhux kulħadd jaraha bħalu. Lil Mikiel, il-Prim Ministru jwiddbu biex 'ma nqanqlux terremoti' għax in- nies, fl-aħħar mill-aħħar, iridu kollox jibqa' kif inhu. Jekk se jkun hemm bidla, din għandha sservi biss ta' mossa strateġika sabiex l-opportuniżmu tar-reġim il-qadim jitlibbes libsa ġdida. Il- poplu mhux ġustizzja jrid imma li r-riħ idur favurih. Sa ċertu punt, il-ġrajja ta' Mikiel f 'Ir-Re Borg hija Bildungsroman jew, kif isejħulha bl-Ingliż, 'a coming-of-age tale'. Bħalma t-tfal jimmaturaw permezz t'esperjenzi formattivi li jinfluwenzawlhom l-andament ta' ħajjithom, il-proċess li jgħaddi minnu Mikiel hu u jistinka għall-Partit Monarkiku Malti, mhux talli jibdlu minn ċittadin passiv għal wieħed ħawtiel, imma jesponih ukoll għall-ħażen u l-Makkjavelliżmu tal-ħajja politika. Iktar ma jħabbat wiċċu ma' nies u sfidi, iktar jiskopri affarijiet dwaru nnifsu, affarijiet li jiżviluppaw u jsaħħu l-karattru tiegħu u l-valuri li jemmen fihom. Il-formazzjoni ta' Mikiel hija s-sinsla tal-ktieb, il-fil narrattiv li jgħaqqad kollox flimkien, anki stilistikament: l-umoriżmu Fantozzjan mal- melodrammatiku, il-parodija mar-romantiku. Madankollu, Farrugia joqgħod lura milli jidealizzah. Minkejja li Mikiel huwa eroj li spunta mill-klassi tal-ħaddiem, wieħed 'miż-żgħar' li jaħdem 'għaż- żgħir', bl-ebda mod mhu perfett: qalibha lil martu, ittraskura lil bintu, għamel żball wara żball wara żball fil-kampanja elettorali. Mikiel huwa raġel vulnerabbli, mimli assurditajiet u kontradizzjonijiet. Xi drabi jimxi b'istint iktar milli b'għaqal; iżda huma propju dawn l-intoppi li jfakkruh li bħala kandidat politiku qiegħed jaħdem biex jaqdi lill-poplu aħjar, u li l-poplu huwa magħmul min- nies tad-demm u l-laħam bħalu. Ħafna drabi, ir-retorika politika tnessina dan kollu. Ir-Re Borg jissottolinja n-nuqqasijiet tal-individwi u tal-istituzzjonijiet, ta' dawk l-entitajiet li jsawru ħajjitna u s-soċjetà li ngħixu fiha. X'aktarx li l-monarkija mhix is-soluzzjoni għall-problemi politiċi tal- pajjiż. Imma forsi jekk kellna nagħmlu eżerċizzju immaġinattiv bħal dak ta' Farrugia f 'dan ir- rumanz, u nisfidaw in-normi, is-suppożizzjonijiet u l-parametri tal-ħsieb stabbilit, inkunu f 'pożizzjoni aħjar biex naraw kif nistgħu ntejbu l-qagħda f 'pajjiżna. Forsi dan huwa l-'bżonn' tagħna. Ir-Re Borg Rokna letterarja mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb 15 illum • IL-ĦADD 14 TA' MEJJU 2023 'Aleks Farrugia