Illum previous editions

illum 18 June 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/838708

Contents of this Issue

Navigation

Page 20 of 35

Il-Ħadd 18 ta' Ġunju 2017 | illum Editorjal ILLUM, MEDIATODAY LTD, VJAL IRRIĦAN, SAN ĠWANN SĠN 9016 Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075 Ittri u Kummenti, Imejl: illum@mediatoday.com.mt Ftakar Joseph, ftakar I l-karikatura t' hawn fuq hija mnebbħa mill-era Rumana meta dak li kienu jgħidulu l-Auriga, skjav bi status ta' gladjatur kien ikun wara l-Imperatur fiċ-ċelebrazzjoni ta' tirjonf iżomm il-kuruna fuq ras l-imperatur u kien jgħidlu l-kliem 'memento homo, memento mori', li tfisser ftakar li int sempliċiment/ biss raġel u ftakar li int mortali. Dan il-kliem kien jitfesfes fil-widnejn tal-Impertur biex dan ma jinsa qatt li hu mhux 'il fuq mill-kotra, imma parti minnha. Il-Partit Laburista bħalissa qed jesperjenza dak li jista' jitqies biss bħala trijonf. Trijonf fir-rebħa massiċċa li għadu kif għamel, simili għar-rebħiet elettorali li għamel fl-2009 u l-2014 (elezzjonijiet tal-PE) u l-2013 (elezzjoni ġenerali). Għalhekk nistgħu ngħidu li l-Partit Laburista, imma speċjalment Joseph Muscat bħalissa jinsabu fl-apiċe, fil-quċċata tal-istorja tal-Partit Laburista li tliet snin oħra jagħlaq 100 sena ta' storja. Qatt daqs illum il-PL mhu qed jidher li huwa l-partit 'naturali' fil-Gvern u qatt daqs illum, il-Partit Laburista mhu qed jiffaċċja Partit Nazzjonalista li hu dgħajjef u diżilluż. Dawk li jiftakru l-aħħar 20 sena ta' politika, jiftakru Partit Laburista u Partit Nazzjonalista li lanqas biss jintgħarfu ma' dak tal-lum, tajjeb jew ħażin. Fil-vera sens tal-kelma l-arloġġ dar 360 grad u dawk l-attirbwiti li kienu jingħataw il-partiti fl-1998/2003 nqalbu kompletament. Imma fejn hemm it- tlugħ, hemm l-inżul u fejn hemm il-quċċata tal- muntanja hemm il-fondoq tal-wied. U daqskemm huwa importanti li l-PN jidħol daħla ġo qoxortu, hekk ukoll il-PL jeħtieġ jeżamina fejn żbalja u fejn bena pontijiet li anke jekk rebħuh l-elezzjoni, huma efemeri u se jispiċċaw ma jdumux. L-elezzjoni u t-trijonf tal-PL u ta' Muscat ma jfissirx li dak li huwa intrinsikament ħażin, jista' qatt isir tajjeb. Il- korruzzjoni ma rebħitx lill-PN l-elezzjoni, imma dan ma jfissirx li l-poplu qal 'iva' għall- korruzzjoni kif hemm min qed jalludi. Il-poplu induna li l-messaġġier kien korrott ukoll sa ftit snin qabel u ma emmnux u vvota, kif kien qal eżatt dan l-editorjal li se jiġri, lill-aħjar mill-agħar. Lil dak li qed jiggarantixxi li għalissa r-rota se tibqa' ddur bil-qawwa, anke jekk kien hemm min fi ħdanu li kien rgħib. Għażlu lil dak li ħoloq u jrid jkompli joħloq l-impjiegi, jagħti d-drittijiet u li kellu pjan ħafna iktar ċar u serju għat-tmexxija tal-ażjenda jisimha Malta. Imma m'għażlux il-korruzzjoni, mhux vera. Mhumiex korrotti mhux vera. Għax minkejja l-ħafna rapporti, anke fuq din il-gazzetta stess ta' xogħlijiet u pjaċiri li ngħataw matul is-snin, il-maġġoranza assoluta tal- Maltin jaħdmu, jistinkaw u jinvestu fihom infushom. U waslu grazzi għalihom. U għamlu suċċess grazzi għalihom. U jekk telgħu skaluna jew kien hemm min tahom xi ftit palata biex jitilgħu skaluna xorta għamlu dan għax kapaċi. U min jiftaħ il-friġġ tad-dar u jsib kull tip ta' ikel jew isiefer xi safra u jaf li dan seta' għamlu għax ħadem u stinka, ma jista' qatt u qatt jaċċetta lil min jitla' u jasal fil-ħajja għax seraq jew għax ħa dak li mhux tiegħu. Ikun żball madornali u anke fatali jekk Muscat iħoss li t-trijonf mistħoqq ta' rebħa, li ġiet għax għamel ħafna tajjeb, wettaq ħafna u kellu ħafna enerġija, jista' qatt iservi ta' gomma biex tħassar u tapit biex taħbi. Kull bidu fih it-tmiem u dan l-editorjal jixtieq jappella biex fi tmiem tal-karriera politika ta' Muscat inkunu qed nitkellmu verament dwar l-aqwa żmien ta' pajjiżna, inkunu verament qed nitkellmu dwar is-snin meta l-pajjiż kompla jfur bix-xogħol u meta saru proġetti ambizzjużi li minnhom se jgawdu tant ġenerazzjonijiet. Inkunu qed nitkellmu dwar drittijiet ġodda u suċċessi li għamlu d-differenza f 'ħajjet in- nies. Mhux nitkellmu dwar ir-rgħiba u l-ħabi, dwar l-intenzjonijiet ħżiena ta' xi wħud. Kbir kemm kien kbir is- suċċess, bħal pjanta jeħtieġ ikun indukrat, imsaqqi u miżmum 'il bogħod mid-dud li jieklu, li jiekol minnu sakemm jeqirdu. Ftakar Joseph, ftakar. Li int bniedem bħall- oħrajn. Kun umli fir- rebħa u iebes fejn jeżisti l-ħażin. L-istorja politika hija mimlija bi stejjer ta' politiċi li tpoġġew fuq l-ogħla pedestall u nbnielhom l-isbaħ monument, mill-istess poplu li mbagħad xkupahom 'il barra. Ftakar, għax min ma jiftakarx jiġi mfakkar. Editur: Albert Gauci Cunningham 21

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 18 June 2017