Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/838708
7 Il-Ħadd 18 ta' Ġunju 2017 | illum Aħbarijiet Seba' switchers u 5,300 vot Għal snin issa ilna nisimgħu bl-iswitchers...switchers telgħin u neżlin. Imma meta niġu għas-si u n-no l-poplu jivvutalhom lill-iswitchers? GĦAL dawn l-aħħar snin u fl- aħħar sondaġġi li saru minn kmamar tal-aħbarijiet differenti l-qarrejja u anke l-poplu inġenerali kien ibbumbardjat bil-frażi 'switchers'. 'L-iswitchers se jiddeċiedu', 'l-iswitchers importanti', 'l-iswitchers baqgħu ma' Muscat' u 'l-iswitchers marru lura għand il-PN.' Għat-tieni elezzjoni konsekuttiva dawn l-imberkin switchers okkupaw iċ-ċentru tad-diskussjoni, tal- attenzjoni u xi kultant tal-palk tal- mass meeting ukoll. Imma lil hinn mill-paroli, meta niġu għall-fatti, il- votanti jivvotawlhom lill-iswitchers? Jafdawha bil-vot tagħhom persuna li tkun għamlet pubblika l-intenzjoni li tivvota lill-partit ieħor? Jew l-iswitchers, f 'dan il-pajjiż polarizzat, tajbin biss għall-vetrina jew bħala trophy biex jiġbed is-simpatija tan- nies lejn il-partit rispettiv? Lil hinn mill-aġġettivi ta' 'kuraġġuż' u 'persuna onesta' jew inkella ta' 'ġakbin' u 'traditur' (skont il- kantuniera politika li tkun infilsat fiha), l-ILLUM tat ħarsa lejn il-voti li ġabu s-sitt switchers li dehru xi mkien fil-lista ta' kandidati u kif dawn marru fl-elezzjoni ġenerali ta' ġimagħtejn ilu. Jean Claude..kważi, kważi imma ma wasalx Jean Claude Micallef ġab b'kollox 787 vot minn żewġ distretti. Fit- tielet distrett, fejn l-aktar li ħadem u fejn jgħix Micallef akkwista ammont rispettabbli ta' 670 vot. Huwa ġab is-sitt l-akbar numru ta' voti minn lista ta' 14, b'Chris Fearne, Carmelo Abela, Owen Bonnici, Helena Dalli u Salvino Grixti lkoll jakkwistaw numru ta' voti akbar. Hawnhekk is-sorpiża kienet Grixti, tabib tal- familja popolari fiż-Żejtun li ġab 2,562 vot. Dan ifisser li fid-distrett 'tiegħu' Micallef akkwista 4.1% tas-16,328 vot li marru għand il-PL. Huwa ma kienx elett u minħabba li mhux se ssir elezzjoni każwali hawn m'għandux ċans, sakemm ma jinqala' xejn mhux ippjanat, li jkun fil- Parlament f 'din il-leġiżlatura. Fl-għaxar Distrett Micallef ġab biss 117-il vot jew 1.3% biss tat-8,873 vot li marru għand il-PL. Switchers Żebbuġin...imma s'issa l-art qegħdin Switcher ieħor li bħal Micallef kien involut fil-PN, tant li kien saħansitra Deputat tiegħu huwa Jeffrey Pullicino Orlando. Dan ma tantx ġabar wisq voti, anke jekk kien fl-aħħar mumenti li ddeċieda li jkun kandidat. Fil-fatt, akkwista biss 572 vot fis-seba' distrett u ma kienx elett. Dan jista' faċilment jkun ikkumparat ma kemm kien ġab voti fl-2008 bħala kandidat tal-PN, meta l-istess Pullicino Orlando kien pinġut mill- PN bħala vittma tal-attakki tal-MLP u Afred Sant. F'dik l-elezzjoni huwa kien ġab 2,824 vot mis-seba' distrett biss u elett mal-ewwel count. Fuq dan id-distrett u marbut ukoll mal-lokalità ta' Ħaż-Żebbuġ, f 'din l-elezzjoni kien hemm Godfrey Farrugia. Eks Deputat u Whip tal-PL li din id-darba kien fil-lista tal-PN. Fl-2013, Farrugia kien kiseb it-tieni l-akbar ammont ta' voti għall-PL jew 2,089 vot. F'din l-elezzjoni huwa kiseb 1,080 vot u għadu ma kienx elett, għalkemm jista' jkun li b'elezzjoni każwali li se ssir din il- ġimgħa jispiċċa fil-Parlament ukoll. Marlene; bil-podju