Illum previous editions

ILLUM 27 November 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/755514

Contents of this Issue

Navigation

Page 34 of 35

Il-Ħadd 27 ta' Novembru 2016 | illum Sports 35 gwadann personali, irridu neħilsu minnu' It-tieni proġett huwa dak li l-President sejjaħ 'The New Premier League.' Fl-istaġun li ġej se nkunu qed naraw tibdil fil-Kampjonat Premier, li se jitla' minn 12 għal 14-il tim fuq żewġ rawnds u l-introduzzjoni tas-season tickets. Però, dan mhux biżżejjed. Naħseb li wasal iż-żmien biex nibdew inħossuna kburin bil-kampjonat tal-ogħla diviżjoni tagħna, għax naħseb li dik kapaċi tgħin biex tiġbed in-nies lejn il-grawnd. Se tiġi ordnata tazza ġdida għar-rebbieħa tal-kampjonat li se tkun denja taċ- champions ta' Malta, u hemm numru ta' ideat ta' marketing li għandhom jgħinu biex il-Premier League jibda jingħata l-importanza li ħaqqu. Dan huwa abbinat ma' proġett ieħor li huwa l-kors tal-amministraturi għall-klabbs tagħna. Dan il-proġett issa ser jgħaddi f 'idejn is-Segretarju Ġenerali l-ġdid, Angelo Chetcuti, u nieħu l-okkażjoni biex nifraħlu għall-kariga l-ġdida. Mhux se tkun faċli, però nemmen li Angelo għandu l-kwalitajiet kollha biex ikompli jibdni fuq it-tajjeb li għamilna f 'dawn l-aħħar sitt snin. Tina iktar dettalji rigward il-Liġi tal- Kummerċjalizzazzjoni tal-Faċilitajiet Sportivi li int il-moħħ warajha. Il-liġi l-ġdida se toħloq qafas ta' struttura li għandha tippermetti lill- klabbs tagħna, u assoċjazzjonijiet sportivi oħra, jibdew jużaw il-faċilitajiet tagħhom bi skop kummerċjali. Dan se jsir biex dawn ma jibqgħux jiddependu biss fuq l-isponsors u d-donazzjonijiet tal- Presidenti, iżda jibdew jiġġeneraw ċertu introjtu huma stess. Hekk biss naħseb li nistgħu nibdew naħsbu biex nagħmlu l-pass li jmiss lejn il-professjonaliżmu. Klabbs li jkunu kapaċi jitmexxew mill-flus li jiġġeneraw għalihom stess, liema profitti għandhom iwasslu għall-faċilitajiet aħjar, kowċing aħjar u b'konsegwenza plejers aħjar. X'kien ix-xogħol tiegħek meta ilu kont preżenti f 'Pariġi waqt Euro 2016? Jien kont hemmhekk bħala membru tal-Kumitat tal-Kontroll, Etika u Dixxiplina tal-UEFA u xogħlna kien li niġġudikaw fuq il-każijiet ta' dixxiplina kollha li seħħew waqt it-tournament. Ovvjament kienet esperjenza li mhu ser ninsiha qatt għax kelli x-xorti li jkolli rwol dirett fl-iktar kompetizzjoni Ewropea prestiġjuża ghan-nazzjonijiet. Kellna ħafna xogħol u deċiżjonijiet iebsin x'nieħdu, specjalment fl-ewwel fażi tal-kompetizzjoni meta nqala' l-inkwiet fil-partiti ta' bejn ir-Russja u l-Ingilterra u bejn il-Kroazja u r-Repubblika Ċeka. Fl-aħħar ġimgħat tnediet l-FA Trophy l-ġdida, fejn kont parti importanti minn dan il-proġett. Tina iktar dettalji. L-FA Trophy l-ġdida kienet idea sabiħa li ġiet lill-President tal-MFA u ċ-Chairman tal-FA Ingliża, li ftiehmu li wara 80 sena kien wasal iż-żmien li tiġi mġedda r-rabta ta' ħbiberija bejn iż-żewġ assoċjazzjonijiet. Ma ninsewx li l-FA Trophy kienet oriġinarjament rigal tal-FA Ingliża lill-MFA għall-kuraġġ li wrew numru ta' partitarji Maltin li fl-1933 