Illum previous editions

illum 18 June 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/838708

Contents of this Issue

Navigation

Page 22 of 35

Il-Ħadd 18 ta' Ġunju 2017 | illum 23 ĦARSET 'il quddiem lejn il-bini ta' quddiemha u waqfet għal ftit. Poġġiet il-bagalji mal-art u ħadet nifs twil. Ħajja ġdida. Futur. Għalkemm il-bini ta' quddiemha kien xi ftit qadim u mdallam, bit-twieqi żgħar, ma kinitx tiflaħ għall-ispejjeż ta' post aħjar minn dan. Kienet xtratu bi ftit flus. Wara dak kollu li kienet għaddiet minnu... Wara dak kollu li kienet għaddiet minnu minħabba r-raġel kattiv illi kienet iżżewġet u li ma kien jistmaha xejn... Imma issa ma riditx taħseb iżjed. Ħajja ġdida. Futur mill-isbaħ. Qabdet il-bagalji, ħarset lejn binha u tbissmitlu. "Terence, hawn inkunu ferħanin!" qaltlu bid-daħka. Bdiet miexja lejn il-bini, bit- tifel jaqbad ma' djulha u jimxi magħha. Fetħet il-bieb tal-blokka ta' appartamenti u daħlet ġewwa, imxiet lejn l-appartament tagħhom, poġġiet il-ftit affarijiet bażiċi li kienet ġabet magħha fil- post il-ġdid u ħassitha komda. X'riedet iżjed? Post ġdid 'il bogħod mill-uġigħ kollu li kienet soffriet dan l-aħħar. It-tifel donnu għoġbu l-post mill-ewwel. Beda jiġri madwar l-appartament u jifraħ. "Din is-sodda tiegħek..." qaltlu titbissem. Indunat li kien hemm xi kotba użati fuq xi xkafef li kienu ħallew in-nies li kienu joqogħdu hemm qabilhom. "Dawn kollha naqrawhom..." Qabdet ftit fjuri friski li kienet qatgħet minn ġnien fil-qrib. "Ejja miegħi, Terence," qaltlu u ħarġet mill-bieb tal-appartament tagħha. Peress illi huma kienu ser jibdew joqogħdu fis-sular ta' isfel, telgħet sular taraġ u waslet quddiem il-bieb li kien hemm jagħti għall-appartament ta' fuqhom. "Irridu nagħtu dawn lill-ġara..." Ħabbtet fuq il-bieb bil-mod. Terence, donnu issa kien beda jifhem ftit u beda jħares lejn il- bieb b'għajnejh miftuħin beraħ, imberrqin, jistenna ħalli jara min kien ser jiftaħ. Instemgħu xi passi ġejjin bil-mod minn ġewwa u l-bieb jinfetaħ biż-żaqżiq. Ix-xwejħa li kienet qiegħda tħares lejhom minn wara l-bieb ħallietu fuq il-katina tal-ħadid u baqgħet hemm tiflihom. "Xi tridu?" staqsiet lil Adelina bl-leħen goff. "Aħna ġejna noqogħdu fis- sular t' isfel, ġejt nagħtik dawn..." qaltilha Adelina b'leħen ferrieħi u wrietha l-fjuri. Ix-xwejħa sabbtitilha l-bieb f 'wiċċha. Għal mument, Adelina kienet ser tibqa' hemm fil-komun, tistenna, iżda xħin rat li x-xwejħa ma reġgħetx fetħet il-bieb, daret lura. Inħasdet. Ma stennietx... Fil-kantuniera tat-taraġ, kien hemm mara qiegħda tħares lejha minn taħt. "Eeee...skużani jekk ħsadtek!" qaltilha b'leħen baxx, donnha xi ftit mistħija. "U le lanqas xejn..." weġbitha Adelina. "Ma kontx indunajt bik." "Jien noqgħod fuq nett. Dik tagħtix kasha. Dejjem hekk tagħmel! Dejjem irrabbjata! Anke miegħi u ilni ngħix hawn snin twal!" qaltilha din il-mara bi tbissima. Sa fl-aħħar! Adelina ħadet nifs twil u ħassitha aħjar! Sa fl-aħħar rat lil xi ħadd jitbissmilha! "Jien jisimni Betta, ejja sa fuq, nieħdu te flimkien!" "Mela dawn ħudhom int!" qaltilha Adelina. U telgħu fis-sular ta' fuq nett. Fl-appartament ta' Betta, Adelina ħassitha komda. Kien arjuż u kellu veduta aħjar minn tagħha. Iżda fil-kamra tas-sodda kien hemm tifel, donnu xi ftit marradi. "M'għandu xejn li jittieħed..." qaltilha. U Adelina tat il-permess