b'kollox xorta naqqset il-voti Naturalment l-aktar switcher li kienet kandidata u li marret tajjeb kienet Marlene Farrugia, Kap tal-PD, fuq il-lista tal-PN fl-aħħar elezzjoni u persuna li serqet ix-xena diversi drabi matul l-ewwel erba' snin ta' Gvern Laburista. Farrugia ngħatat ħafna spazju fuq il-midja, imma speċjalment fuq il-midja tal-PN, li saħansitra għażilha biex tindirizza numru ta' mass meetings, l-aktar kruċjali jkunu l-aħħar tliet mass meetings tal-PN (Tas-Sliema, Għawdex u l-Fosos). Dan apparti li kienet ukoll kelliema f 'diversi dimostrazzjonijiet li organizza l-PN matul l-aħħar erba' snin. Dan ifisser li Farrugia ngħatat exposure qawwija ħafna. Minkejja dan Farrugia rat in- numru ta' voti li kisbet fid-distrett tagħha, il-ħames distrett, jittiekel waħda sew. Minn 2,525 vot, din id-darba Farrugia akkwistat 821 vot biss jew 1,704 voti inqas. Minkejja li huwa ammont inqas meta wieħed jikkunsidra l-ammont ta' voti li marru għand il-PN, it-821 xorta jirrappreżenta 10.6% tal-voti Nazzjonalisti f 'dan id-distrett. Min-naħa l-oħra hija kisbet 1,016- il vot fl-10 Distrett u kienet eletta. Salvu brodu...Liam baqa' lura L-aktar 'switcher' li mar ħażin f 'din l-elezzjoni kien Salvu Mallia. Żbukkat u fiċ-ċentru tal-attenzjoni minħabba diversi stqarrijiet li saru minnu stess meta qabbel lil Muscat ma' qurdiena, Hitler u mal-pesta, apparti l-lingwaġġ 'kulurit' kollu l-ieħor li uża. Minkejja li l-PN, jew aħjar Simon Busuttil, stennew li Mallia kien se jattira numru kbir ta' voti Laburisti ta' protesta, mhux talli dan ma ġarax, talli Mallia kiseb numru miżerabbli ta' 39 vot mid-distrett illi jgħix fih (it-12-il distrett). Fit-tieni distrett akkwista 76 vot, biex b'kollox ġab 115-il vot jew l-inqas ammont ta' voti li ġab kandidat switcher. Liam Sciberras, bħal Salvu Mallia, kien ivvota PL fl-2013, imma ħassu iddiżappuntat bil-Gvern Laburista u allura ngħaqad mal-PN. Sciberras, li kien qed jikkontesta għall-ewwel darba, kiseb biss 222 vot mir-raba' distrett fejn kien kandidat. Sciberras, kiseb fost l-inqas numru ta' voti mill-kandidati tal-PN f 'dan id-distrett bi predominanza kbira Laburista għalkemm fil-fatt ftit li xejn ingħata exposure meta mqabbel ma' switchers oħrajn li marru mal- PN bħal Marlene, Salvu u Godfrey. Castaldi Paris; it-tieni mill- aħħar Finalment switcher ieħor illi spiċċa fuq il-karta tal-vot kien Ian Castaldi Paris, eks Sindku u membru tal- Eżekuttiv tal-PN. Castaldi Paris ukoll ingħata ċerta ammont ta' exposure fuq il-midja Laburista, speċjalment fuq programmi ta' diskussjoni. Kien ukoll indirizza lill- attivisti f 'Ħal Tarxien. Minkejja dan, Castaldi Paris ġab b'kollox 782 vot minn fuq żewġ distretti, is-seba' u t-tmien distrett. Fuq it-tmien distrett, li fuqu kien ikkontesta wkoll fl-2013 mal-PN Castaldi Paris mhux talli m'għamilx progress, tali ġab biss 233 vot, imqabbel mal-458 fl-istess distrett meta ħareġ f 'isem il-PN. Castaldi Paris ġab it-tieni l-inqas numru ta' voti wara Rachel Tua, tant li fid-distrett għaddewh ukoll kandidati bħal Rosianne Cutajar u Alex Muscat li għalihom dan kien distrett 'sekondarju'. agcunningham@mediatoday.com.mt Albert Gauci Cunningham Godfrey Farrugia Ian Castaldi Paris Jeffrey Pullicino Orlando Liam Sciberras Marlene Farrugia Salvu Mallia Jean Claude Micallef