kienu marru jissapportjaw lit-tim nazzjonali Ingliż kontra dak Taljan ġewwa Ruma. It-trophy oriġinali għaddiet minn ħafna idejn tul dawn is- snin u sostniet ħafna ħsarat, u ħassejna li kienet ħasra li din tkompli ssirilha l-ħsara mingħajr ma nagħmlu xejn. Għalhekk iddeċidejna li nieqfu nagħtuha, nirrestawraha kif suppost u 'l quddiem tkun l-item prinċipali fil-mużew tal- MFA. Madankollu ma xtaqniex naqbdu u naqtgħu mal-passat u ridna trofew ġdida li tmexxi 'l quddiem l-istorja ta' din il-kompetizzjoni. Għalhekk saret it-trophy il-ġdida li għandha ħafna elementi ġejjin mit-trophy l-antika, bħalma huma l-plejer bil-ballun f 'idu fil-biċċa ta' fuq tat-tazza, kif ukoll il-bażi sewda kwadra tal-istess tazza. Kien mument emozzjonanti għalija, u storiku għall-MFA, meta din it-tazza l-ġdida ġiet ippreżentata lill-MFA mill-FA Ingliża qabel il-partita bejn l-Ingilterra u Malta fit-8 ta' Ottubru li għadda ġewwa Wembley Stadium. Kif tħares lejn dawn l-aħħar snin li kont ilek fit-tmexxija tal-MFA? Kienu żgur snin li fihom sar ħafna xogħol. Fil-fatt ma naħsibx li nkun qed nesaġera jekk ngħid li l-futbol Malti llum huwa kompletament differenti minn sitt snin ilu. Ovvjament, għamilna ħafna żbalji, però nemmen li ma kinux żbalji li ħallew impatt negattiv ħafna u fuq kollox tgħallimna ħafna minnhom. Fuq kollox naħseb li bħala amministrazzjoni kbirna u mmaturajna flimkien u l-vot ta' fiduċja li rċevejna fl-aħħar Laqgħa Ġenerali Annwali huwa xhieda ta' kemm ix-xogħol tagħna qiegħed jiġi apprezzat mill-klabbs u l-assoċjazzjonijiet membri fi ħdan l-MFA. X'emozzjonijiet ħassejt u għadek qed tħoss meta ġejt mgħarraf li int se tkun l-Integrity Officer il-ġdid tal-UEFA? Għandi emozzjonijiet diversi. Ninsab kburi u sodisfatt li l-UEFA tatni din l-opportuità li l-Integrity Officer il-ġdid tagħha. Din mhux se tkun xi ħaġa faċli għalija hekk kif jien se nkun ir- rappreżentant ewlieni tal-UEFA kontra l-korruzzjoni fil-futbol. Madankollu, jien qed inħares lejn din l-opportunità b'fiduċja assoluta. Ma tħossx li se tkun qed tiġġieled ġlieda mitlufa meta wieħed iżomm f 'moħħu kemm huwa kbir il-kankru tal-betting li kulma jmur qed jeqred il-futbol mondjali? Le, lanqas xejn. Li kieku kont inħoss li se nkun qed niġġieled ġlieda mitlufa bħala Integity Officer tal-UEFA ma kontx naċċetta din il-kariga. Tajjeb wieħed jirrimarka li jien mhux se nkun qed niġġieled din il-ġlieda waħdi iżda se jkolli s-sostenn ta' diversi persuni esperti ta' dan is-suġġett. Jien għandi ħafna ideat ta' kif jistgħu jsiru l-affarijiet iżda ma nistax ngħid għalissa x'inhu dak li għandi f 'moħħi. Dan għaliex l-ewwel irrid nikkonsulta mal-Kap tal-Unit tad- Dixxiplina u l-Integrità fi ħdan il-UEFA, Emilio Garcia, li wera fiduċja fija. Minn hemm nimxu 'l quddiem, iżda jien ninsab ċert u qed inħares 'il quddiem ħafna għal dan ix-xogħol il-ġdid tiegħi, fejn ikolli ngħid li flimkien bħala tim kumpatt u magħqud, ser naħdmu biex niksbu r-riżultati mixtieqa. U l-fatt li se tkun qed tħalli l-amministrazzjoni tal-MFA? Inħoss ċertu dwejjaq li se nkun qed inħalli l-MFA. Sitt snin ilu meta