lil Terence biex imur ħdejh fil- kamra u joqogħdu jilagħbu. "Ilu marid minn meta kien żgħir. Filfatt lanqas skola ma jmur. Jiġi l-għalliem hawn u jgħaddilu s-suġġetti." Betta għamlet żewġ kikkri te u Adelina ħadet gost tirraġuna magħha. Għalkemm Betta kienet donnha mistħija, kienet tidher twajba ħafna u Adelina qatt ma kellha ħbieb. "Qatt ma rajt mara rrabjata hekk ta!" kienet qiegħda tgħidilha Betta għax-xwejħa li kienet toqgħod hemm isfel. It-tfal kienu ħadu gost flimkien ukoll. "Nerġa' niġi narak," qalet Adelina lil Betta. Kuljum bdiet tmur ħdejha, jgħidu kelmtejn. Ġieli kienet teħdilha xi frott jew ħaxix. U ġieli kienet tieħu xi ktieb u joqogħdu jaqraw ftit flimkien lit-tfal. "Jismu Tommy...qatt ma ħa ruħ. Dejjem fis-sodda," kienet tgħidilha għal binha. Adelina kienet titħassru. Dejjem fis-sodda. Tifel irqiq, sfajjar, donnu bla demm. Kien jidher bla saħħa. U donnu kien xi sentejn akbar fl-età minn Terence tagħha. Iżda bdiet titħasseb kif Betta qatt ma kienet toħroġ mill-bieb 'il barra. Qatt ma kienet tiġi għandha hi. Dakinhar filgħodu, stenbħet xi ftit aktar kmieni mis-soltu. Għamlet dik in-nofs minuta taħseb fir-raġel li kienet iżżewwġet fi xbubitha u fis-swat li kienet qalgħet minħabba fih. Issa kienet saret soda. Ma kinitx għadha tibki għall-passat. Qamet bilqiegħda fis-sodda u ħarset 'il barra mit-tieqa semikjuża tal- kamra li minnha kien diġà beda dieħel id-dawl. Kien diġà beda jisbaħ. Il-purtiera tal-kamra kienet qiegħda tiċċaqlaq xi ftit biż-żiffa ħelwa li kienet dieħla ġewwa. Qamet minn ġos-sodda u għamlet il-kitla fuq in-nar. Issa kienet ser tagħmel ftit te, tipprepara l-kolazzjon u tieħu lil Terence lejn l-iskola. Iżda eżatt malli fetħet il-bieb tal-kamra ta' Terence, marret qrib soddtu u bdiet tinkwieta. Kemm kien isfar! U donnu kellu l-għaraq nieżel minn ma' xbinu! "Terence..." qaltlu. "Mamà, ma niflaħx..." weġibha b'leħen miksur. Adelina bdiet tinkwieta. Kif kien marad hekk? "Irrid il-mediċina mamà...ma niflaħx!" beda jingħi t-tifel. Imma kif kienet ser tagħmel biex tmur tixtrilu l-mediċina mill-ispiżerija li kien hemm fiċ-ċentru tar-raħal? Dejjem kien hemm dik in-nofs siegħa mixi biex tasal! Għal mument kienet insiet il- kitla tal-misħun fuq in-nar! Tfietha u telqet tiġri lejn l-appartament ta' Betta. L-appartament tal-ġara. "Nista' nħalli ftit it-tifel miegħek?" staqsietha kontra qalbha. Qatt ma kienet ħallietu waħdu ma' ħadd iżda kienet taf li ma' Tommy ma kienx ser jiddejjaq żgur. "U mela le!" weġbitha Betta bi tbissima. "Mur ġibu u joqgħod ma' Tommy!" Ftit ħin wara, poġġiet lil binha Terence ħdejn Tommy. Irringrazzjat lil Betta u qaltilha li ma tantx kienet ser iddum ma tmur lura. Għal mument waqfet. Waqfet tħares lejn binha. Bdiet tinkwieta. Qatt ma kienet ħallietu waħdu... U le, Betta kienet il-ġara... It-triq lejn l-ispiżerija ratha twila, bejn għax kienet inkwetata għal Terence u bejn għax xtaqet tasal malajr ħalli tfittex tagħtih il-mediċina. Eżatt malli waslet quddiem il- blokka appartamenti fejn kienet toqgħod hi, b'nifisha kważi maqtugħ għal kollox, rat il-bieb ta' quddiem jinfetaħ u jingħalaq. Minħabba x-xemx, bdiet tkemmex ftit moħħha ħalli tara aħjar. Ratha. Hemm kienet. Dik ix-xwejħa li kienet għalqitilha l-bieb f 'wiċċha. Il- ġara. Fiha ġara wkoll! Imnalla kienet sabet lil Betta, għax kieku lanqas ma' min tgħid kelma ma kien ikollha! U dak il-ħin bdiet tħoss l-għaraq ixoqq għaliha. Indunat li x-xwejħa kienet ratha u donnha kienet qiegħda tistennieha taqsam it-triq ħalli tkellimha. "Isma, sinjura..." qaltilha eżatt malli waslet ħdejha. Adelina waqfet bilwieqfa tħares lejha, tagħfas xi ftit il-pakkett tal-mediċinali li kellha inkartat f 'idejha. Ma kellmithiex. Ħarset lejha u ma lissnitx kelma. "Skużani ta' dakinhar..." Ix-xwejħa, li għalkemm kienet ġurnata sajfija kienet imgeżwra b'xall skur madwar wiċċha, kienet qiegħda tħares lejha b'għajnejn żgħar, wiċċ fin imma mkemmex u b'xufftejn xi ftit jagħtu fil-vjola. Kellha libsa skura wkoll u kieku kellha tpinġiha, kienet tagħtiha dehra ta' xi saħħara. Imma leħinha kien jidher kalm. Kalm u ġentili. Illum. "Ma jimpurtax..." weġbitha Adelina. "U le, kont ftit urtata dakinhar. U jien neħodhom bi kbar wisq!" qaltilha x-xwejħa u Adelina rat bidu ta' tbissima. "U le, ma jimpurtax. Grazzi talli qiegħda tkellimni. Jiena kulma xtaqt hu li niltaqa' miegħek...taf inti, għadni ġejja ngħix hawn u hekk..." "Iva nifhmek. Kull bidu hu xi ftit iebes. Speċjalment meta tkun waħdek." Adelina ma tkellmitx. Kollox donnha kienet taf. Anke li kienet waħedha. Sellmitilha u kienet dieħla lura fl-appartamenti. "Isma'," qaltilha, taqbdilha spallitha. Ħasditha. Għall-mument ħasditha. "Ikollok bżonni, jien hemm inkun. Nieħu gost li nkunu ħbieb... Bħala l-ġara l-ġdida..." qaltilha b'leħen xi ftit maħnuq. "Iva, anke jien," gidbitilha Adelina. "Speċjalment minħabba l-fatt li fil-blokka appartamenti qegħdin jien u int biss." Adelina kesħet. Ibbieset. Ma felħitx tiċċaqlaq. Tgħid tidħaq jew tibki? "Ji en u int... x'inti tgħid?" staqsietha. Berrqet għajnejha u għal mument indunat li mhux kollox kien kif suppost kellu jkun. "Eħe, jien u int biss...m'hemm ħadd aktar..." "Il-ġara l-oħra... tas-sular ta' fuq..." qaltilha Adelina tħoss l-art iddur biha. Indunat. Fis-subkonxju ta' moħħha, għalkemm qatt ma kienet ammettietha magħha nnifisha kienet indunat li l-affarijiet ma kinux kif kienu jidhru. "Il-ġara l-oħra? Ara ssemmiha biss!" "Betta... u t-tifel...." "Ieqaf!" bdiet tgħajjat ix- xwejħa bid-dmugħ f 'għajnejha, donnnha waħda mitlufa minn sensiha. "In-nar li kien ħakem is- sular ta' fuq. Kienu mietu. In-nar kien ħadhom b'kollox. Bħal-lum ħames snin. Eżatt. Binti! Binti Betta!" Adelina żammet in-nifs għall- komportament stramb tax- xwejħa u telqet tiġri lejn is-sular ta' fuq nett. Bdiet tħabbat fuq il- bieb. Bdiet tħabbat qisha waħda mitlufa minn moħħha! Ħadd ma fetħilha! La Betta! La Tommy! U lanqas Terence! "Terence!" bdiet twerżaq. Ftit ħin wara, kienet qiegħda kokka mal-art qisha waħda ċċassata. Ix-xwejħa kienet ċemplet il-pulizija. Fetħulha l-bieb. Irmied! Daħlet tiġri madwar l-appartament u tbellhet! Sa ftit ilu...kienet qiegħda hemm! Issa kien hemm kullimkien irmied! "It-tifel tiegħi fejn hu?" bkiet u werżqet Adelina, iżżomm idejn il-pulizija. "Sinjura qiegħda tħawwad tafx...hemm ġew kienu mietu tlieta! Mara jisimha Betta, it-tifel tagħha u t-tifel tal-ġara tagħhom, ċertu Terence għandu jkun. It-tlieta kienu nħarqu f 'dak l-appartament! Ħadd ma salva! Ilu vojt..." "Imma kif jista' jkun?" bdiet tlaqlaq Adelina. "Ħames snin ilu sinjura. Eżatt bħal-lum." Rakkont Sharon Calleja Il-ġara

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 18 June 2017