Norman Darmanin Demajo qalli li ried avukat biex jaħdem fl-MFA u offrieli l-impjieg, tlaqt kollox biex naħdem fil-futbol Malti. Fl-ewwel ġurnata tiegħi tax-xogħol, kelli biss skrivanija u siġġu fl-uffiċċju tiegħi u b'hekk kelli nibni dan id-Dipartiment mill-bidu nett. Illum id-dipartimnet legali fi ħdan l-MFA għandu ħames impjegati eċċezzjoni, u jien kont nintervjeni meta jkun hemm bżonn ta' direzzjoni. Ir-riformi kollha li saru fl-aħħar sitt snin mill-MFA waslu kollha grazzi għall-fatt li kollha kemm aħna konna tim kumpatt. Fl- MFA iltqajt ma' persuni eċċezzjonali, u ġurnata wara l-oħra, komplejt nagħmel ħbieb ġodda. Se nimmissjahom żgur u ninsab grat ħafna għal dawn il-persuni kollha għas-sapport li dejjem urewni. Kelli relazzjoni tajba ħafna mal-klabbs u nemmen li huma apprezzaw l-integrità u l-approċċ serju tiegħi. Huma kienu jafu li dak li kont qed nipproponi jien ma kienx minħabba xi aġenda moħbija iżda minħabba li ġenwinament kont qed infittex dak li kien tal-akbar ġid għall-futbol lokali. Huwa fatt magħruf li fik u fi Bjorn Vassallo l-MFA tilfet żewġ pilastri. X'tikkummenta? Nifhem li jien u Bjorn Vassallo konna forsi dawk li jidhru l-iktar fl-MFA u l-iktar nies aċċessibbli għal ħafna nies fi ħdan il-familja tal-futbol Malti, però għalkemm għall-bidu se jkun hemm bżonn ta' ftit żmien biex tindara r-realtà l-ġdida, u s-Segretarju Ġenerali l-ġdid u l-viċi president li ġej warajja jingħataw ftit żmien biex jidraw il-mod kif taħdem l-MFA, ma nemminx li r-reżenja tiegħi u ta' Bjorn Vassallo se tkun qed toħloq xi diffikultajiet kbar għall-MFA. M'għandix dubju li l-assoċjazzjoni ser tkompli miexja 'l quddiem taħt il-gwida tal-President, Norman Darmanin Demajo, bl- għajnuna siewja tas-Segretarju Ġenerali, Angelo Chetcuti. Fl-aħħar, kif qed tħares lejn il-futur tiegħek? Tqis il-possibiltà li fil-futur tkun il-President tal-MFA? Ħa nibda l-esperjenza tiegħi ġewwa l-UEFA l-ewwel. Bħalissa iffukat u kkonċentrat biex ikolli impatt tajjeb mal-impjieg il-ġdid tiegħi u nħares 'il quddiem għal din l-isfida. Rigward il- futur, min jaf x'hemm lest għalina. Tista' tagħmel ħafna pjanijiet dwar futur, però nemmen li ma tantx għandek kontroll fuq id-destin tiegħek. Sitt snin ilu kont avukat naħdem il-Qorti, u għalkemm iffissat fuq il-logħba tal-futbol, qatt ma stennejt li kont se nkun involut fl-MFA, wisq anqas li dan kellu jsir ix-xogħol prinċipali tiegħi u li kont se nkun viċi president tal-MFA u mbagħad Integrity Officer tal-UEFA, jiġifieri ma nistax ngħidlek x'għad jiġri fil-futur! Li hu żgur huwa li nagħmel x'nagħmel ħa nagħmlu bil-qalb u b'passjoni lejn din il-logħba, kif għamilt f 'dawn is-snin li ili nvolut fl-assoċjazzjoni. Serjetà u mpenn li naħseb ġew apprezzati mill-persuni kollha li ħdimt magħhom f 'dawn is-snin. Għalhekk nemmen li għandi għalissa għandi nħares esklussivament lejn il-preżent. Illum, aċċettajt il-kariga ta' Integrity Officer tal-UEFA u ninsab kburi u kuntent biha. Però min jaf, fil-ħajja tgħallimt li qatt m'għandek teskludi xejn!

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 27 November 2017